Jum il-Ħelsien — Attivitajiet f'għeluq il-25 sena anniversarju
Question
Minħabba li din is-sena jaħbat il-25 sena anniversarju ta’ Jum il-Ħelsien li taħbat waħda mill-ħames festi pubbliċi ta’ pajjiżna, jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru xi attivitajiet speċjali minħabba dan l-anniversarju kif isir normalment u kif sar f'okkażjonijiet oħra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jagħti l-ammont ta' dħul matul is-sena 2003 li kull wieħed mill-awtoritajiet, regolaturi u entitajiet pubbliċi oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu daħħlu direttament u li f'xi żmien qabel l-1998 kienu jidħlu direttament fil-fond konsolidat fir-revenue tal-gvern u inklużi fl-estimi ġenerali approvati mill-Parlament?
Jista' f'kull każ jagħti s-sena minn meta dan id-dħul ma baqax inkluż fl-estimi ġenerali u beda jinġabar direttament minn dawn l-awtoritajiet u azjendi, korpi parastatali, eċċ. skond il-każ?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li dawk l-entitajiet li kienu diġa' jeżistu qabel l-1998 jiġifieri l-Pixxina Nazzjonali, it-Teatru Manoel, l-Orkestra Nazzjonali kif ukoll Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, id-dħul tagħhom qatt ma kien jidħol fil-fond konsolidat.
L-entitajiet l-oħra li jaqgħu taħt dan il-Ministeru ġew kostitwiti wara dik id-data. Il-parti l-kbira tagħhom wara l-1998.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni/organizzazzjonijiet li qed jużaw regolarment il-kumpless sportiv tal-Kottonera? Liema huma dawn l-organizzazzjonijiet? F'liema lokalita' joqogħdu l-persuni li jużaw regolarment il-faċilitajiet ta' dan il-kumpless?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infurmat li l-għaqdiet li qed jagħmlu użu regolari mill-Kumpless Sportiv tal-Kottonera huma :-
Association of Arms Collectors and Target Shooters;
Blue Sea Angling Club;
Challenger Fitness Centre;
Federation of Sea Anglers;
Komunita' Tiġi Saltnatek;
Kunsill Malti għall-Isport;
Malta Amateur Weightlifting Association;
Malta Badminton Association;
Malta Billiards Association;
Malta Volleyball Association;
Southern Windsurfing Club;
St. Edward's College;
Traditional Karate Federation of Malta.
Saru id-diskussjonijiet mal-Liċeo tas-subien, Gużeppi Despott fejn kien offrut l-użu tas-sala prinċipali tal-kumpless għall-ħlas nominali ta' Lm1.00 kull siegħa. Id-diriġenti ta' din l-iskola ma wrewx interess li jieħdu din l-offerta. Inbdew diskussjonijiet ma' l-iskejjel primarji tal-Cottonera biex wieħed jara x'jista' jsir f'dan ir-rigward.
Numru ieħor ta’ organizzazzjonijiet jagħmlu użu mill-kumpless għal attivitajiet partikolari.
Appena jitlestew olterazzjonijiet strutturali temporanji, numru konsiderevoli ta’ għaqdiet oħra għandu jingħatalhom sede permanenti attrezzat għall-ħtiġijiet moderni biex jkunu jistgħu iwettqu l-operat tagħhom.
L-amministrazzjoni tal-Kumpless ma żżommx informazzjoni fuq il-membri ta’ l-għaqdiet imsemmija hawn fuq. Wieħed jassumi li l-persuni li jieħdu sehem fl-attivitajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet ġejjin minn ħafna lokalitajiet diversi.
Jista' il-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għal matul is-sena 2004 għall-ħarsien tal-wirt storiku fl-Imġarr, Malta u l-limiti tiegħu mill-istrutturi li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tal-Qroqq — Pixxina nazzjonali - għawwiema tal-ASA
Question
Jikkonferma l-Ministru li hemm uħud mill-għawwiema tal-ASA li m'għadhomx jitħarrġu fil-Pixxina Nazzjonali u se jmorru jitharrġu bi ħlas f'pool privata? Jikkonferma li din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba xi problemi dwar il-mod li kienet qed tissaħħan il-Pixxina f' Tal-Qroqq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant bħalissa qiegħed isir xogħol fuq il-pool il-kbir tal-pixxina nazzjonali.
Dan ix-xogħol mistenni li jitlesta sa l-aħħar ta’ Frar.
Irrid inżid ukoll li dan ix-xogħol sar wara ftehim milħuq bejn l-amministrazzjoni tal-Pixxina Nazzjonali, il-Kunsill Malti għall-Isport u l-A.S.A.
Inżid ukoll li diving pool qiegħda tissaħħan skond l-istess ftehim u għawwiema jistgħu jagħmlu t-taħriġ normali tagħhom fiha.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu flus f' pagi fil-Pixxina Nazzjonali f' Tal-Qroqq fl-2003? Kemm inħareġ f'sahra, allowances, etc lill-impjegati? X' kien l-ammont globali li tħallas liċ-chairman u lill-membri tal-bord? Jista’ jgħid jekk hemmx xi percacci ohra? Jekk iva, fiex kienu jikkonsistu dawn il-percacci?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li n-nefqa totali f'pagi fl-2003 kienet ta' Lm 82,942. Minn dawn kien hemm l-ammont ta' Lm4,449 li tħallas f'sahra eċċ. L-ammont globali li tħallas liċ-chairman u lill-membri tal-bord kien ta' Lm 13,525. Ma dawn hemm ukoll performance bonus li jingħata liċ-chairman li għadu ma ġiex kwantifikat. Iċ-Chairman għandu s-servizz ta' telefon ċellulari.
Jista’ il-Ministru jgħid, minbarra l-impjegati tal-Pixxina Nazzjonali, hemm xi ħaddiema konnessi mal-pixxina li huma sekondati minn xi xipartiment tal-gvern? Kemm hemm? X' inhu x-xogħol tagħhom? Kemm ilhom jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li fil-preżent hemm sitt ħaddiema fil-plant room u erba' watchmen detailed mal-Kunsill Malti għall-Isport li qed jagħmlu xogħol fil-Pixxina Nazzjonali. Il-ħaddiema fil-plant room ilhom jagħmlu dan ix-xogħol mill-1993. Mill-watchmen, wieħed ilu l-Pixxina mill-1993, wieħed mill-1998 u tnejn mill-2001.
Żewġ ħaddiema oħra li ġew mibgħuta, wieħed mill-IPSE u l-ieħor mill-MIMCOL, qed jagħmlu xogħol ta' manutenzjoni u ilhom minn Dicembru u Novembru 2003 rispettivament.
Jista’ il-Ministru jgħid x'għajnuna ngħatat mill-ministeru tiegħu biex jiġu megħjuna għaqdiet/assoċjazzjonijiet sportivi biex isiru testijiet anti-doping fl-2003? Liema kienu dawk l-għaqdiet li gew megħjuna? Fejn isiru dawn it-testijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru s-sena l-oħra għadda Lm 4,000 lill-Malta Football Association u Lm 400 lill-Malta Amateur Body Builders Association biex isiru testijiet anti-doping.
It-testijiet saru ġewwa :- Institut fur Doping Analytik und Osortblockemle, Dresden, il-Ġermanja,
Jista’ il-Ministru jgħid il-league tal-football tal-gvern/parastatali, bħalissa qed isir? Kemm hemm timijiet li qed jieħdu sehem? Fejn qed jintlagħab il-logħob ? Jista’ jghid jekk il-ministeru tiegħu joħroġx xi forma ta' finanzjament biex ikopru l-ispejjeż involuti bħal ħlasijiet ta' l-uffiċjali tal-logħba?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpella li l-Malta Employees Sports Association flimkien mal-Kunsill Malti għall-Isports ikkonkludew l-arranġamenti kollha meħtieġa sabiex jingħata bidu għall-Kampjonat tal-footbal tal-M.E.S.A. għall-istaġun 2003-2004. Il-logħob kollu ser jintlgħab fil-grounds tal-kumpless tal-Marsa.
Dan l-istaġun il-kampjonat ser jibda jintlagħab fuq bażi ta’
7-a-side
u dan wassal biex żdiedu it-timijiet parteċipanti, tant li b’kollox ser jieħdu sehem 28 team, jiġifieri 9 fl-ewwel diviżjoni, 9 fit-tieni diviżjoni u 10 fit-tielet diviżjoni. Dan ifisser li ser jiżdied il-logħob, imma kif wieħed jista’ jara mill-
fixtures
li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra, il-kampjonat ser jibda t-Tnejn, 2 ta’ Frar u jintemm nhar il-Ħamis, 29 ta’ April.
Matul ix-xahar ta’ Mejju imbagħad ser issir il-kampjonat b’sistema ta’
knock-out.
Il-Ministeru jagħti wkoll għajnuna finanzjarja biex ikopri l-ispejjeż involuti bħal ħlasijiet ta’ l-uffiċjali tal-logħob u oħrajn. Barra din l-għajnuna, il-Kunsill Malti għall-Isport jipprovdi il-grounds meħtieġa,
changing rooms,
u affarijiet oħra li għandhom x’jaqsmu mal-logħba tal-
football.
Jista' il-Ministru jgħid jekk it-team nazzjonali ta' l-għum għandhomx coach?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infurmat li l-A.S.A. qed tistenna biex jiġu kkonfermati għajnuniet finanzjarji minn diversi entitajiet biex tkun f'pożizzjoni li tinnegozja u tingaġġa coach nazzjonali għall-għawm.
Sadanittant l-għawwiema qed jitħarrġu minn Gayle Rizzo, il-coach nazzjonali taż-żgħażagħ.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-Mużew Nazzjonali silef mera antika ta' stil barocco lill-ambaxxata Maltija f'Pariġi? Kemm hu stmat li tqum din il-mera? Æadha mniżżla fl-inventarju tal-Mużew? Æadha tinsab fl-ambaxxata Maltija f'Pariġi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infurmat li l-Mużew Nazzjonali ta' l-Arti silef din il-mera fid-29 ta' Marzu 1989 lill-ambaxxata Maltija f'Pariġi.
Din għadha mniżżla fl-inventarju ta' l-istess Mużew iżda ma ingħatatx valur speċifiku. Mhix il-policy tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li tagħti valur ta' natura ekonomika lil opri ta' l-Arti u ħwejjeġ oħra definiti skond il-liġi bħala wirt kulturali.
Fir-rigward ta' l-aħħar parti tad-domanda nitolbu jagħmel riferenza għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 3949.
Tista' s-sovrintendenza tal-wirt storiku u kulturali tieħu passi biex tara jekk fl-inħawi tal-Imġarr ta' Malta (fosthon tar-Ragħad) hemmx il-ħsieb li joħorġu permessi għall-bini u hekk jinqerdu fdalijiet importanti storiċi? Tista' tieħu passi biex dawn il-fdalijiet ma jitħallewx jinqerdu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li hemm numru ta' miżuri fil-Att tal-Patrimonju Kulturali u fil-Att ta' l-Iżvilupp biex jipproteġu il-wirt kulturali u storiku bħal dak ta' l-Imġarr. Hemm pieni skond il-Liġi għal min jagħmel ħsara fuqhom.
L-oqbra u l-fdalijiet arkejoloġiċi li hemm fl-inħawi magħrufa bħala tar-Ragħad huma monumenti skedati, u jinsabu f'żona ta' importanza arkeoloġika. Huma jinsabu il-barra miż-żona ta' żvilupp.
Bħalissa jidher li ma hemm ebda applikazzjoni jew permess maħruġ mill-M.E.P.A. għal żvilupp li jista' jhedded l-oqbra u fdalijiet arkeoloġiċi f'Tar-Ragħad.
Rapport riċenti lis-Sovrientendenza tal-Patrimonju Kulturali indika li kien qed isir xogħol bla permess fl-inħawi tar-Ragħad. Dan ir-rapport ġie aċċertat minn uffiċjali tas-Sovrintendenza u ttieħdu passi legali ta' infurzar mill-pulizija kif ukoll mill-M.E.P.A.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3749, jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex f'pożizzjoni li jeskludi li jekk dan il-monument isir hux se jieħu post xi monument ieħor in partikolari l-monument f'ġieħ Manwel Dimech?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ma għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 3749.
Jista' il-Ministru jgħid fl-2003 kemm intnefaq fuq fuel biex tiġi msaħħna l-pixxina nazzjonali f'Tal-Qroqq? Kemm tħallas s'issa lid-distributur u min hu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li fl-2003 intefqu Lm 37,745 fuq fuel biex tiġi msaħħna l-Pixxina. Minn dawn tħallsu Lm 33,275. Id-distributur huwa is-Sur Mark Cassar.
Mużew nazzjonali ta' l-arti — Pittura u antikitajiet mislufa lil ambaxxati Maltin
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamenti 3765, kif jispjega l-fatt il-Ministru li filwaqt li hu qal li ebda opra minn dawk mislufa lill-ambaxxati barranin ta' pajjiżna ma ġiet irrappurtata li għebet, fl-istess nifs nhar id-19.01.04 żid jgħid li dan jgħodd ħlief għal waħda li qiegħda tiġi nvestigata? Jista' jgħid jekk din il-pittura hux suppost li qegħda fl-ambaxxata ta' Parigi jew ta' Strasbourg? Kemm ilha li bdiet l-investigazzjoni u minn xiex ġiet instigata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-mistoqsija parlamentari numru 3765 hija bbażata fuq informazzjoni aġġornata dwar l-inventarju li jintbagħat kull sena mill-ambaxxati barranin ta' pajjiżna.
Din l-informazzjoni tindika li din l-opra tinsab fir-residenza uffiċċjali tal-Ambaxxatur Malti ġewwa Pariġi.
L-investigazzjoni ssejħet fuq indikazzjoni ta' ittra anonima.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2814 u cioe' minħabba li wara l-elezzjoni kien hemm tibdil fil-ministeri minn kif kienu fil-leġislatura li għaddiet, jista' il-Ministru jgħid liema voti waqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u kemm kienu? Kemm intnefaq s’issa minn kull vot separatament?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nitlob lil Onor. Interpellant jagħmel riferenza għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 3615 f'seduta numru 87.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1940 li saret lill-ministru ta' l-affarijiet barranin, jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar il-ħlas tal-kontribuzzjoni ta' Malta għall-World Heritage Fund?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-kontribuzzjoni tħallset fis-17 ta' Settembru 2003.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2787 u cioe' kemm tqassmu flus matul din is-sena lill-għaqdiet sportivi taż-żgħażagħ u oħrajn? Kemm ħadu kull wieħed u mil-liema vot tqassmu dawn il-fondi? Jista’ jgħid ukoll min iddeċieda kemm tkun l-għotja?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nitlob lil Onor. Membru jagħmel riferenza għat-tweġiba li tajt fil-mistoqsija numru 3382 f'seduta numru 80.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista ta' dawk il-persuni/kumpanniji, inkluż l-isem u n-nazzjonalita' tagħhom, li wrew interess fl-iżvilupp tal-Heritage park?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skond ir-regolamenti tal-U.I.A. għall-kompetizzjoni ta' din in-natura l-applikanti għandhom jibqgħu anonimi, u għalhekk l-ismijiet ta' persuni / kumpaniji li rreġistraw interess fl-iżvilupp tal-Heritage Park ma jistgħux jiġu magħrufa qabel il-fażi ta' l-aġidukazzjoni.
Biss nista' nżid li rreġistraw 100 persuna / kumpanija li ġejjin :-
84 mill-Ewropa (10 minnhom Maltin);
13 mill-Asja;
3 mill-Amerika.
Jista' il-Ministru ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar l-istat tas-safety conditions li jinsabu fih il-faċilitajiet sportivi u bini ieħor li jintuża għal attivitajiet sportivi u kulturali tal-poplu tal-gżejjer tagħna?
Jista' jinformani dwar iċ-ċifra ta' flus rikjesta sabiex ikun assigurat li titjieb is-safety f'dawn il-postijiet pubbliċi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ma nafx għal-liema rapport qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Membru għax ma hemm l-ebda rapport konsolidat li jindirizza l-faċilitajiet kollha kulturali u sportivi li jintużaw mill-pubbliku.
Kull entita’ għandha r-responsabbilita’ tagħha u fost dawn hija tara li dawn il-faċilitajiet ikollhom il-miżuri ta’ sigurta’ assigurati.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella fejn turi x-xogħol li qiegħed isir minn diversi entitajiet kulturali u sportivi biex jitjiebu l-faċilitajiet eżistenti.