Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #1002 Sitting 15 2013-05-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Skejjel - kontroll tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux kontroll tal-ħaddiema u ta' dak li jiġri fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) fil-Qala, fl-iskola tal-Arti f'Għajnsielem, fl-iskola tad-Drama fin-Nadur u fl-iskola tal-Mużika fis-Sannat?

Response (REFALO, ANTON)

Jien infurmat li l-Ministeru għal Għawdex għandu l-kontroll tal-ħaddiema tiegħu fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Qala filwaqt li l-ħaddiema fl-iskejjel jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Leg 12 PQ #1143 Sitting 15 2013-05-06 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Manutenzjoni ta' fond — każ ta' individwu

Question

Peress li l-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament għandu bżonn ta' manutenzjoni u ilhom snin isiru talbiet anke f'dan il-Parlament biex isiru dawn ix-xogħlijiet, jista' l-Ministru jara li dawn ix-xogħlijiet isiru?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li ġie mqabbad perit biex jagħmel evalwazzjoni tas-sitwazzjoni f'dan il-bini biex isir ix-xogħol meħtieġ.
Leg 12 PQ #1151 Sitting 15 2013-05-06 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Provvista tal-ħrieqi

Question

Peress li qed ikun hemm ilmenti dwar is-servizz tal-provvista tal-ħrieqi għall-anzjani u persuni b'diżabilità tant li hemm min ilu tliet xhur ma jieħu l-ħrieqi allokati skont il-każ, jista' l-Ministru jara li dan in-nuqqas jiġi indirizzat?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li lill-anzjani u persuni b'diżabilità se jitqassmulhom il-ħrieqi fil-jien li ġejjin.
Leg 12 PQ #196 Sitting 14 2013-04-30 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Kuntratti għal konsulenza b'direct order

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni/kumpaniji/partnerships li ngħataw kuntratt jew appointment ta' konsulenza mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum mill-Ministeru, id-dipartimenti jew entitajiet pubbliċi li huma fi ħdanu permezz ta' direct order? X'kien ix-xogħol li ġew mitluba jagħmlu għal kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza? X'inhu il-valur ta' kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill onorevoli interpellant li twegiba se tinghata f xi seduta ohra.
Leg 12 PQ #606 Sitting 14 2013-04-30 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — vakanzi

Question

Jista' l-Ministru tgħid x'vakanzi mtlew fil-Ministeru u d-dekasteru li jaqa' taħtu bejn l-1 ta' Novembru 2012 u t-8 ta' Marzu 2013 u jagħmel referenza għal kull sejħa separatament?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #729 Sitting 14 2013-04-30 Oral · Final From: FREDRICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Impjegati minn barra s-Servizz Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk fis-segretarjat tal-Ministeru tiegħu ġewx impjegati individwi li huma minn barra s-Servizz Pubbliku? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hu n-numru ta' dawn il-persuni u jekk kenux jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC)?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm għaxar persuni mpjegati fis-segretarjat tal-Ministeru li huma minn barra is-servizz pubbliku. Minn dawn persuna wahda kienet tirreġistra mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ.
Leg 12 PQ #163 Sitting 13 2013-04-29 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Gozo Channel bejn Ġunju 2012 u Marzu 2013? Jista' jgħid f'liema gradi ġew impjegati? Jista' jgħid ukoll kif saret is-sejħa għall-impjiegi u kemm applikaw f'kull każ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-Gozo Channel impjegat żewġ uffiċjali ġodda bejn Ġunju tal-2012 u Marzu tal-2013. Persuna minnhom ġiet impjegata bħala Electrical/Electronics Officer Ashore u persuna oħra bħala Chief Executive Officer. Fil-każ ta' Electrical/Electronics Officer Ashore is-sejħa kien hemm tliet applikazzjonijiet. Fil-każ tal-pożizzjoni ta' Chief Executive officer nġabet approvazzjoni Ministerjali u tal-Korporazzjoni għax-Xoghol u Taħriġ biex is-sejħa toħroġ b'mod pubbliku. Għal din l-pożzizjoni intefgħu 49 applikazzjoni.
Leg 12 PQ #346 Sitting 12 2013-04-24 Oral · Interim From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — ingaġġ ta' konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti (inkluż persons of trust) mid-9 ta' Marzu 2013 'il quddiem li qegħdin jagħtu kontribut fid-dekasteru tiegħu? X’terms of reference għandhom għall-ħidma tagħhom fil-Ministeru? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti jew appointment letters fejn dawn diġà ġew iffirmati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #516 Sitting 12 2013-04-24 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — tibdil fir-responsabilitajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti u s-sezzjonijiet li wara l-aħħar elezzjoni u wara t-tibdil fir-responsabilitajiet tal-Ministeri l-ġodda, m'għadhomx jiffurmaw parti mill-Ministeru għal Għawdex? Jista' jagħti l-lista ta' binjiet li jappartjenu lil dawn id-dipartimenti u s-sezzjonijiet u li issa m'għadhomx responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex? Jista' jgħid ukoll f'idejn liema Ministeri għaddew dawn id-dipartimenti u s-sezzjonijiet?

Response (REFALO, ANTON)

Jien infurmat li ma hemm l-ebda dipartiment li mill-aħħar elezzjoni lil hawn m'għadux taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex, is-sezzjonjiet li għaddew mill-Ministeru għal Għawdex għal ministeri oħra huma dawk tas-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni. Il-binjiet li pew trasferiti jinkludu skejjel, bereġ, poliklinika u l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex.
Leg 12 PQ #228 Sitting 11 2013-04-23 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Transfers

Question

Jista'’ l-Ministru jagħti lista ta'’ impjegati fis-settur pubbliku li ġew trasferiti minn dipartiment għall-ieħor mill-11 ta'’ Marzu 2013 '‘l hawn? Jista'’ jgħid fejn kien jaħdem kull wieħed minn dawn l-individwi u fejn ġie trasferit?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 214.
Leg 12 PQ #50 Sitting 10 2013-04-22 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — xiri ta' vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk u kemm-il vettura ġdida nxtrat jew ġiet ordnata biex tinxtara mill-Ministeru tiegħu mill-11 ta' Marzu 2013?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum l-ebda vettura ma ġiet mixtrija jew ordnata mill-Ministeru għal Għawdex
Leg 12 PQ #51 Sitting 10 2013-04-22 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Kiri ta' vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk u kemm-il vettura ġiet mikrija mill-Ministeru tiegħu mill-11 ta' Marzu 2013?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum ġiet mikrija vettura waħda mill-Ministeru għal Għawdex
Leg 12 PQ #331 Sitting 10 2013-04-22 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — membri tas-segretarjat

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri kollha tas-segretarjat privat tiegħu, kif ukoll tas-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru? X'inhi l-kariga ta' kull wieħed u waħda minn dawn l-impjegati? X'inhuma r-responsabbilitajiet ta' kull kariga? X'inhu s-salarju tagħhom, l-allowances li għandhom dritt għalihom, kif ukoll benefiċċji oħra li jagħmlu parti mill-pakkett offrut lilhom f'dan l-impjieg? X'inhuma l-kwalifiki ta' kull wieħed u waħda minnhom? X'kien l-impjieg jew il-kariga tagħhom bejn l-1 ta' Marzu 2012 u t-8 ta' Marzu 2013? X'kien id-dħul tagħhom minn dan l-impjieg?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi għall-Onorevoli Interpellant li din il-mistoqsija parlamentari qed tiġi risonduta mill-Mistoqsija Parlamentari Nru. 324
Leg 12 PQ #137 Sitting 9 2013-04-17 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — Bord tad-Diretturi u Chairman - remunerazzjoni u benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu ċ-Chairman u l-Bord tad-Diretturi tal-Gozo Channel fi Frar 2013? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra kellu kull wieħed minnhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra
Leg 11 PQ #38696 Sitting 536 2012-12-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ta' Sannat - Pjazza Santa Margerita - ħofra

Question

Peress li fil-pjazza Santa Margerita f'Ta' Sannat, Għawdex hemm ħofra fonda ta' ċirka erba' pulizieri u ta' ċirka erba' piedi wiesgħa u li qed tkun kaġun ta' ħafna inkonvenjent, tista' l-Ministru tara li din il-ħofra tiġi mimlija b'mod permanenti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-ħsara msemmija mill-Onorevoli Interpellant ġiet imsewwija.
Leg 11 PQ #38701 Sitting 536 2012-12-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Nadur — Triq Ramla - stat ħażin tat-triq

Question

Peress li r-residenti tat-Triq Ramla, fin-Nadur qed jilmentaw minħabba l-istat ħażin tat-triq, tista' l-Ministru tara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-triq imsemmija qed isirilha manutenzjoni skont il-ħtieġa. Fil-fatt sarulha tiswijiet bil-cold asphalt fit-12 u fl-14 ta' Novembru.
Leg 11 PQ #38260 Sitting 532 2012-12-04 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — spejjeż ta' mobile phones u fuel għall-karozzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi spejjeż ta' mobile phones u fuel għall-karozzi tagħha għamel il-ministeru tagħha matul ix-xhur minn Jannar sa Ottubru 2012?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #38630 Sitting 532 2012-12-04 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Dewmien fit-twaħħil ta' madum

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li wara daqshekk dewmien u tkarkir ta' saqajn issa li twaħħal il-madum il-ġdid fil-post ta' kuridur fejn hemm il-bieb ta' fejn il-kappella, dan fih ħafna tbajja fih? Taf li ċ-ċumnija tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex fiha ħafna konsenturi u li fil-livel tal-20 filata hemm toqba li minnha joħroġ duħħan tossiku li, meta jkun ir-riħ, joħroġ għal fuq l-isptar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ix-xogħlijiet li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant huma marbuta ma’ proġett estensiv ta’ ristrutturar fil-kuriduri kollha tal-isptar liema xogħlijiet huma wkoll ko-ordinati ma’ proġett ieħor li ħaseb biex is-suffitt il-qadim tal-isptar, li kellu kontenut ta’ asbestos, jiġi mibdul. Għalhekk filwaqt li kompla jiġi mibdul is-suffitt il-qadim, ġiet ukoll ikkordinata ħidma biex jiġu mibdula servizzi qodma filwaqt li jiġu installati oħrajn ġodda li ser ikunu qed jippreparaw it-triq għal proġetti oħra li hemm maħsuba. Fost dawn hemm sistema ġdida msejħa Combined Heat and Power System (CHP) li se tkun tforni ilma sħun u kiesaħ biex taqdi funzjonijiet ta’ kundizzjonament tal-arja fi spazji magħluqa u tissuplixxi sistemi ta’ misħun b’aktar effiċjenza. Dan ankè permezz tal-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltaiċi li jnaqqsu d-dipendenza fuq sistemi tradizzjonali li jużaw fossil fuels. Fost is-servizzi ġodda li qed jiġu mgħoddija taħt is-suffitt il-ġdid, hemm ukoll dawk ta’ intelligent lighting u fire alarm filwaqt li twaħħlu twieqi u bibien ġodda tal-aluminju bi ħġieġ doppju li hu wkoll konformi ma’ prattiċi favur anqas konsum tal-enerġija. Kif qal l-Onorevoli Interpellant, uħud mill-kuriduri diġa’ ġew miksija b’madum ġdid filwaqt li l-oħrajn qegħdin jew ser jibdew jinksew. Dan kien jesiġi li tinqala l-art il-qadima kif kien ukoll jinħtieġ li jinqalgħu pajpijiet, wires u ħwejjeġ oħra li kienu għaddejjin taħt is-suffitt il-qadim. Wieħed irid ukoll jiċċara li dawn is-servizzi ġodda qed ikunu estiżi wkoll biex ikopru s-servizzi f’bini ieħor li jinkorpora l-isptar mentali u t-taqsima ġerjatrika tal-irġiel. B’hekk ser ikun qed jiġi mmassimmizzat l-potenzjal ta’ dawn il-proġetti li finalment ser jissarrfu f’sistemi effiċjenti, li jaħlu u jħammġu anqas u joffru servizzi aktar aġġornati u aktar kumdità. Wieħed irid isemmi wkoll li dan kollu qed isir fl-istess waqt li għaddej proġett ieħor qawwi li qed jibdel kompletament it-taqsima tal-kirurġija fl-istess sptar. Iżda sakemm huwa għaddej dan ix-xogħol kollu, l-isptar irid ikompli jaqdi l-funzjonijiet normali tiegħu u għalhekk jinħtieġ li s-servizzi l-qodma jibqgħu jintużaw sa meta jibdew jiffunzjonaw dawk ġodda. It-tbajja li qed tirreferi għalihom il-mistoqsija kienu kkawżati minn ilma li nixxa waqt dawn ix-xogħlijiet. Jiena nfurmata li din il-problema issa ġiet indirizzata. Fir-rigward taċ-ċumnija tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex, it-toqob li hemm fil-livell ta' madwar għoxrin filata huma d-Draught Stabilisers tal-istess ċumnija. Il-funzjoni tagħhom hi li jikkontrollaw l-ammont ta' arja li tidħol fiċ-ċumnija u jżommu d-duħħan mill joħroġ 'il barra. Fil-każ imsemmi, wieħed mid-Draught Stabilisers kien irrappurtat bil-ħsara u saritlu t-tiswija. Ninfurmaw ukoll lill-Onorevoli Interpellant li din iċ-ċumnija sejra wkoll tiġi eliminata bħala parti minn proġett ieħor li hemm maħsub li jibda s-sena d-dieħla, li ser ikun qed isir b’ko-finanzjament minn fondi Ewropej. Ta’ min jgħid li dawn ma humiex xogħlijiet żgħar iżda meta wieħed jgħaqqad l-investiment ta’ madwar €2miljun fil-proġett tar-ristrutturar tal-kuriduri ma’ dawk tal-proġetti ko-finanzjati minn fondi Ewropej isib li jlaħħqu investiment ta’ mhux anqas minn €8.5 miljun f’temp ta’ ftit xhur. Dan jinkludi x-xogħol li sar fit-twaqqif tad-Dipartiment tar-Radjoloġija u ser iwassal ukoll f’aktar servizzi ġodda bħal ma huma l-Endoscopy Unit, u l-Bone Density Unit. Sar ukoll investiment ta’ €1.5miljun biex ġiet msaħħa s-sistema diġitali li permezz tagħha r-riżultati mill-laboratorju u d-dipartiment tar-radjoloġija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huma aċċessibbli mit-timijiet mediċi kemm fl-istess sptar kif ukoll fi Sptarijiet f’Malta.
Leg 11 PQ #38673 Sitting 532 2012-12-04 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — overtime li għadu ma tħallasx

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-ħlas tal-overtime għax-xogħol li sar u qed isir fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex ilu minn Frar 2012 ma jitħallas? Meta se jitħallas? Kemm hemm flus pendenti li għandhom jitħallsu? Kemm hemm impjegati milquta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-ħlasijiet pendenti sa Settembru 2012 jammontaw għal €204,856 u l-impjegati konċernati huma 158. Dawn l-ammonti ser jitħallsu dalwaqt.
Leg 11 PQ #38253 Sitting 531 2012-12-03 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — materjal informattiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi spejjeż ta' materjal informattiv bħal billboards, flyers, materjal printjat, fuljetti u reklami oħrajn fil-ġurnali u fil-mezzi tax-xandir għamel il-ministeru tagħha matul ix-xhur minn Jannar sa Ottubru 2012?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.