Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjonanti — Żieda għal għoli tal-ħajja

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-gvern se jonora l-wegħda elettorali li jagħti ż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja, lill-pensjonanti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġa kelli l-opportunita' f'din il-Kamra li nispjega l-posizzjoni tal-Gvern dwar il-qasam tal-pensjonijiet. Wara li jkollna r-rapport final tal-Kummissjoni Nazzjonali għar-riforma tal-Welfare nkunu nistgħu naħsbu bis-serjeta' għal futur tas-Sigurta' Soċjali f'pajjiżna wara li jkunu ressqu l-fehmiet tagħhom il-partijiet kollha nvoluti f'dan il-qasam. Kif taf l-Onor. Membru, l-opposizzjoni wkoll ġiet mistiedna tressaq l-opinjoni tagħha għall-ġid tas-Sigurta' Soċjali f'pajjiżna.

Qormi — Triq id-Deheb - Blokk 3

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li fil-Blokk 3, Ta' Farsina, Triq id-Deheb, Qormi, fejn bħalissa qed issir il-manutenzjoni tal-common parts, u qed jiġi nbajjad il-ħajt tat-taraġ, ir-residenti ġew informati verbalment li l-ħaddiema li qed jagħmlu dan ix-xogħol m'għandhomx l-ordni li jbajdu l-letter boxes, il-kaxxa tal-metres u l-bieb ta' barra? Ma jidhirlux il-Ministru li għal ftit xogħol, dan għandu jsir, biex il-manutenzjoni ssir b'mod komplet? Jekk iva, jista' l-Ministru jara li tingħata l-ordni biex dan il-ftit xogħol meħtieġ isir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

CSAs — Trasferimenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lil CSAs? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 ġew trasferiti 4 CSA's. Ir-raġuni għal dawn it-trasferimenti kienet skond l-eżiġenzi tas-servizz. Trasferimenti oħra jsiru fil-futur qarib, skond it-talbiet tas-CSA's meta dan ikun possibli jew skond l-esiġenzi tas-servizz.

Bormla — Hubbard Flats

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol fuq il-faċċata tal-flat 1, fi blokk 1, Hubbard Flats, Bormla peress li qed jidħol l-ilma u l-umdita' mill-fili miftuħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Impjiegi — Żidiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hijiex issa policy tal-Gvern li jdaħħal il-prinċipju tal-lump sums minflok żidiet fil-pagi, kif soltu nafuhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Meta jkun qed jikkonsidra proposti dwar ftehim kollettiv fis-servizz Pubbliku jew fis-settur parastatali, l-Gvern iqis kull każ skond il-merti partikolari tiegħu.

Detox centre

Question

Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid matul Jannar u Frar ta' din is-sena kemm-il persuna wżat iċ-ċentru tad-detox għall-kura mill-abbuż tad-droga? Kemm marru f'dan iċ-ċentru għall-ewwel darba? Kemm kien hemm nies ta' nazzjonalista' barranija? Kemm kien l-akbar u l-iżgħar fl-eta' li wżaw dan iċ-ċentru f'dawn ix-xahrejn? Kemm kien l-akbar u l-iżgħar li wżaw dan iċ-ċentru l-ewwel darba fl-istess żmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul Jannar, 2000: - 528 persuna wżaw iċ-Ċentru tad-Detox għall-kura mill-abbuż tad-droga; - Minn dawn, 22 marru għall-ewwel darba; - 54 persuna li attendew, kienu ta' Nazzjonalita' barranija; - F'Jannar, l-akbar persuna fl-eta' li għamlet użu minn dan iċ-Ċentru, għandha 58 sena; - Filwaqt li l-iżgħar għandha 17-il sena; - Minn dawk li attendew għall-ewwel darba f'Jannar, l-ikbar persuna għandha 56 sena; - Filwaqt li l-iżgħar għandha 17-il sena. L-informazzjoni mitluba fuq ix-xahar ta' Frar, għadha mhijiex iffinaliżżata.

Detox centre

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' nisa li wżaw iċ-ċentru Detox matul Jannar u Frar ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu taħt it-18-il sena? Kemm kellha żmien l-iżgħar waħda? Kemm attendew id-Detox centre għall-ewwel darba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul Jannar, 2000: - In-numru ta' nisa li wżaw iċ-Ċentru tad-Detox kien ta' 64; - Mara waħda kienet taħt it-tmintax-il sena; - L-iżgħar persuna għandha 17-il sena; - Mara waħda wżat dan iċ-Ċentru għall-ewwel darba fix-xahar ta' Jannar. L-informazzjoni mitluba fuq ix-xahar ta' Frar, għadha mhijiex iffinaliżżata.

Djar — Akkomodazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi pjanijiet hemm sabiex persuni waħedhom jibda jkollhom id-dritt japplikaw għall-units maħruġa mill-Awtorita' tad-Djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-proġetti ġodda ta' l-Awtorita' tad-Djar, 20% tal-postijiet ser ikunu 1 jew 2 bedrooms. Għaldaqstant persuni waħedhom ser ikunu jisgħu japplikaw.

Pembroke — St. George's

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk block no. 5, Housing Project, St. George's, Pembroke huwiex se jitwaqqa' u jekk iva, fejn se jintbagħtu ir-residenti li jgħixu hemm illum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm applikazzjoni quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex dan il-blokk jitwaqqa u floku jinbnew 16-il unit. Ninformak ukoll li r-residenti ser jingħataw akkomodazzjoni alternattiva iżda qabel dan iseħħ trid issir diskussjoni magħhom dwar fejn, kif u meta dan ser isir.

Msida — Għajn tal-Ħasselin - Twaqqigħ ta' bini

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jitkompla t-twaqqigħ tal-bini li hemm madwar u ħdejn l-Għajn tal-Ħasselin, l-Imsida? Meta huwa maħsub illi l-gvern jibda jibni flats u djar ġewwa dawn l-areas illi issa ilhom mitluqa żmien mhux ħażin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena informat li minħabba xi problemi tekniċi li rriżultaw meta kien ser jinbeda x-xogħol, ġie deċiż li jsiru proposti ġodda lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex il-proġett jkun jista' jinkludi aktar units.

San Vinċenz de Paule — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-Isptar San Vinċenz de Paule mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn is-16 ta' Settembru 1999 u l-4 ta' Jannar 2000 ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda fir-Residenza San Vinċenz de Paule ħlief part time nurse waħda. Dan l-impjieg ma kellux bżonn ta' ħruġ ta' sejħa għall-applikazzjonijiet.

Settur tad-dolċerija — Ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema li jaħdmu fis-settur tad-dolċerija fis-sena 1998 u 1999? Kemm minnhom kienu fulltime u/jew part-time?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' ħaddiema li jaħdmu fis-settur tad-Dolċerija (jinkludi l-furnara u dolċiera u ħwienet tad-dolċiera) kien kif ġej: XAHAR FULL TIME PART TIME Diċembru 1998 1,307 576 Diċembru 1999 1,275 629

Settur tal-Manifattura — Ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema fis-settur tal-manifattura li jipproduċu prodotti għal-lokal fis-sena 1998 u 1999? Kemm minnhom kienu fulltime u/jew part-time?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni, kif mitluba mill-Onor. Membru f'din il-Mistoqsija, ma tinżammx mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ u nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Settur tal-manifattura ta' l-għamara — Ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema li jaħdmu fis-settur tal-manifattura tal-għamara għas-sena 1998 u 1999? Kemm minnhom kienu fulltime u/jew part-time?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' ħaddiema li jaħdmu fis-settur tal-manifattura tal-għamara kien kif ġej: XAHAR FULL TIME PART TIME Diċembru 1998 2,566 328 Diċembru 1999 2,442 350

Settur Turistiku — Ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema fis-settur turistiku għas-sena 1998 u 1999? Kemm minnhom kienu fulltime u/jew part-time?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' ħaddiem li jaħdmu fis-settur turistiku kien kif ġej: XAHAR FULL TIME PART TIME Diċembru 1998 9,013 7,196 Diċembru 1999 9,476 8,163

Djar — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jordna li jsir ix-xogħol fuq post - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li nxtara mill-Housing Authority u qiegħed fuq konvenju u wasal biex jiskadi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fl-4 ta' Jannar 2000 l-Awtorita' tad-Djar informat lill-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali sabiex tinħareġ 'Legal Notice' fil-Gazzetta tal- Gvern għat-trasferiment ta' dan il-fond mingħand il-'Lands Department għal għand l-Awtorita' tad-Djar. Kif toħroġ din il-'Legal Notice', dan l-applikant jiġi mitlub biex jersaq għall-kuntratt finali.

Għajnuna soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex ġuvni li jgħix waħdu - li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament - għadu ma rċeviex ir-relief? Jista' jara li dan il-proċess jiġi mgħaġġel minħabba l-problemi soċjali li hemm fil-familja u minħabba li l-uniku dħul ta' flus huwa minn dan ir-relief?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernat ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

ETC — Impjiegi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara u jinvestiga fuq liema kriterji persuni qegħdin jintgħażlu mill-ETC sabiex jimlew vakanzi speċifiċi? Jista' l-Viċi Prim Ministru jara u jinvestiga l-mod li bih impjiegi qegħdin jiġu assenjati da parti ta' l-ETC?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant jispeċifika liema vakanzi fl-ETC qed jirreferi għalihom, jingħata l-informazzjoni li qed jitlob.