Legislature:
Category:
Reset
Active:

link permanenti bejn Malta u Għawdex – studju

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1047, peress li l-Ministru afferma fir-risposta tiegħu li l-istudji fuq il-permanent link bejn Malta u Għawdex se jitkomplew, jista' l-Ministru jgħid min qed jagħmel dawn l-istudji u jwieġeb il-kumplament tal-mistoqsija, u ċjoè fiex wasal il-proċess u x’inhu mistenni jsir matul is-sena 2013 u s-sena 2014 fuq din il-proposta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif diġà ntqal fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1047, il-Kamra se tinżamm aġġornata bl-iżviluppi li jista’ jkun hemm rigward dan il-proġett.

Spezzjonijiet fuq il-vetturi tal-Arriva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet minn uffiċjali ta' Transport Malta fuq il-vetturi tal-Arriva mit-12 ta' Marzu 2013 ’l hawn? X’inhi l-frekwenza ta' spezzjonijiet li qed isiru? X'qed jiġi spezzjonat? Kemm hemm uffiċjali li qed jagħmlu dawn l-ispezzjonijiet? Min huma dawn l-uffiċjali li qed jagħmlu dawn l-ispezzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li mit-12 ta’ Marzu 2013 sas-16 ta’ Ġunju 2013 saru 2,112 spezzjonijiet minn uffiċċjali ta’ Transport Malta fuq il-vetturi tal-Arriva. Infurmat ukoll li Transport Malta għandha ħames uffiċċjali li jaħdmu fuq bażi ta’ shift li parti mix-xogħol tagħhom huwa li ta’ kuljum jagħmlu spezzjonijiet fuq is-servizz tat-trasport li jinkludi spezzjonijiet fuq ix-xarabanks. L-uffiċċjali ta’ Transport Malta waqt l-ispezzjonijiet li jsiru fuq il-vetturi tal-Arriva jiċċekkjaw li: · x-xarabank minn ġewwa hija fi stat tajjeb li ġġor il-passiġġieri; · li seats ta’ prijorita’ huma allokati kif suppost; · qniepen jaħdmu kif suppost; · ndafa tax-xarabanks; · temperatura ġewwa x-xarabank; · rampi tas-siġġu tar-roti jaħdmu kif suppost; · sistema ta’ tracking tax-xarabanks; · Apparat ta’ sigurta’ li huma viżibbli u fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni; · CCTV cameras huma nstallati; · Blinds ta’ destinazzjoni u s-sistema ta’ announcement jaħdmu kif suppost; · Ticketing machines jaħdmu kif suppost; · Sinjali mwaħħla kif suppost.

Vetturi tal-Arriva mingħajr VRT

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li minn wara l-elezzjoni tat-9 ta' Marzu 2013 ’l hawn ma baqgħux isiru t-testijiet tal-VRT fuq il-vetturi tal-Arriva? Veru li hemm vetturi tal-Arriva li qed joperaw mingħajr VRT? Kemm hemm minn dawn il-vetturi? Min hu responsabbli f' każ ta' aċċident minn vettura tat-trasport pubbliku li tkun mingħajr VRT, l-operatur jew ix-xufier?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi minn imkien ma jirriżulta li mid-9 ta’ Marzu 2013 ’l hawn ma baqgħux isiru testijiet tal-VRT fuq il-vetturi tal-Arriva. Tant hu hekk illi fil-perjodu msemmi saru mhux inqas minn 119-il test tal-VRT fuq vetturi tal-Arriva. Infurmat ukoll illi l-liċenzji annwali tal-karozzi tal-linja ma jiġġeddux jekk dawn ma jkunux għaddew mit-test tal-VRT li jikkoinċidi mad-data tat-tiġdid tal-liċenzja. F’kaz li jkun hemm aċċident fejn tkun involuta vettura tat-trasport pubbliku li ma tkunx għaddiet mit-test tal-VRT, l-Awtorità tikkunsidra lill-operatur - bħala s-sid reġistrat tal-vettura - responsabbli; u f’liema każ jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji fil-konfront tal-istess operatur.

Xufiera tal-Arriva – ħlas ta’ overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-ewwel 20 minuta overtime li jaħdmu x-xufiera tal-operatur tal-Arriva, ma jitħallsux tagħhom? Jista’ jgħid jekk dan imurx kontra r-regolamenti tax-xogħol? X'qed jagħmel il-Gvern u l-union tal-ħaddiema biex il-ħaddiema tal-operatur tat-trasport pubbliku ma jibqgħux jiġu sfruttati?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li Transport Malta hija responsabbli li tassigura li x-xufiera tal-Arriva Malta Ltd ma’ jaħdmux sigħat iżjed minn dawk stipulati fil-kuntratt li ġie ffirmat fl-20 ta’ Novembru 2010, jiġifieri mhux aktar minn sitta u ħamsin siegħa fil-ġimgħa jew inkella mhux aktar minn mija u tmien sigħat f’ġimgħatejn konsekuttivi. Infurmat ukoll li xufier għandu jkollu mill-anqas break ta’ ħamsa u erbgħin minuta wara li jkun ilu jsuq ħames sigħat, liema break jista’ jkun maqsum fi tnejn basta wiehed mill-breaks ikun ta’ mhux anqas minn 30 minuta. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-infurzar ta’ shifts maħduma ma’ jaqax taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħi u għaldaqstant, nitlob li din il-mistoqsija tiġi riferuta lill- Ministru kkonċernat.

Xufiera tal-Arriva – ħinijiet ta’ xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li x-xufiera tat-trasport pubbliku qed imisshom off nhar ta' Ħadd darba kull seba' ġimgħat? X'qed jagħmel il-Gvern preżenti u l-union tagħhom biex il-ħaddiema tal-Arriva jkollhom shifts umani u d-drittijiet ta' dawn il-ħaddiema jiġu mħarsa?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 3445.

San Pawl il-Baħar — road humps approvati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm sleeping policemen huma approvati minn Transport Malta fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar u liema huma? Meta ġew approvati dawn ir-road humps?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li skont ir-records ta’ Transport Malta, sa mis-sena 1996, irriżulta li kien hemm ħames road humps approvati fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar, hekk kif indikat: Data tal-Approvazzjoni Isem tat-Triq Lokalità 12/08/2010 Triq il-Knisja San Pawl il-Baħar 06/10/2010 Triq il-Ġifen San Pawl il-Baħar 06/10/2010 Triq il-Parroċċa San Pawl il-Baħar 16/12/2010 Triq il-Ġebel Għazzara San Pawl il-Baħar 28/03/2011 Triq Manuel Bonnici San Pawl il-Baħar

Msida – Triq il-Wied – triq magħluqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ikkonsultax mal-kunsilli lokali, entitajiet kummerċjali u residenti li se jiġu affettwati mill-għeluq ta' Triq il-Wied, fl-Imsida? X' inhi r-raġuni li ġew magħluqin iż-żewġ karreġġjati u mhux karreġġjata waħda? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-immaniġġar tat-traffiku li jindikaw id-diverżjonijiet kollha inklużi l-miżuri ta' sigurtà li se jittieħdu fuq ix-xogħol, flimkien ma' programm tax-xogħlijiet li jindikaw kif se jkunu phased?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali kien ikkonsultat dwar dawn ix-xogħlijiet permezz tas-sistema kkompjuterizzata ta’ Transport Malta u il-pubbliku kien infurmat dwar dawn ix-xogħlijiet permezz ta’ avviżi fil-gazzetti lokali u fil-website tal-Awtorita’. Ir-raġuni li kellha tingħalaq it-triq kollha hija minħabba l-iskavar tal-mina li qed issir bħalissa taħt l-istess triq bħala parti mill-proġett tan-National Flood Relief. Minħabba n-natura ta’ kif hi mibnija t-triq u wkoll minħabba l-ispazju minimu li hemm bejn wiċċ it-triq u l-mina, kien hemm il-ħtieġa li, għal raġunijiet ta’ sigurta, it-triq kellha tingħalaq sakemm jitlesta it-tħaffir kollu w ukoll jitlesta x-xogħol tar-rinfurzar strutturali tal-mina. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-pjanta tad-diversjoni u tar-rotot alternattivi.

Servizz tat-trasport – ilment dwar rotta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minn nhar it-Tnejn l-1 ta' Lulju 2013 ir-rotta 124 minn Wied il-Għajn għal Bormla u l-Birgu issa qiegħda tidħol l-Isla u tieqaf tistenna għal diversi minuti, bil-konsegwenza illi ħaddiema li jkunu sejrin għax-xogħol u jirkbu din ir-rotta qed jaslu tard għax-xogħol, dan peress illi mhux jittellgħu aktar minn żewġ persuni mill-Isla għax nies mill-Isla qed jinżlu jirkbu tal-linja minn Bormla? X’inhi r-raġunili r-rotta ta' Wied il-Għajn terġa’ tieqaf iż-Żonqor għal 10 minuti u min jispiċċa mix-xogħol fis-1:30p.m. qed jispiċċa jasal id-dar fit-3:00p.m.?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi mit-30 ta’ Ġunju 2013, ir-rotta 124 ġiet estiża sabiex tinkorpora fiha il-lokalita’ tal-Isla. Dan seħħ sussegwentement għal talba li Transport Malta rċeviet mill-Kunsill Lokali tal-Isla kif ukoll wara li kien hemm diversi rikjesti mir-residenti ta’ din il-lokalita’. Madanakollu, Transport Malta ma ġietx mgħarrfa mill-operatur li minħabba dan it-tibdil, ir-rotta kienet ser tibda tieqaf għal tmien minuti fl-inħawi magħrufa bħala iż-Żonqor (Wied il-Għajn) fejn imbagħad tkompli bir-rotta tagħha fl-istess lokalita’ fi triqitha lura lejn Bormla u l-Birgu. Transport Malta kif inġibditilha l-attenzjoni mill-ewwel tat struzzjonijiet lill-operatur biex b’mod immedjat, dan ma jibqax isir, u r-rotta tibqa sejra lejn id-destinazzjoni tagħha mingħajr ma tieqaf tistenna bla bżonn.

Transport Malta — xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru toroq minn Transport Malta fl-aħħar ħames snin, sena b’sena? Liema minnhom saru b’fondi u ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn li ġejjin huma it-toroq kollha li sar xogħol fuqhom minn Transport Malta f’dawn l-aħħar 5 snin. L-informazzjoni tinkludi wkoll dawk it-toroq li kienu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea. 2008 sar xogħol fuq 154 triq, bil-Pont ta’ Manoel Dimech ikun parzjalment finanzjat mill-Unjoni Ewropea 2009 sar xogħol fuq 139 triq li kollha ġew finanzjati mill-Fond Nazzjonali 2010 sar xogħol fuq 117-il triq, b’dawn it-Toroq li ġejjin ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea ; Wied il-Għajn by-Pass Triq l-Imġarr – Xewkija Għawdex u Triq il-Belt Valletta Żurrieq 2011 sar xogħol fuq 101 triq li kollha ġew finanzjati mill-Fond Nazzjonali 2012 sar xogħol fuq 54 triq, b’dawn it-toroq jiġu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea; Triq il-Kunsill tal-Ewropa – Garibaldi, Luqa Triq il-Marfa, Marfa Xatt Għassara tal-Għeneb – Menqa, Marsa Triq tal-Ħniena għal Victoria, Għawdex 2013 sar xogħol fuq 85 triq, bil- By-Pass tal-Mellieħa tkun parzjalment finanzjata mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Transport Malta — Xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan ta’ Transport Malta għal xogħol fuq toroq għas-sentejn li ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ toroq residenzjali Transport Malta qed taħdem fuq il-programm tax-xogħlijiet eżistenti. Dan sakemm ma jinstabux problemi li l-Awtorità ma tkunx tista’ ssolvi u sakemm l-obbligi kollha tal-iżvilipputari huma mwettqa. Għall-programm ġdid ta’ toroq residenzjali, is-sena l-oħra sar eżerċizzju mal-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta, fejn il-Kunsilli ġew mitluba li jissottomettu lista ta’ toroq li fadlilhom isiru fi-lokalità tagħhom. Transport Malta qed tivverifika din il-lista wara li reġgħu saru laqgħat mal-kunsilli lokali din is-sena mill-Minsitru għat-Trasport u Infrastruttura. Ninsab infurmat ukoll li Transport Malta qed taħdem fuq programm ġdid għal xogħlijiet ta’ major patching bl-użu ta’ hot asphalt. Kif dan il-prgramm jiġi approvat u finanzjat, se jiġi ppjanat roster tax-xogħlijiet li jkun jinkludi xogħlijiet matul il-lejl, ladarba dan jiġi stabbilit li jkun l-aħjar ħin biex jinħoloq l-inqas inkonvenjent possibli għax-xufiera, residenti u l-pubbliku in ġenerali. Inżid ukoll li fis-sentejn li ġejjin Transport Malta se tkompli bix-xogħlijiet fuq Triq Diċembru 13 li għandhom jitlestew sal-ewwel kwart tas-sena 2014, u se jkunu wkoll qed isiru x-xogħlijiet fuq Triq il-Kosta u l-Kappara Junction.

Toroq Residenzjali — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm toroq residenzjali saru fl-aħħar ħames snin, sena b’sena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li n-numru ta’ toroq residenzjali li saru fl-aħħar ħames snin sena b’sena huma kif ġej: 1. 2008 – 148 2. 2009 - 100 3. 2010 – 71 4. 2011 – 83 5. 2012 – 60 6. 2013 sal-lum – 51

Toroq Residenzjali — Asfaltar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm toroq residenjzali se jsiru jew jiġu asfaltati fis-sentejn li ġejjin? Liema huma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq bini ġdid ta’ toroq residenzjali. Dan sakemm ma jinstabux problemi li l-Awtorità ma tkunx tista’ ssolvi u sakemm l-obbligi kollha tal-iżviluppaturi huma mwettqa. Għall-programm ġdid ta’ toroq residenzjali, is-sena l-oħra sar eżerċizzju mal-kunsilli lokali kollha ta’ Malta, fejn il-kunsilli ġew mitluba li jissottomettu lista ta’ toroq li fadlilhom isiru fi-lokalità tagħhom. Transport Malta qed tivverifika din il-lista wara li reġgħu saru laqgħat mal-kunsilli lokali din is-sena mill-Minsitru għat-Trasport u Infrastruttura.

San Pawl il-Baħar — Stallazzjoni ta’ Speed Cameras

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2968, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'ġara mit-talba/approvazzjoni li kien hemm għal speed cameras fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar wara li dik li kienet twaħħlet inħarqet u wara ma ġietx sostitwita?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li f’Ottubru 2012, proċeduri ġodda ġew stabbiliti fejn jirrigwarda applikazzjonijiet għal speed cameras. Dawn il-proċeduri jinkludu kriterji ġodda, fejn kull applikazzjoni għal speed cameras, inkluż dawk eżistenti, kellha tibda tiġi sottomessa mill-kumitati reġjonali u mhux mill-kunsilli lokali.

Buġibba — water park

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jibda jiffunzjona dan is-sajf il-water park f'Buġibba? X'wassal biex dan is-sajf l-istess park għadu ma bediex jopera? Kemm attendew tfal f'dan il-park matul is-sena li għaddiet? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li kemm il-ħin kif ukoll il-perjodu tal-ftuħ ta' dan il-park hux mistenni jiġu estiżi din is-sena?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

San Pawl il-Baħar – żona tal-għawm

Question

Jista' l-Ministru jgħid għala sa issa għadha ma ġietx stabbilita u mmarkata ż-żona tal-għum fl-area li tmiss mal-pitch tal-Barracudas Sports Club, San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ stallazzjoni tas-swimmers’ zones, inkluż dik li tmiss mal-pitch tal-Barracudas Sports Club tlesta.

Kuntratt tal-Kap tal-Uffiċċju tar-Regolamenti tal-Bini

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-Kap tal-Uffiċċju tar-Regolamenti tal-Bini, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament ġiet infurmata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru tal-Gvern preċedenti nhar l-4 ta’ Marzu, 2013 li kien ġie appuntat bħala Kap tal- Building Regulation Office liema ittra ġie ikkuppjat fiha l-istess Onor. Interpellant. Dan wara li kien hemm sejħa għall-applikazzjoni nhar l- 4 ta’ Mejju, 2012. L-individwu li d-dettalji tiegħu qed jidhru separatament aċċetta din il-kariga permezz ta’ ittra datata 6 ta’ Marzu, 2013. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Energy Performance of Buildings – kors għall-assessuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir kors ieħor għall-assessuri tal-Energy Performance of Buildings (dwellings) u kors ieħor għall-assessuri tal-Energy Performance of Buildings (commercial)?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li ninsab infurmat li hemm il-ħsieb li toħroġ ċirkulari interna għall-impjegati fil-Ministeru Għat-Trasport u Infrastruttura sabiex ikun identifikat in-numru ta’ individwi interessati li jattendu dan il-kors (Assessuri tal-Energy Performance of Buildings - dwellings). Abbażi ta’ din l-informazzjoni jkun deċiz jekk issirx sejħa għall-offerti/tender biex ikun organizzat kors ieħor. La darba l-ewwel kors kif indikat hawn fuq iseħħ, wieħed jgħaddi għat-tieni fazi (il-kors għall-Assessuri tal-Energy Performance of Buildings - commercial).

Xufiera tat-trasport pubbliku – multi minħabba tattoos jidhru

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li għalkemm xufiera ta' taxis, mini buses, coaches, eċċ. jista’ jkollhom tattoos jidhru, xufiera tat-trasport pubbliku li jkollhom xi tattoo jidher jaqilgħu multa? Kemm hi din il-multa? Taħt liema regolament tal-Unjoni Ewropea taqa’din ir-regola?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-Arriva Malta Ltd iridu josservaw ir-rekwiżiti marbuta bihom permezz tal-kuntratt iffirmat ma’ Transport Malta fl-20 ta’ Novembru 2010. Il-livell ta’ servizz tat-trasport pubbliku mhux stipulat fir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea minħabba li hija l-Awtorità kompetenti li tistabillixxi l-livell minimu ta’ servizz li huwa aċċettabbli. Il-kuntratt iffirmat jistipula li l-ebda xufier ma jista’ jkollu tattoo viżibbli waqt li jkun xogħol fuq is-servizz. L-Awtorità tinponi penali ta’ €25 lil Arriva Malta Ltd għal kull xufier li jinstab bit-tattoo tidher.

Karozzi tal-linja mingħajr Air Conditioning

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li għalkemm is-sajf li għadda karozza tal-linja mingħajr air-conditioning kienet tidħol lura d-depot wara d-9:00am, minn dan is-sajf karozzi tal-linja mingħajr air-conditioning qed jintużaw il-ġurnata kollha? Veru li jekk xufier jirrifjuta li jsuq karozza tal-linja mingħajr air-conditioner jiġi sospiż jew adirittura mkeċċi min fuq ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara verifika li saret minn Transport Malta mal-operatur tat-trasport pubbliku jirriżulta li ma tbiddel xejn mis-sajf li għadda. Dan jinkludi l-fatt li tlett vetturi li għadhom mhumiex mgħammra b’sistema ta’ arja kkundizzjonata huma awtorizzati jintużaw fuq rotta 130 bejn il-Valletta Cruise Terminal u l-Belt kif kien ġara s-sena l-oħra. Xufier li jirrifjuta li jsuq karozza tal-linja minghajr l-arja kundizzjonata ma jiġiex sospiż jew mkeċċi mix-xogħol. Infurmat ukoll li Transport Malta tagħmel spezzjonijiet regolari biex tassigura li t-temperatura hija hekk kif stipulat fil-kuntratt, jiġifieri it-temperatura fuq dawn il-vetturi għandha tkun ta’ bejn l-20 u l-24 grad celsius. Fil-fatt, fl-aħħar tlett xhur (April, Mejju u Ġunju) l-uffiċċjali ta’ Trasport Malta wettqu 328 spezzjoni fuq il-vetturi ta’ trasport pubbliku.

Transport Malta – uffiċjali li jiċċekjaw it-temperatura tal-karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li mentri s-sajf li għadda uffiċjali tat-Transport Malta kienu jitilgħu fil-karozzi tal-linja jiċċekkjaw it-temperatura tal-karozzi biex jaraw jekk hemmx sħana, min dan is-sajf dan l-eżerċizzju m'għadux isir? X'inhi r-raġuni li dan l-eżerċizzju m'għadux isir, biex jiġu ffrankati l-flus jew biex tiġi aġevolata l-kumpanija tat-trasport pubbliku, l-Arriva?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-informazzjoni li għandi Transport Malta tagħmel spezzjonijiet regolari biex tassigura li t-temperatura hija hekk kif stipulat fil-kuntratt, jiġifieri it-temperatura fuq dawn il- vetturi għandha tkun ta’ bejn l-20 u l-24 grad celsius. Infurmat ukoll illi fl-aħħar tlett xhur (April, Mejju u Ġunju) l-uffiċċjali ta’ Transport Malta wettqu 328 spezzjoni fuq il-vetturi tat-trasport pubbliku.