Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #1009 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Serq minn knejjes

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm knejjes li ġew misruqa mill-elezzjoni ġenerali ta' l-1998 sal-lum? Kemm insterqu aktar kmieni din is-sena? Kemm insterqu fl-1996 u fl-1997?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-5 ta' Settembru, sal-10 ta' Novembru 1998, ġew rappurtati lill-Pulizija 14-il każ ta' knejjes li ġew misruqa, filwaqt li bejn l-1 ta' Jannar, u l-4 ta' Settembru, 1998, kien hemm 9 każijiet. Matul l-1997, minn April, kien hemm 15-il każ. Jien infurmat ukoll li qabel April ma kienetx tinżamm statistika separata dwar dan it-tip ta' reat. 16.11.98
Leg 9 PQ #1046 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern

Uffiċċju Konġunt — File Nru.JO/P/877/95

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn fiex wasal il-każ b'file No. JO/P/877/95 għar-rigward ta' fidi ta' ċens?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt ma jistax jiffinalizza l-applikazzjoni għal fidwa taċ-ċens li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant qabel ma' l-imsemmi uffiċċju jirċievi l-informazzjoni meħtieġa u mitluba minn terzi. 16.11.98
Leg 9 PQ #1049 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Żebbuġ — Triq il-Kandlora - Esproprjazzjoni ta' art

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 568, jista' l-Ministru jgħid kif jista' jiġi spjegat li s-sidien ta' l-art għadhom ma ġewx stabbiliti meta qabel ittieħdet l-art kemm id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u d-Dipartiment ta' l-Art ġew avviċinati u ntlaħaq xi forma ta' ftehim mas-sidien direttament? It-tieni paragrafu tar-risposta huwa korrett?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li għalkemm jista' jkun li diġa' ġew identifikati l-'apparent owners', xorta waħda jridu jsiru r-riċerki neċessarji sabiex jiġi aċċertat li dawn huma s-sidien proprji tal-art li qegħdha tiġi esproprjata. Fi żmien qasir għandha tiġi ppublikata fil-Gazzetta tal-Gvern l-esproprjazzjoni ta' l-art u d-Dipartiment ta' l-Artijiet jkun jista' jibda r-riċerki biex jiġi stabbilit min huma s-sidien attwali. Wara dan id-Dipartiment ikun jista' jinfurmahom bil-prezz. Jiena nfurmat li mill-'file' tad-Dipartiment ta' l-Artijiet ma jirriżultax li l-'apparent owners' ġew avviċinati u ntlaħaq xi forma ta' ftehim. 16.11.98
Leg 9 PQ #1058 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Mġarr - Art

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex l-art li tiġi wara l-Iskola ta' l-Imġarr tingħata lura lis-sidien billi jidher biċ-ċar li mhix meħtieġa għall-użu pubbliku u dan minħabba li l-estensjoni ta' l-iskola ssir billi jinbena sular ieħor? Dan ġie dikjarat mill-President ta' Malta stess f'memo ta' l-1990 meta hu kien Ministru ta' l-Edukazzjoni. (Vide acknowledgement 18836 Lands)

Response (BORG, TONIO)

It-talba għall-esproprjazzjoni ta' l-art li qed jirreri għaliha l-Onor. Interpellant, ġiet magħmula mill-Ministru tal-Edukazzjoni fit-8 ta' Awissu, 1994. Id-dikjarazzjoni ġiet ippublikata fit-8 ta' Ottubru, 1996 (Avviż Nru. 651). Peress li dan huwa proġett tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, niltob l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat. 16.11.98
Leg 9 PQ #1059 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Interim From: ANTHONY ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — File No. PA 4817/96

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif ħareġ permess tal-bini fuq File No. PA 4187/96 li jinkorpora fih li jinqala' t-taraġ tal-Gvern li mit-Triq tal-Vecca jinżel sa fuq il-moll u fejn se jintuża taħt it-taraġ u dan meta l-bini mhux proprjeta' tal-persuna li applikat imma li hu mikri u liema sidien ma ġiex riferut lilhom u lanqas hemm il-kunsens ta' l-amministratur ta' l-eredita'? Oltre dan, jaħseb il-Ministru li l-mod kif inħareġ il-permess ma kienx regolari u li bil-mod kif ħareġ se jkun diskriminatorju u ta' detriment għad-drittijiet tas-sidien tal-bini sovrapost u viċin? Oltre dan ukoll, se jingħalaq sqaq pubbliku.

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra. 16.11.98
Leg 9 PQ #1063 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Enforcement No.892/98

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex ħarġet Enforcement Nru.892/98 kontra s-Sinjuri Galea meta dawn irranġaw biss faċċata flok madum diġa' mkisser u meta din l-użanza tintuża f'Malta kollha speċjalment f'postijiet fejn bini jkun sar bla ebda DPC? Jidhirlu l-Ministru illi l-azzjoni meħuda mill-persuni nkarigati toħloq diskriminazzjoni kontra s-Sinjuri Galea meta fit-toroq madwar fejn tranġat il-faċċata hemm 'l fuq minn ħamsin post ieħor li sar l-istess tip ta' xogħol? Jidhirlu l-Ministru li għandu jikkonsidra illi l-ħaddiema tal-Planning Authority għandhom jaċċettaw l-użanzi tan-nies tal-lokalita' qabel ma joqogħdu joħolqu inkonvenjent u diskriminazzjoni fit-trattament tagħhom ta' nies differenti fuq l-istess affarijiet? Jista' l-Ministru jordna li l-istess enforcement No.892/98 jiġi rtirat minnufih?

Response (BORG, TONIO)

Is-sezzjoni ta' l-Infurzar ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ġiet mitluba tintervjeni peress illi madum taċ-ċeramika kien qed jiġi mwaħħal maz-zokklu tal-faċċata tal-fond in kwistjoni. Meta l-Uffiċjal inkarigat mar fuq il-post, dan seta' jikkonferma illi ix-xogħol kien qed isir kif allegat. Dak il-ħin stess il-ħaddiema ġew mitluba jieqfu mix-xogħol. Peress illi dan it-tip ta' żvilupp ma jikkwalifikax bħala żvilupp permissibbli taħt l-Avviż Legali Nru. 137/97 (GDO) u peress illi dan is-sit jinstab ġo 'area' ta' konservazzjoni urbana, l-Uffiċjal inkarigat kien kostrett illi joħroġ 'Stop and Enforcement Notice' kontra l-persuni msemmija fl-Interpellanza. L-iżviluppatur seta appella kontra l-Avviż quddiem il-Bord kompetenti skond il-liġi. Rigward dik il-parti tal-mistoqsija li tirreferi għal żvilupp simili, irid jingħad illi din is-sistema kienet użanza rregolari li kienet tiġri matul is-snin. Is-sezzjoni ta' l-Infurzar dejjem ħadet il-passi neċessarji, iżjed u iżjed meta persuni jinqabdu fil-fatt jagħmlu dan it-tip ta' xogħol kif ġara f'dan il-każ. L-Awtorita' ta' l-Ippjanar għanda tibqa' taġixxi kontra dan it-tip ta' żvilupp illi barra li m'għandux jiġi nkoraġġit ma huwiex xieraq f' 'areas' meqjusa mportanti mill-att ta' konservazzjoni. Il-liġi ma tagħti l-ebda poteri lill-Ministru jordna biex jiġi rtirat 'enforcement notice'. 16.11.98
Leg 9 PQ #1130 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Armi tal-kaċċa

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se titneħħa l-anomalija naxxenti mill-fatt illi l-liġi tipprojbixxi l-kaċċaturi lokali milli jkollhom aktar minn żewġ skrataċ fil-magazzin meta minn naħa l-oħra huwa permess l-importazzjoni ta' armi għall-użu tal-kaċċa li huma kapaċi jġorru aktar minn żewġ skrataċ fil-magazine? Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir minn dawk l-armi kollha wżati għal skopijiet ta' kaċċa li għandhom il-magazzin tagħhom li jesa' aktar minn żewġt iskrataċ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dwana tirrilaxxa snieter semi awtomatiċi kemm-il darba dawn ikunu b' 'magazine plug insert' li bih jkunu jesgħu biss żewġ skrataċċ fil-'magazine' u ieħor fiċ-'chamber'. Dawk il-persuni li jinqabdu bi snieter semi awtomatiċi li ma jkunux jikkonformaw skond dak li għidt, jittellgħu l-Qorti. 16.11.98
Leg 9 PQ #1132 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Interim From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Żurrieq — Triq Ta' Ciantar - Zona industrijali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fi Triq Ta' Ciantar, fiż-Żurrieq hemmx xi area li hija meqjusa bħala zona/area industrijali? Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' permessi nħarġu f'din it-triq? Jista' l-Ministru jgħid jekk qatt ġietx liċenzjata f'azjenda sabiex jiġi manufatturat ravjul, tortellini, lasagna u xogħol ieħor ta' l-għaġin?

Response (BORG, TONIO)

Rigward l-ewwel u t-tieni partijiet tal-Mistoqsija, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija t-tweġiba hija fl-affermattiv. 16.11.98
Leg 9 PQ #1158 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti għal dawn l-aħħar tliet snin xahar b'xahar in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, kemm saru applikazzjonijiet ġodda kull xahar? Kemm applikazzjonijiet ġew deċiżi favur jew kontra kull xahar? Kemm saru applikazzjonijiet għar-rikonsiderazzjoni u appelli kull xahar u x'kien ir-residual backlog ta' applikazzjonijiet kull xahar?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra. 16.11.98
Leg 9 PQ #1159 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Screen F6

Question

Jikkonferma l-Ministru li Screen F6 li fuqu jiġu elenkati d-deċiżjonijiet tad-DCC tal-Planning Authority, suppost huwa aċċessibbli biss għas-segretarja tad-DCC biex tagħmel entries ġodda u tibdil fih? Jassigura l-Ministru li matul l-aħħar sitta jew tmien xhur (jew qabel) dan l-iscreen ma sabux mezz kif jidħlu fih nies oħra mill-awtorita', li mhux suppost kellhom il-fakulta' li jagħmlu tibdil fih? Jekk irriżulta dan, x'miżuri ta' dixxiplina ttieħdu kontra min abbuża u x'kontrolli kien hemm biex min seta' abbuża ma kienx hemm min iggwadanja minn dan l-abbuż?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li s-segretarjat tad-DCC u segretarja fit-'Transport Planning Unit' (biex iddaħħal dettalji tal-'Commuted Parking Pavement Scheme') biss jistgħu jagħmlu tibdil fi 'Screen' 6, li fuqu jiġu elenkati d-deċiżjonijiet ta-DCC tal-Awtorita ta' l-Ippjanar. Sal-25 ta' Settembru, 1998, dawn li ġejjin setgħu wkoll jagħmlu tibdil minħabba r-raġunijiet elenkati : * Żewġ uffiċjali fl-'Accounts Office' biex idaħħlu dettalji fuq multi. * Segretarja fi 'Transport Planning Unit', Segretarja fil-'Land Survey Unit' u Segretarja fl-Uffiċċju t'Għawdex biex idaħħlu dettalji tad-'Development Monitoring'. * Segretarji fid-'Development Control Unit' biex idaħħlu d-'Delegated Decisions'. L-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma kellha l-ebda rapport ta' abbuż tas-sistema kif indikat mill-Onorevoli Interpellant. 16.11.98
Leg 9 PQ #1160 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Development Control Commission

Question

Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għaliex fuq id-Development Control Commission tal-Planning Authority inħatru sitt membri minn seba' li huma periti? Ma jaħsibx l-Ministru li taħlita ta' membri b'back ground aktar varjat kien ikun aħjar fuq dan il-bord?

Response (BORG, TONIO)

Kif jaf tajjeb l-Onor. Membru, il-Prim Ministru jaħtar biss erba' mis-seba' membri tad-'Development Conrol Commission' (DCC), filwaqt li t-tlieta l-oħra jinħatru skond ix-xewqat tal-membri tal-bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Sa l-aħħar t'Ottubru, 1998, sakemm skada t-terminu ta' l-aħħar DCC, mill-erba' membri maħtura mill-Prim Ministru tlieta minnhom kienu periti, filwaqt li llum mill-erba' membri maħtura mill-Prim Ministru erba' huma periti. L-Onor. Membru japprezza li filwaqt li t-taħlita tal-membri hija fattur ta' min jikkonsidrah, huwa ferm aktar importanti li l-membri maħtura jkunu persuni b'kapaċita' teknika kif ukoll ta' integrita'. L-għażla li għamlu l-membri ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għar-rigward tat-tlett membri l-oħra tad-DCC ma jidhirlix li għandi dritt nikkumenta fuqha ġaladarba din kienet l-għażla ħielsa tagħhom. 16.11.98
Leg 9 PQ #1161 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Membri ġodda tad-DCC

Question

Jikkonferma l-Ministru li wieħed mill-membri l-ġodda tad-DCC tal-Planning Authority għandu l-mara tiegħu kap tat-taqsima ta' skemi li huma ODZ (barra miż-żona ta' l-iżvilupp) fin-nofs inhar ta' Malta? Jaħseb l-Ministru li meta jiġi biex jieħu deċiżjonijiet fuq il-bord, dan il-membru jista' jkollu konflitt ta' interessi stante li jista' jkollu jivvota kontra deċiżjonijiet li tkun ħadet martu stess?

Response (BORG, TONIO)

Mhux minnu li l-persuna ndikata fil-Mistoqsia, impjegata ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, hija Kap tat-Taqsima ta' Skemi li huma ODZ fin-nofsinhar ta' Malta. Din il-persuna hija biss 'Case Officer' fi ħdan wieħed mill-'Area Teams'. Ir-rakkomandazzjonijiet li tkun għamlet din il-persuna jitressqu quddiem id-DCC wara li jkunu vverifikati mill-'Manager' ta' l-'Area Team' tagħha. 16.11.98
Leg 9 PQ #1165 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kors tas-surġenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-eżitu tal-kors tas-surġenti fil-korp tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 351 f'Seduta 6. 16.11.98
Leg 9 PQ #1167 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Interim From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Bċejjeċ tal-baħar overspeeding

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu bċejjeċ tal-baħar overspeeding bejn l-1 ta' Lulju, 1998 u t-30 ta' Settembru, 1998 fil-bajjiet ta' Malta u ta' Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra. 16.11.98
Leg 9 PQ #1168 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Interim From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Permessi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu permessi ġodda biex nies jarmaw f'open air markets mill-1 ta' Mejju, 1998 sal-10 ta' Novembru, 1998?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra. 16.11.98
Leg 9 PQ #1169 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Valletta — Għassa tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir it-trasferiment ta' l-Għassa tal-pulizija tal-Belt minn fejn tinsab bħalissa għall-bini fejn kien alloġjat il-parcel post office?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li għalkemm ix-xogħol fil-post jinstab fi stadju avvanzat, għad ma ġietx iffissata data għat-trasferiment. 16.11.98
Leg 9 PQ #1170 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Att dwar l-Immigrazzjoni — Traffikar ta' persuni llegali

Question

Ma jaħsibx il-Ministru li barra li għandhom jiħraxu l-pieni għat-traffikar illegali ta' persuni, għandu jkun hemm provvediment partikolari fl-Att dwar l-Immigrazzjoni li jippenalizza speċifikament it-traffikar ta' persuni mhux biss lejn Malta iżda minn Malta wkoll?

Response (BORG, TONIO)

Kemm ili ministru, diġa' semmejt fil-pubbliku u fuq il-mezzi tax-xandir proposti tiegħi sabiex minn jittraffika illegalment fit-trasport ta' nies, jiġi akkużat b'reat speċjali u jekk misjub ħati jingħata kastigi aktar gravi sabiex l-isfruttament għal skop ta' qliegħ fuq dahar nies innoċenti jiġi punit b'mod aktar serju. Il-problema tal-immigrazzjoni llegali, li mhix problema ta' pajjiżna biss, tindika li hemm bżonn li jsiru emendi għall-Liġi dwar l-Immigrazzjoni tal-1970. Malli jitlesta x-xogħol fuq dan l-abbozz jiġi preżentat lill-Parlament fl-iqsar żmien possibli. 16.11.98
Leg 9 PQ #108 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każijiet ta' overdose

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każijiet ta' overdose mill-bidu ta' Settembru 1998 sal-lum? Jista' l-Ministru jgħid x'kienu ċ-ċifri ta' reati rrapportati lill-pulizija bejn Settembru 1998 u llum? Kemm minn dawn kienu: 1. serq; 2. serq ta' vetturi; 3. hold-ups; 4. serq minn zoni residenzjali; 5. reati sesswali; 6. frodi; u 7. attakki vjolenti fuq l-anzjani?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-1 ta` Settembru, sal-25 t`Ottubru, 1998, ġew irrapurtati lill-Pulizija, 27 każ ta` overdose. Matul l-istess perijodu ġew irrapurtati lill-Pulizija 2,521 reat. Dwar in-numru ta` reati speċifikati mill-Onor. Interpellant, ninsab infurmat li fl-istess perijodu dawn kienu kif ġej:- Settembru Ottubru --------- ------- (sal-25) Serq 803 573 Serq ta' vetturi 115 122 'Hold-ups' 4 7 Serq minn żoni residenzjali 340 272 Frodi 6 10 Attakki vjolenti fuq l-anzjani 16 24 Reati sesswali 3 2 11.11.98
Leg 9 PQ #523 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri li ġew trasferiti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li pulizija li ġew trasferiti fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti jerġgħu lura f'posthom? Jaħseb il-Ministru li f'każi fejn dawn it-trasferimenti li saru mill-Amministrazzjoni Laburista kienu ta' detriment kemm għall-individwu trasferit kif ukoll għall-korp innifsu, għandhom jintbagħtu lura fl-iqsar żmien possibbli?

Response (BORG, TONIO)

It-trasferimenti fil-Korp tal-Pulizija jsiru meta u kif ikun il-bżonn fl-aħjar interessi ta` l-istess Korp u tal-pubbliku in ġenerali. Kif espremejt diversi drabi, anke mill-oppożizzjoni, uħud mit-trasferiment li saru fiż-żmien il-gvern preċedenti kienu ta` detriment għall-Korp, speċjalment fejn l-individwi trasferiti kienu nies li kellhom esperjenza kbira jew li għamlu taħriġ speċjaliżżat fuq xogħol partikolari konness mas-sezzjoni jew taqsima fejn kienu jaħdmu. Ta` min ifakkar ukoll li f`każijiet ta` taħriġ, il-gvern jagħmel investiment billi jipprovdi fil-maġġor parti tal-każijiet flus biex jiġi ffinanzjat il-kors relatat. 11.11.98
Leg 9 PQ #525 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Uffiċċju Konġunt

Question

Billi familja li naf jien ilha snin titħabat biex tiċċekkja jekk is-sit Nru 25, Mills Lane, Żejtun, hux qiegħed f'idejn il-Joint Office jew le u billi din il-persuna, minkejja diversi ġiri u ittra, baqgħet bla risposta definittiva, jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk fil-fatt dan is-sit hux f'idejn il-Joint Office jew le? Billi dan il-post qed jaqa' biċċiet jaħseb, il-Ministru li għallinqas għandu jiġi stabilit jekk dan is-sit hux f'idejn il-Joint Office jew le? Possibbli li din l-informazzjoni tingħata għaliex dan l-individwu ilu ta' l-inqas mill-1994 jitħabat biex jistabbilixxi f'idejn min qiegħed dan is-sit?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-fond li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant hu amministrat mill-Uffiċċju Konġunt. 11.11.98