Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #16594 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Facilitator

Question

Jista' l-Ministru jara li t-tifla, li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha każ mediku partikolari tingħata l-faċilita' ta' facilitator?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ġenitur ta' din it-tifla irreġistraw lit-tifla l-iskola ta' Santa Venera 'A' nhar il-ġimgħa 2 ta' Ġunju. Immedjatament l-iskola għarrfet lill-ġenituri biex jirreferu l-każ lill-Statementing Board.
Leg 9 PQ #16006 Sitting 305 2000-05-31 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tal-Knisja - Suġġetti obbligatorji

Question

Peress li jidher li xi kapijiet ta' l-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti għad m'għandhomx stuzzjonijiet eżatti dwar liema huma s-suġġetti li jridu jidħlu bħala obbligatorji fis-sena skolastika li tibda f'Settembru 2000, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk is-suġġetti obbligatorji u optional li jridu jiġu mgħallma fil-primarji u/jew sekondarji? Jekk ikun hemm suġġett fil-lista ta' l-optional bħalma ġie mħabbar il-European Studies, allura tista' skola ma toffrihx lill-istudent tagħha?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali jitkellem ċar minn x'inhuma s-suġġetti bażiċi fil-livell Primarju (Paġna 77) u fil-livell Sekondarju (Paġna 81). F'paġna 82 il-Kurrikulu jagħti wkoll gwida ċara dwar x'tagħlim għandu jiġi offrut fil-lingwi. L-iskejjel iridu jiddistingwu bejn suġġetti bażiċi u dawk "optional" jew li għalihom hemm għażla u ma jinsewx l-anqas li waqt li l-kurrikulu joffri qafas u gwida, huwa jisħaq fuq flessibilta` u fuq pjan ta' żvilupp partikulari għal kull skola. Wara li l-gruppi mwaqqfa mill-Kumitat Nazzjonali għat-Twettiq tal-Kurrikulu jispiċċaw il-ħidma tagħhom u wara l-Konferenza Nazzjonali dwar l-Edukazzjoni li se ssir bejn id-9 u l-11 ta' Ġunju, se jitfassal Pjan ta' Strateġija li jkollu aktar dettalji dwar it-twettiq ta' dan il-Kurrikulu. Dan il-Pjan ta' Strateġija wkoll se jgħaddi minn fażi ta' konsultazzjoni ma' skejjel u msieħba oħra qabel jiġi finalizzat għal Diċembru 2000.
Leg 9 PQ #16432 Sitting 305 2000-05-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Pembroke

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompa x-xogħol meħtieġ fuq il-junior lyceum tal-bniet Sir Adrian Dingli, Pembroke?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent id-Dipartiment tal-Kuntratti qiegħed jagħmel analiżi ta' l-offerta għal xogħlijiet ta' finitura fil-parti ċentrali tal-Liċeo msemmi, liema analiżi la darba titlesta għandha twassal biex jitkompla x-xogħol fl-istess imkien.
Leg 9 PQ #16433 Sitting 305 2000-05-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Imtarfa - Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm fit-tliet snin li ġejjin biex l-iskola primarja ta' l-Imtarfa tikber biex ikun hemm biżżejjed spazju għat-tfal ta' l-Imtarfa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kuntrattur ingħata x-xogħol ta' rranġar, manutenzjoni u dekorazzjoni tat-tielet sular ta' l-iskola primarja ta' l-Imtarfa. Dan ix-xogħol se jsir tul is-sajf li ġej u previst li jitlesta qabel tibda s-sena skolastika 2000-2001. Skond l-awtoritajiet ta' l-iskola dan is-sular se jintuża għall-klassijiet tas-sitt sena u b'hekk l-iskola jkollha l-ispazju kollu meħtieġ biex topera fis-snin li ġejjin. Skond statistika ta' l-awtoritajiet ta' l-iskola, ma jidhirx li n-numru ta' tfal li jattendu din l-iskola, għat-tliet snin li ġejjin, se jiżdied b'tali mod li jkun jeħtieġ spazju addizzjonali.
Leg 9 PQ #16434 Sitting 305 2000-05-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Pembroke - Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm fit-tliet snin li ġejjin biex l-iskola primarja ta' Pembroke tikber biex ikun hemm spazju biżżejjed għat-tfal tal-komunita' ta' Pembroke?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent qegħdin jiġu finalizzati l-pjanti biex issir applikazzjoni formali lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar wara li dawn ġew diskussi ma' l-istess Awtorita` diversi drabi. Sadanittant qiegħdha titħejja wkoll l-offerta għal xogħlijiet ta' ġebel u konkos li għandhom iwasslu biex jiżdied sular fuq l-iskola eżistenti wara li jsiru għadd ta' modifikazzjonijiet fil-pjan terran.
Leg 9 PQ #16459 Sitting 305 2000-05-31 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tqala ta' studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal ta' l-iskola li ma humiex qed jattendu l-iskola llum għax huma tqal u kemm hemm li qed jattendu counselling mill-ischool girls' mothers unit?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa, 27 tfajla m'humiex jattendu skola minħabba tqala: 13 għadhom kif kellhom it-tarbija; 14 għadhom qed jistennew.
Leg 9 PQ #16402 Sitting 304 2000-05-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — EU information

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom l-iskejjel tal-gvern qed jirċievu kuljum bl-E-Mail mingħand il-Malta-EU information centre lista ta' laqgħat li tinkludi wkoll suġġetti "bħal ħwienet taż-żraben u standards" "ironmongers u standards" u anke attivitajiet organizzati fil-każin tal-Partit Nazzjonalista?

Response (GALEA, LOUIS)

Mill-kontenut ta' din il-Mistoqsija, jidher li l-Onor. Membru qed jirreferi għall-pubblikazzjoni "AĠĠORNAT" li jippublika l-Malta EU Information Centre. Informat li din il-publikazzjoni toħroġ kull ġimgħa u mhux kuljum. Din il-publikazzjoni titqassam lil nies li jitolbuha u, wkoll, kull min qiegħed fuq il-"magnet" u tippubliċizza attivitajiet li fihom ikunu involuti l-MIC u oħrajn li jitolbu li jkunu publiċizzati fl-Aġġornat.
Leg 9 PQ #16403 Sitting 304 2000-05-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Umborto Colosso

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-bini ta' l-iskola Umberto Colossa ta' Santa Venera? Kif se tibda tintuża minn Ottubru, 2000?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-bini ta' l-iskola Umberto Calosso ta' Santa Venera huwa maħsub li jiġi konvertit sabiex jakkomoda Skola tas-subien Sekondarja Ġenerali (Area Secondary) ġdida, f'medda ta' snin. Informat ukoll li f'Ottubru 2000, ser jidħlu studenti fl-ewwel sena ta' l-iskola Sekondarja Ġenerali ġdida fil-bini ta' l-iskola Umberto Calosso, Santa Venera.
Leg 9 PQ #16404 Sitting 304 2000-05-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Sekondarja San Ġużepp

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-iskola sekondarja tas-subien San Ġużepp ta' Kordin se tmur bl-istaff u bl-istudenti fil-bini ta' dik li s'issa hi l-iskola tas-snajja' Dun Ġwann Mamo, tal-Marsa?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva.
Leg 9 PQ #16405 Sitting 304 2000-05-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Technology education

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn se jsiru f'kull każ il-workshops għat-technology education fl-iskejjel sekondarji tas-subien li se jżomm fihom l-istudenti li qabel kienu jridu jmorru fl-iskejjel tas-snajja'?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed jitħejjew pjanijiet biex jinfetħu workshops fl-iskejjel sekondarji tas-subien skond kif ġej: Skola Kumment Vincenzo Borg Brared, Il-workshop ser jinfetaħ fil-home B'Kara economics block f'kamra li diġa' qed tintuża għal skop simili Lorenzo Gafa`, Fortini Il-workshop ser jinfetaħ fi blokk ġdid li qiegħed jinbena Antonio Bosio, Gżira Workshop tal-Crafts ser jiġi addatat u mkabbar għal dan l-iskop Frans X Attard, Marsa Qed jinbena blokk mill-ġdid li fih ser ikun hemm workshop Sir Temi Żammit, Mtarfa Ser jitlesta workshop ħdejn dak tal- Crafts Ġuże` D'Amato, Paola Kamra li fil-preżent qed tintuża għal Art u Crafts ser tiġi konvertita għal dan l-iskop Ġuże` Galea, Qormi Qed tiġi identifikata kamra Vincenza Buġeja, Ser jinbena workshop ħdejn dak tal- Santa Venera Craft Dun Karm Psaila, Żebbuġ Qed jiġi kkonvertit workshop li bħal issa mhux użat.
Leg 9 PQ #16407 Sitting 304 2000-05-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Fgura

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-assistent kap ta' l-iskola primarja B tal-Fgura qed jordna lit-tfal jattendu bil-kit ta' l-isports u jilbsuh taħt l-uniformi, meta bdiet is-sħana?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskola għandha t-tracksuit li jintlibes fuq il-P.E. Kit darbtejn jew tliet darbiet fil-ġimgħa tul iż-żmien tax-xitwa. Meta bdiet is-sħana, it-tfal ingħataw struzzjonijiet biex it-tracksuit ma jilbsuhiex aktar minħabba li ssaħħan. Ingħataw struzzjonijiet biex minflok jilbsu l-P.E. Kit taħt l-uniformi jew jieħdu l-Kit magħhom u jbiddlu fl-iskola qabel il-lezzjoni tal-P.E. Xi ġenituri urew ix-xewqa li t-tfal imorru bix-shorts abjad mid-dar. L-amministrazzjoni ta' l-iskola ma taqbilx. L-amministrazzjoni tixtieq li t-tfal jidħlu fl-iskola u joħorġu minnha bl-uniformi. L-assistent kap ta' l-iskola, ma tax ordnijiet iżda segwa r-regolamenti ta' l-iskola.
Leg 9 PQ #16453 Sitting 304 2000-05-30 Oral · Interim From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Restawr — Infiq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq il-ministeru fuq restawr is-sena l-oħra, fejn ġie restawrat u kemm intefaq fuq kull post imsemmi?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma wasallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #16315 Sitting 303 2000-05-30 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Bookshop cooperative

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta sar il-ftehim ta' koperazzjoni bejn il-koperattiva u l-KSU? Min iffirma l-ftehim u għan-nom ta' min? X'iggwadanjat il-KSU? Hemm ftehim bejn l-Universita' u l-KSU li jippermetti lill-KSU tgħaddi l-użu ta' proprjeta' ta' l-Universita' lill-koperattiva? Il-KSU favur dan il-ftehim?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #16316 Sitting 303 2000-05-30 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Bookshop Cooperative

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se tħallas il-koperattiva lill-KSU għal użu tal-ħanut li tmexxi l-Universita'? Meta sar l-aħħar pagament dovut lill-KSU mill-koperattiva? Kemm se tħallas il-koperattiva għal użu tal-ħanut li tmexxi l-Junior College? Dawn il-pagamenti x'ikopru?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #16317 Sitting 303 2000-05-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — KSU

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta sar il-ftehim bejn il-koperattiva fl-Universita' u t-terzi persuni magħżula? Min iffirma l-ftehim u għan-nom ta' min? Għal kemm tul ta' żmien sar? Meta saret l-għażla? Fuq liema bażi saret l-għażla u minn min? Kemm kellha membri l-koperattiva meta saret l-għażla? Min intgħażel? Veru li l-koperattiva kienet falluta meta saret l-għażla? F'liema stat finanzjarju tinsab il-koperattiva bħalissa? Kien hemm ħlasijiet pendenti oħra barra dawk mal-KSU meta saret l-għażla? Kif kienu onorati?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub irid jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #16319 Sitting 303 2000-05-30 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Junior college — Bookshop cooperative

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn ma kienx impjegat management professjonali mal-koperattiva minflok sar ftehim ma' terzi persuni? Kemm kienet timpjega nies il-koperattiva meta saret l-għażla? X'se jsir minnhom? Il-ftehim imsemmi jkopri n-negozju tal-koperattiva ġewwa l-Junior College wkoll?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #16338 Sitting 303 2000-05-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Bormla

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-klassi 5B, primarja Bormla, hijiex mingħajr għalliem? Jekk fl-affermattiv, meta se jintbagħat għalliem ieħor flok li kien hemm?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-klassi 5B tal-Primarja ta' Bormla għandha għalliema.
Leg 9 PQ #16393 Sitting 303 2000-05-30 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Assistenti diretturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw il-postijiet vakanti għal post ta' assistenti diretturi fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Jista' jgħid jekk ħarġux, u f'każ li ħarġu meta, applikazzjonijiet għal dawn il-postijiet vakanti? Jista' jgħid jekk sarux intervisti f'dan is-sens u meta saru? Jista' jgħid meta se jimtlew dawn il-postijiet vakanti u jekk hemmx postijiet li, minkejja li saru l-intervisti għalihom, se jibqgħu vakanti? Jekk huwa l-każ għall-aħħar parti ta' din il-mistoqsija, x'inhi r-raġuni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-postijiet vakanti għal post ta' assistenti diretturi fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni huma erbgħa. 1. International Relations: Mistenni li l-post jimtela' ma jdumx. L-applikazzjoni kienet ħarġet fl-4 ta' Mejju 1999. Kien laħaq dak li ġie ċċertifikat l-ewwel, iżda dan spiċċa bl-eta`. Ġie nnomitat it-tieni wieħed fil-lista u l-post mistenni li jimtela ma jdumx. 2. Research and Documentation: L-applikazzjoni ħarġet fid-29 ta' Novembru 1999. L-intervisti saru u ntbagħtet ir-rakkomandazzjoni tal-persuna li ġiet l-ewwel fil-klassifika skond il-mertu. 3. Operations Region 1: L-applikazzjoni ħarġet fl-10 ta' April, 2000. Dalwaqt isiru l-intervisti. 4. Adult Education Broadcasting and Media Education: Is-sejħa għall-applikazzjonijiet mistennija li toħroġ ma ddumx. Hu maħsub li l-postijiet se jimtlew kollha.
Leg 9 PQ #16085 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

IHC — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema fondi ntużaw sabiex studenti tal-mediċina ta' l-Institute of Health Care iwettqu ħidma fl-Isptar San Luqa fis-sajf?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan is-sajf l-istudenti tal-Fakulta` tal-Mediċina u ta' l-Institute of Health Care jitħallsu mill-vot tad-Dipartiment tas-Saħħa.
Leg 9 PQ #16246 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

English Language — Phonetics and Phonology

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni fil-każ "Phonetics and Phonology, Growth of the English Language and Syntax", peress li jirriżulta li hemm stat ta' dissodisfazzjoni? Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għalfejn s'issa ma jidhirx li sar xi sforz sabiex il-complaints ta' l-istudenti jiġu analizzati? X'inhuma l-kriterji, jekk fl-affermattiv, sabiex dawn il-complaints jiġu riżolti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li la fil-Minsiteru u lanqas fid-Dipartiment konċernat ma wasal ebda ilment fl-iskejjel post sekondarji li jaqgħu taħt ir-responsabbilta` tad-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti dwar il-"Phonetics and Phonolgy, Growth of English Language and Syntax".