Jista' l-Ministru jara li ssir bozza fi Triq Wied Blandun quddiem Ġnien Wied Blandun, fil-Fgura minħabba l-problema kbira ta' l-abbuż mid-droga li teżisti? Kopja tal-pjanta qed tintbagħat separatament.
Response (BONNICI, JOSEF)
Jirriżulta li fl-inħawi msemmija hemm il-ħtieġa li ssir bozza sabiex il-post jiddawwal aħjar. Dan ix-xogħol mistenni jsir fi żmien mhux il-bogħod.
Bord tal-Korporazzjoni ta' l-Iżvilupp — Investituri barranin
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru 1999 sal-lum kemm-il applikazzjoni minn investituri barranin ġew diskussi mill-Bord tal-Korporazzjoni ta' l-Iżvilupp? Kemm ġew deċiżi applikazzjonijiet ta' investituri barranin? F'liema linja ta' xogħol kien hemm applikazzjonijiet minn investituri fil-perjodu Settembru 1998 sa Marzu 1999?
Response (BONNICI, JOSEF)
Matul il-perjod msemmi l-Korporazzjoni ta' l-Iżvilupp iddiskutiet u ħadet deċiżjoni dwar dsatax (19) -il applikazzjoni minn investituri barranin. Minn dawn l-applikazzjonijiet, erbatax (14) kienu approvati.
Fl-istess perjodu l-Korporazzjoni irċeviet sitta u tletin (36) applikazzjoni mingħand investituri fl-oqsma li ġejjin:
Akwakultura, ikel, makkinarju kemikali (inkluż components), karta u stampar, għamara, plastics, inġinerija, teknoloġija ta' l-informatika, prodotti medikali, fibreglass u minerali u backoffice services.
Peress li llum l-industrija lokali li timporta z-zokkor u t-trab tal-ħalib bħala materja prima mill-UE b'sussidju ta' 321 sterlina fuq kull tunnellata zokkor u 795 sterlina fuq kull tunnellata trab tal-ħalib jintilef bi sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif din is-sitwazzjoni se taffettwa l-industrija lokali msemmija u lill-konsumaturi tal-gżejjer tagħna?
Jista' l-Minsitru jgħid kif dan jaffettwa lil-lukandi u restoranti u min se jagħmel tajeb għal dawn kemm-il darba jogħlew prezzijiet imsemmija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Skond il-policy ta' l-Għaqda Dinjija għall-Kummerċ, is-sussidji fil-pajjiżi membri għandhom jitneħħew fuq medda ta' żmien, inklużi dawk il-pajjiżi li mhumhiex membri ta' l-Unjoni Ewropea.
Għaldaqstant il-kwistjoni tas-sussidji ma tinvolvix biss lill-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea jew lil dawk li qed jaspiraw li jsiru membri, iżda wkoll lil pajjiżi oħra nkluża Malta.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2704 dwar it-twaħħil ta' bozoz fi Triq Spiru Spiteri Tarxien, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta lestitx ix-xogħol tagħha fuq l-istima tat-talba msemmija? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid x'jista' jsir biex fl-aħħar tkun imdawwla t-triq imsemmija wara ħafna talbiet mir-residenti u mill-Kunsill Lokali Tarxien? Jekk għada ma ttieħdet l-ebda inizjattiva biex issir l-istima msemmija, ma jidhirlux il-Ministru li għaddew kważi erba' xhur milli wieġeb il-mistoqsija parlamentari, liema dewmien huwa wieħed eċċessiv biex tinħadem l-istima?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li t-talba biex titwaħħal bozza fit-triq imsemmija qed tiġi pproċessata skond il-proċeduri normali biex b'hekk tkun tista' tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jara li jitwaħħlu pelican lights fi Triq Palazz Dorell/Gudja Bypass u Ħal Għaxaq/Bypass Gudja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li meta jkun hemm talba biex jitwaħħlu Pelican Lights, il-Koporazzjoni Enemalta tipprovdi servizz ta' l-elettriku ladarba ssir l-applikazzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara li l-ilma tal-vit fi Triq il-Kappuċċini, Marsa, ikun ta' kwalita' tajba?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minn testijiet li jsiru fuq bażi regolari mill-laboratorju tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, fejn jittieħdu kampjuni minn lokalitajiet differenti, dejjem irriżulta li l-ilma tal-vit, inkluż dak tal-Marsa, huwa tajjeb għax-xorb. Barra minn hekk fil-25 ta' Frar 1999, ittieħdu kampjuni mit-triq imsemmija fejn irriżulta li huma batterjoloġikament u kimikament tajbin għax-xorb.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 4607?
Response (BONNICI, JOSEF)
B'riżultat ta' ftehim bejn il-Korporazzjoni Enemalta u l-GRTU, irid ikun hemm il-permessi ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex pompa tal-petrol tiġi trasferita minn sit għal ieħor.
Kien hemm diversi talbiet li ġew irrifjutati minn din l-Awtorita'. L-applikazzjonijiet imorru għand l-Enemalta sabiex l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tara jekk il-Korporazzjoni għandhiex xi oġġezzjoni għall-istess talbiet. L-Awtorita' irifjutat talba għal trasferiment ta' pompa minn sit għal ieħor f'Ħaż-Żebbuġ, oħra minn sit għal ieħor f'Ħal-Qormi u pompa oħra minn sit għal ieħor fin-Naxxar.
S'issa ġew approvati żewġ talbiet għal trasferiment ta' pompa minn sit għal ieħor. Dawn huma waħda minn naħa għal oħra tat-triq f'Ħaż-Żebbuġ, Malta u l-oħra minn Ħal-Qormi għall-Għargħur.
Tajjeb jingħad li bħalissa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qed tipproċessa ħames talbiet għal ċaqlieq ta' pompi tal-petrol kemm fl-istess raħal kif ukoll minn raħal għal ieħor.
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma qed iwettaq il-gvern fir-rigward taż-żewġ tarznari tagħna sabiex flimkien mal-ħidma li qed iwettqu l-management rispettivi jinstab aktar xogħol għall-futur?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-amministrazzjoni preżenti hija mpenjata bi sħiħ biex it-tarznari tagħna jiksbu ordnijiet ta' xogħol. FIl-laqgħat li jkollhom ma' uffiċjali ta' gvernijiet u azjendi barranin, diversi uffiċjali tal-Gvern Malti, jieħdu l-opportunita' biex iħajjru lil dawn il-barranin jinqdew bis-servizzi li joffru t-tarznari tagħna.
Jista' l-Ministru jintervjeni biex problema fis-sistema tad-dawl fi blokk 4, in-naħa ta' flat 9 u 10 fil-Qasam tad-Djar San Patrizju, f'Pembroke tiġi solvuta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant jagħti aktar dettalji speċifiċi sabiex l-ilment in kwistjoni jkun jista' jiġi nvestigat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu nies impjegati ġodda mal-Malta Freeport Corporation? Minn liema lokalita' ġejjin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-Onorevoli Interpellant ma ndikax xi perjodu partikolari, qed nillimita t-tweġiba għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999.
Fl-imsemmi perjodu ġew impjegati 12-il persuna mal-Korporazzjoni tal-Port Ħieles. Dawn ġejjin wieħed minn kull wieħed minn dawn il-postijiet Ħad-Dingli, il-Gżira, Wied il-Għajn, Paola, tas-Sliema u Ħaż-Żebbuġ u tlieta minn Ħal-Qormi u tlieta oħra minn Valletta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tinġabarx statistika dwar kemm hemm persuni Maltin miżżewġin barranin f'Malta? Jekk fl-affermattiv, x'inhu dan in-numru u jista' l-Ministru jagħti breakdown tan-nazzjonalita' tal-barranin?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika ma jiġborx statistika ta' dan it-tip. Tinżamm statistika dwar in-numru ta' żwiġijiet li jinvolvu persuni barranin. Din ix-xorta ta' statistika bdiet tinġabar għall-ewwel darba fl-1997. Matul dik is-sena 249 raġel u 179 mara ta' nazzjonalita barranija iżżewwġu f'Malta.
Jista' l-Ministru jispjega kif hawker mingħajr liċenzja ta' jobber kellu l-bowser tiegħu qrib il-vapur St Elmo in konnessjoni ma' provvisti ta' diesel nhar it-28 ta' April filgħodu? Jikkonferma l-Ministru rapporti li dan il-hawker qed iforni diversi lukandi ewlenin Maltin għad-dannu ta' diversi jobbers?
Response (BONNICI, JOSEF)
Rapporti dwar l-inċidenti in kwistjoni ġew investigati mill-Korporazzjoni Enemalta u l-hawker ikkonċernat diġa' ġie mwissi serjament li l-Korporazzjoni ser tieħu l-passi kollha neċessarji sabiex tiżgura li dan ma jiksirx il-kundizzjonijiet tal-liċenzja tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minflok ma ġie supplied minn jobbers Maltin il-vapur Telatela llum 28 ta' April, 1999 ġie fornut minn bowser mill-Italja bil-lubricating oil (AGIP)?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-każ imsemmi jirrigwarda xogħol ta' bunkering u dan it-tip ta' xogħol jaqa' taħt ir-responsabbilta' ta' azjenda li ma tifformax parti mid-dekasteru tiegħi, nissuġġerixxu li l-mistoqsija ssir lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta' trainee pilots ma' l-Air Malta? Kemm kien hemm minnhom li ma kellhomx il-Malti bħala suġġett? Kemm se jintgħażlu/intgħażlu sabiex jibdew dan it-taħriġ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Wara l-aħħar sejħa, kien hemm 21 applikazzjoni għal 'trainee pilots' ma' l-Air Malta, fosthom tlieta li ma kienux jinkludu l-kwalifika tal-Malti.
Wara l-ewwel interview kien hemm 14-il applikant, li bħalissa jinsabu barra minn Malta, għal 'further evaluation tests', u dawk li jgħaddu minn dawn it-testijiet ikunu jistgħu ikomplu l-kors ta' 'trainee pilot' mal-Kumpanija.