Legislature:
Category:
Reset
Active:

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni jirreġistraw għax-xogħol fuq Part 1 u Part 2 illum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-aħħar statistika ppublikata hi dik ta' l-aħħar ta' Diċembru 1999 u din turi li kien hemm 7,695 persuna li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel parti (Part 1), filwaqt li kien hemm 611 persuni li kienu qed jirreġistraw fuq it-tieni parti (Part 2).

Impjiegi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li qegħdin jaħdmu fulltime illum? Kemm qegħdin jaħdmu fulltime u part-time u kemm part-time biss, illum, u dan kif jikkompara ma' l-istess żmien is-sena l-oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hawn taħt issib tabella li turi kif jikkompara Diċembru 1998 ma Diċembru 1999: Diċembru 1998 Diċembru 1999 Differenza Full Time 137,387 138,206 819 Full Time with Part Time 15,966 16,123 157 Part Time 14,191 16,975 2,784

Persuni b'diżabilita' Mentali — Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuni li jkunu mentalment disabled rikoverati fl-Isptar Monte Carmeli jew il-kuraturi tagħhom humiex intitolati bi dritt għal pensjoni ta'l-eta' jew xi forma ta' għajnuna finanzjarja oħra? Jekk fl-affermattiv, x'inhi l-proċedura? Dawn jingħataw awtomatikament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Persuni li jkunu rikoverati fl-Isptar Monte Carmeli jew il-kuraturi tagħhom jibqgħalhom id-dritt għal Pensjoni tal-Eta', jew għal Pensjoni għal Diżabilita' jew Pensjoni għal Persuni b'Vista Batuta għall-ewwel sitt xhur mid-dħul tagħhom fl-isptar. Wara dan il-perjodu il-Pensjoni tinbidel f'Allowance u meta l-persuna tkun għadha tħallas il-kera tad-dar tibqa' tirċievi il-parti tal-Pensjoni li kienet tkopri l-kera. Il-persuni jew il-kuraturi tagħhom huma obbligati li jinfurmaw lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali b'kull tibdil fiċ-ċirkostanzi tagħhom u dan jinkludi dħul fi sptarijiet. L-isptarijiet normalment ukoll javżaw lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali b'dawn il-persuni. Il-Pensjoni tinbidel f'Allowance wara li jsir ir-rapport.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatment, ilha seba' xhur tistenna li tieħu l-flus tal-pensjoni, u li s'issa għadha ma rċevit xejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onor. Membru li 'l-persuna indikata minnha, għandha tirċievi l-aġġustament fil-pensjoni fl-1 ta' April, 2000. Din il-persuna ser tiġi nfurmata bil-miktub dwar il-ħlas dovut lilha.

Djar — Ħlas

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se titħallas il-familja, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, wara li tmien snin ilu kellha toħroġ mill-post privat tagħha, liema post il-gvern waqqgħu biex illum insibu flats oħra tal-gvern - Santa Liena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proċeduri tal-ħlas ta' proprjeta' akkwistata ssir mid-Dipartiment ta' l-Art. Għalhekk, nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli.

ETC — Home page

Question

Peress li l-ETC diġa' għandha l-home page tagħha fuq l-internet, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li jkun hemm job bank tal-impjiegi available bħalma għamlet riċentement kumpannija privata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ETC bħalissa qed tirrevedi l-Website tagħha biex tiġi aġġornata għaż-żminijiet tal-lum. Fost is-servizzi li se jiġu nklużi hemm il-Vacancies tal-impjiegi li jaslu għand l-ETC. Dan iservi bħala Job Bank kif jissuġġerixxi l-Onor. Membru.

Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li l-persuna li, id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata lura l-fond minn fejn kellha tiġi evakwata minħabba biża' imminenti ta' kollass meta dan jerġa' jinbena u li għalissa tingħata fond alternattiv peress li l-akkomodazzjoni li ngħatat hija inabitabbli minħabba fil-kwantita' kbira ta' ilma li jidħol kuljum fih? Jaf li din il-persuna qed ikollha tgħix f'kesħa kbira mingħajr ma tista tuża elettriku minħabba l-biża' ta xokk elettriku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-persuna indikata ma kienetx evakwata mill-post fejn kienet toqgħod. Hi għamlet talba għal akkommodazzjoni alternattiva minħabba li kellha l-periklu u ġiet allokata post ieħor. Il-post li ġiet allokata kien f'kundizzjoni tajba meta ngħatalha. Madanakollu, tlabt lid-Dipartiment biex jinvestiga l-ilment tagħha dwar l-ilma.

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il familja kkwalifikat għas-susidju fuq l-ilma u d-dawl sena b'sena minn mindu ġie ntrodott dan il-benefiċċju sal-ġurnata tal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-sussidju fuq il-ħlas tal-kera tal-Meter tal-ilma u d-dawl kien ġie introdott fl-1974. Matul is-snin saru ħafna talbiet iżda qatt ma nżammet statistika tagħhom ħlief fl-aħħar snin meta bdew isiru fuq is-sistema komputerizzata. In-numru ta' talbiet aċċettati kien kif jidher hawn taħt: 1995 kien hemm 740 1996 kien hemm 1016 1997 kien hemm 2437 1998 kien hemm 3648 1999 kien hemm 1814 Ta' min iżid li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jagħmel biss l-assessment ta' min japplika għal dan is-sussidju iżda huma l-Korporazzjonijiet konċernati li finalment joħorġu u jagħtu dan is-sussidju.

Ġebel San Martin — Garages

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif, meta u lil kemm nies ingħataw numru ta' garaxxijiet fil-qasam tal-bini tal-gvern ta' Ġebel San Martin? Jikkonferma l-Ministru li hemm familji li għandhom iktar minn garage wieħed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar ma allokat l-ebda garaxx fiż-Żejtun f'Ġebel San Martin.

Żebbuġ — Olive Square - Rampa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn huwa responsabbli li jara li rampa ta' garaxx li qegħda f'Olive Square u li hija wieqfa wisq u anke mbaqqna fuq bankina, u li b'konsegwenza ta' hekk la wheelchair u lanqas b'pushchair ma tista' tgħaddi minn fuqha, issir kif suppost, u skond il-liġi biex tagħti l-aċċessibbilita'? Min huwa responsabbli li jara li dawn l-affarijiet ma jsirux, il-kunsill lokali jew il-pulizija, jew xi awtorita' oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' inkarigat lill-perit u l-avukat tagħha biex jistabillixxu ta' min hi r-responsabilita' li jara li rampi li jostakolaw bankini lill-persuni b'diżabilita' u persuni oħra jitneħħew jew isiru sew. Malli jiġi stabbilit dan, il-Kummissjoni ser tieħu l-passi kollha neċessarja biex, kemm fuq bażi nazzjonali, kif ukoll fuq bażi ndividwali, l-Liġi titħares.

Anzjani — Social workers

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13951 dwar kemm hemm social workers assenjati għal St Vincent de Paule u għal residential homes oħra tal-gvern, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid in-numru ta' social workers li hu semma fit-tweġiba tiegħu, li jaħdmu f'pool ċentrali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani għandu pool ċentrali ta' Social Workers li jiġu assenjati xogħol fil-qasam ta' l-anzjani skond il-każ. In-numru totali ta' Social Workers fid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani hu ta' sebgħa (7).

Anzjani — CSA's

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13950, dwar l-abbużi jew tilwim rrapportati minn anzjani dwar CSA's u dwar abbużi jew tilwim irrapportati minn CSAs dwar anzjani, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti n-numru ta' rapporti li saru mill-1988 sa l-1999 sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li r-rapporti li xi kultant jinqalgħu bejn l-anzjani u l-helpers jiġu rreġistrati fil-file rispettiv tagħhom biss u għalhekk ma jistax jingħata n-numru.

Labour Office — Trasferimenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tal-Labour Office? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma ngħata l-ebda transfer lil impjegati tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg (Ex-Labour Office) fiż-żmien imsemmi.

Impjiegi — Ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm mill-ħaddiema Maltin fis-settur governattiv, parastatali, awtoritajiet, korporazzjonijiet, mas-settur privat eċċ, huma msieħba f'xi trade union u kemm m'humiex, settur settur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma tinżammx statistika kif mitluba mill-Onor. Membru, iżda sknod l-aħħar Rapport tar-Reġistratur tat-Trade Unions, f'Ġunju 1999, in-numru ta' ħaddiema imseħbin f'xi Trade Union kien, 84,033. (Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Rapport). Skond statistika miġbura mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, f'Ġunju 1999, nies fl-impjieg kienu jammontaw għal 122,432. B'dan jirriżulta li 38,399 ħaddiema ma kienux membri f'xi Trade Union.

Pensjonanti/unemployed — Sussidji

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal-liema tip ta' sussidji (fuq dawl, telephones, kera) huma intitolati l-pensjonanti u/jew dawk reġistrati bħala unemployed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li pensjonanti u/jew dawk reġistrati bħala persuni bla impjieg jistgħu jikkwalifikaw għall sussidju fuq dawl u ilma jekk jissodisfaw it-test tal-mezzi kif jinsab fit-Tieni Parti tat-Tieni Skeda ta' l-Att tas-Sigurta' Soċjali. Persuni li jikkwalifikaw għall-Għajnuna Soċjali, Għajnuna għal Disimpjieġ, Pensjoni ta' l-Eta', Pensjoni għal Diżabilita', Pensjoni għal Persuni b'Vista Batuta, kif ukoll Pensjoni għall-Wens, jikkwalifikaw għal żieda fir-rata tagħhom jekk ikunu qegħdin iħallsu l-kera fuq il-post ta' residenza tagħhom. Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani jagħti sussidju fuq il-ħlas tal-kera tat-telefon lil dawk il-persuni 'l fuq minn sittin sena li għandhom il-Karta r-Roża. Dan id-Dipartiment jgħati wkoll eżenzjoni tal-kera tat-Telecare lil persuni li jgħixu waħedhom jew ma persuni anzjani oħra, li għandhom 'l fuq minn sittin sena li għandhom il-Karta r-Roża.