Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #16588 Sitting 309 2000-06-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel Speċjali — Sports

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel f'din is-sħana qawwija li tiġi organizzata sports day għall-istudenti ta' l-iskejjel speċjali fl-ewwel ġimgħa ta' Ġunju meta x'xemx tant hi qawwija u l-Marsa m'hemmx protezzjoni mir-raġġi tagħha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li, għalkemm hemm il-ħsieb li wara xi snin wieqfa, ser terġa' tibda ssir l-isports day għall-istudenti ta' l-iskejjel Speċjali, ma kienx maħsub li din issir f'Ġunju u lanqas ma ħarġet xi ċirkolari f'dan is-sens. Ovvjament meta tittieħed deċiżjoni dwar id-data ta' din l-attivita`, (x'aktarx fl-ewwel parti tas-sena skolastika li jmiss) is-suġġeriment ta' l-Onor. Membru jkun fost dawk li jkunu kunsidrati.
Leg 9 PQ #16591 Sitting 309 2000-06-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Junion College — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li tintlaqa' t-talba ta' l-istaff mhux akkademiku tal-Junior College li jkollhom rappreżentanza fil-bord li jmexxi l-kulleġġ?

Response (GALEA, LOUIS)

Kopja tat-talba waslitli ftit ġranet ilu u ser tiġi konsidrata fil-mument opportun.
Leg 9 PQ #16592 Sitting 309 2000-06-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Imsida - Skola Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm għall-użu tal-bini ta' l-iskola Mater Dei ta' l-Imsida?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'dan l-istadju l-bini ta' l-iskola Mater Dei, Msida ser jibqa' jservi bħala skola għal persuni bi bżonnijiet partikolari.
Leg 9 PQ #16516 Sitting 308 2000-06-06 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għargħur - Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk is-saqaf tas-sala fl-iskola primarja tal-Għargħur hux fi stat ta' perikolu? Jekk fl-affermattiv, x'passi qed jittieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalkemm huwa minnu li saret xi ħsara f'żewġ planki fis-saqaf tas-sala ewlenija ta' l-iskola primarja Karmnu Sant fil-Għargħur, is-sala ma ntużatx u għalhekk m'hemmx periklu għat-tfal. Informat ukoll li minnufih id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħarġet sejħa għat-tenders biex tissewwa l-ħsara. Ix-xogħol ingħata lill-kuntrattur f'April li għadda iżda dan ma bediex ix-xogħol mill-ewwel fuq talba ta' l-awtoritajiet ta' l-iskola li xtaqu jħarsu lill-istudenti żgħar tagħhom minn xi ħsejjes u trabijiet li seta' jikkaġuna dan it-tip ta' xogħol. Għalhekk ix-xogħol fuq dan is-saqaf issa għandu jibda fl-10 ta' Lulju 2000.
Leg 9 PQ #16528 Sitting 308 2000-06-06 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għawdex — Korsa taż-żwiemel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fit-tiġrijiet taż-żwiemel li saru fit-13 ta' Mejju, 2000 fil-korsa ta' Għawdex l-organizzaturi għamlux użu mis-servizzi tal-ħaddiema tal-Malta Racing Club? Jekk iva, min ħallas u kif ġew magħżula minħabba li ma marrux kollha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm xi ħaddiema tal-Malta Racing Club Committee li taw servizz biex ġew organizzati t-tiġrijiet li saru Għawdex fit-13 ta' Mejju 2000. Dawn il-ħaddiema ġew magħżula mill-Kumitat Organizzattiv magħmul minn rappreżentanti ta' l-Oracle Group, li sponsorizza l-attivita`, u l-Kumitat ta' Għawdex. Il-Kumitat tal-Malta Racing Club ma kienx responsabbli mill-organizzazzjoni u għalhekk m'għandux dettalji ta' min ħallas lil dawn il-ħaddiema.
Leg 9 PQ #16537 Sitting 308 2000-06-06 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

EU — Tabakk/Alkoħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu sabiex pajjiżna jiġi in line mad-direttivi u r-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea f'dak li għandu x'jaqsam ma' reklamar u sponsorships minn azjendi tat-tabakk u ta' l-alkoħol, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' għaqdiet sportivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Bħala riżultat tar-rwol edukattiv tiegħu, u sensibbli għall-ħsara għal saħħet il-bniedem, il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni jifhem il-bżonn ta' regolamentazzjoni ta' dan it-tip ta' reklamar u sponsorships, irrispettivament jekk Malta ssirx membru ta' l-Unjoni Ewropea. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn diversi Dipartimenti interessati dwar is-suġġett.
Leg 9 PQ #16578 Sitting 308 2000-06-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Mobile phone transmitter antennae

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex sal-lum għadu ma ħa ebda linja pubblika dwar jekk għandhomx jitwaħħlu mobile phone transmitter antennae fuq il-bjut ta' l-iskejjel governattivi? F'liema skejjel s'issa twaħħlu dawn l-antennae?

Response (GALEA, LOUIS)

Tajjeb jingħad li l-Awtoritajiet edukattivi Maltin bdew jieħdu azzjoni fuq il-kwestjoni sa mill-bidu ta' din is-sena hekk kif saru jafu bil-kontroversja imqanqla. Fi skambju ta' korrispondenza fil-bidu tas-sena, il-Health and Safety Section tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ġiet informata mid-Dipartiment tal-Wireless Telegraphy li ma kienx jirriżultalu li r-radjazzjoni li jemettu t-tip ta' aerials stallati fuq l-iskejjel jaffettwaw is-saħħa ta' staff u studenti fl-iskejjel. Fuq insistenza tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, fil-21 ta' April 2000 it-Taqsima Health and Safety id-Diviżjoni irċeviet konferma li d-Dipartiment tal-Wireless Telegraphy għamel testijiet fi skejjel fejn hawn dawn l-antennae dwar 'radio frequency electromagnetic field' u r-riżultat kien li r-radjazzjoni li temetti l-antenna li tittrasmetti t-telefon ċellulari hi fil-limiti ta' safety internazzjonalment stabbiliti. Il-kwestjoni kompliet tiġi segwita attivament u, kif diġa' intqal pubblikament, pendenti konklużjonijet ta'Bord Governattiv imwaqqaf apposta fuq din il-kwestjoni, ġie deċiż li l-iskejjel għandhom jissospendu kull negozjati ma' kumpanniji konċernati dwar stallazzjoni ta' dawn l-antennae. Fir-rigward ta' kuntratti konklużi ma' skejjel sa minn Ġunju 1998, qed tiġi konsidrata l-azzjoni li tista' tiġi segwita skond il-liġi taħt il-kuntratti eżistenti biex jiġi assigurat li s-saħħa pubblika tiġi salvagwardata. Informat li saru kuntratti f'dawn l-iskejjel: Skola Sekondarja Ġuże' D'Amato, Paola Skola Tas-Snajja' Umberto Calosso, Sta Venera Skola Primarja 'B', Żebbuġ Skola Tas-Snajja' Stefano Żerafa, Naxxar Skola Primarja Ġuże' Ebejer, Dingli Skola Sekondarja Erin Serracino Inglott, Cospicua.
Leg 9 PQ #16606 Sitting 308 2000-06-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Subject co-ordinators

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġu l-applikazzjonijiet u meta għalqu għal subject co-ordinators primary sector? Jista' jgħid kemm applikaw għal dawn il-postijiet vakanti, meta ser isiru l-intervisti, u meta huwa maħsub li l-għalliema applikanti li eventwalment ikunu ġew magħżulin ser jibdew din il-ħidma? Jista' jgħid liema huma l-iskejjel primarji li fihom ser jintbagħtu dawn is-subject co-ordinators?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikazzjonijiet għal subject co-ordinator ħarġu fid-9 ta' Mejju, 2000 u għalqu fid-29 ta' l-istess xahar. Perss li l-eżerċizzju ta' għażla huwa mniehdi mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku - liema Kummissjoni tesiġi kunfidenzjalita` waqt il-proċess - m'hinix f'pożizzjoni li nagħti dettalji iżjed f'dan l-istadju.
Leg 9 PQ #16495 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kurrikulu Minimu Nazzjonali — Referenzi - annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-Kurrikulu Minimu Nazzjonali hemmx referenza biex it-tfal, anki dawk f'eta żgħira, jitgħallmu jħobbu l-annimali u biex kemm jista' jkun inrawmu soċjeta' futura kontra l-krudelta' ta' l-annimali?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi għall-Kapitlu 'L-Għanijiet Ġenerali' fil-Kurrikulu Minimu Nazzjonali għat-tfal ta' bejn it-3 snin u s-16-il sena. F'paġni 47-48 taħt Għan Nru. 1, Għarfien Personali u bini ta' Sistema ta' Valuri Etiċi u Morali, fis-sezzjoni Għerf/Tagħrif, insibu dan li ġej: "Permezz ta' l-esperjenza kurrikulari f'dan il-qasam, l-istudenti jiżviluppaw l-għerf/tagħrif dwar: id-drittijiet u dmirijiet tagħhom lejn il-ħallieq (għal min jemmen), lejn għajrhom, lejhom infushom, lejn il-komunita`, lejn pajjiżhom, lejn l-ambjent naturali u lejn l-annimali". Ma' l-Għerf/Tagħrif insibu wkoll il-Ħiliet u l-Attitudnijiet, paġna 48, li jikkumplimentaw lil xulxin b'mod ħolistiku.
Leg 9 PQ #16497 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Attivitajiet dwar l-annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta'l-Edukazzjoni jinkoraġġixxix l-iskejjel ta' l-Istat biex jorganizzaw attivitajiet fl-iskejjel bħal 'Pet Weeks' fejn l-istudenti jiġu inkoraġġiti biex iħobbu dejjem aktar l-annimali, jgħarfu li anki l-annimali għandhom id-drittijiet tagħhom u jrawmu kultura fost it-tfal li tistmerr il-krudelta' ta' l-amnnimali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel jorganizzaw kull attivita` li huma jħossu addattata biex it-tagħlim ikun iżjed interessanti u relevanti għall-eta` tat-tfal. L-attivita` msemmija tista' tkun waħda mill-ħafna attivitajiet li jiġu organizzati biex iwasslu valuri ta' ħniena u mħabba lejn l-ambjent ta' madwarna.
Leg 9 PQ #16518 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

SEC — Edukazzjoni fiżika

Question

Rigward il-possibbilta' tad-dħul ta' l-edukazzjoni fiżika (PE) bħala eżami tas-SEC, jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi diskussjonijiet ma' xi awtoritajiet barranin fuq dan? Jaf il-Ministru li studenti Maltin li jattendu kulleġġ indipendenti (St. Edward's College) diġa' jagħmlu dan l-eżami fuq bażi optional organizzat mill-Universita' ta' Cambridge, magħrufa bħala IGCSE li dawn isiru Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma kienx hemm diskussjonijiet uffiċċjali rigward is-suġġett ma' awtoritajiet barranin, iżda l-PE Programme ta' l-Universita` flimkien mal-PE section tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni iltaqgħu ma' esperti barranin (fosthom Dr Bob Carroll li huwa kkunsidrat bħala l-awtorita` fuq PE eżaminat fl-Ingilterra, u Dr Jim Parry kap tal-Filosofija ta' l-Edukazzjoni Fiżika u Sport ġewwa Leeds University), u anke studja s-Syllabi ta' bordijiet ta' Eżamijiet barranin differenti; qabel ma tfassal il-proġett li ġie ppreżentat lill-MATSEC Board. Kien wara din il-perżentazzjoni li l-MATSEC Board iddeċieda li jagħmel it-talba tiegħu lis-Senat. Informat li St Edwards College ilhom joffru dan is-suġġett fuq bażi 'optional' dawn l-aħħar sitt snin. Huwa magħruf ukoll li l-iskejjel ta' San Anton u San Andrea qegħdin fil-proċess li joffruh bħala 'option' tramite IGCSE.
Leg 9 PQ #16524 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm għall-iskejjel tas-snajja' f'Għawdex? Se jiġu ntegrati fl-iskejjel sekondarja Għawdxin? Minn meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li billi bħala parti mir-riforma tat-Trade Schools it-Technology 'A' issa ser tiġi 'option' fl-iskola sekondarja, dawk l-istudenti li għamlu din l-għażla ser jibqgħu jattendu l-iskola sekondarja. Fil-Gżira ta' Għawdex hemm tlett skejjel tas-Snajja'. Il-mudell li ser jiġi addottat fil-gżira ta' Malta huma wkoll applikabbli għalihom. (i) L-iskola ta' l-Agrikoltura, Bini u Artiġjanat Kelinu Galea (Xewkija) ser tibqa' tiffunzjona bħal qabel, għax l-iskola ta' l-Agrikoltura, l-iskola tal-Bini u l-iskola ta' l-Artiġġjanat f'Malta ma humiex milquta fl-eżerċizzji kurrenti. (ii) L-iskola tas-Snajja Carmelo Refalo (Victoria) fejn hemm mgħallma t-Technology 'A' ser tiġi amalgamata ma' l-iskola Sekondarja Ninu Cremona. (iii) L-iskola tas-Snajja' Mary Meilaq (Xagħra) fejn hemm mgħallma Technology 'B' ser tagħmel l-istess matul is-sena skolastika 2000/2001. Ta' min jinnota, li ġewwa Malta, studenti subiex ta' Technology 'B' ser jiġu ammessi fl-iskola tas-Snajja' Stefano Zerafa (Naxxar) matul l-istess sena skolastika.
Leg 9 PQ #16525 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Sport Complex — Kumitat

Question

Jikkonferma l-Ministru li se jinħatar kumitat għat-tmexxija tal-Marsa Sports complex? Min huma l-membri u fuq liema kriterji ġew magħżula?

Response (GALEA, LOUIS)

Bħalissa qegħdin fil-proċess li nappuntaw il-Marsa Complex Co-Ordinating Board. Ix-xogħol ta' dan il-Kumitat se jkun li jistudja u jagħti parir lill-Gvern dwar l-iżvilupp tal-faċilitajiet ġewwa l-Kumpless Sportiv tal-Marsa. Il-membri se jiġu maħtura minn rappreżentanti tal-Kunsill Malti għall-Isport, id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport u għaqdiet / assoċjazzjonijiet li jokkupaw art jew jagħmlu użu minn faċilitajiet fl-istess kumpless.
Leg 9 PQ #16526 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Malta Racing Club

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru jew le li waqt xi xogħol li kien qed isir fil-Malta Racing Club kien hemm xi persuni li għamlu xi ħsara jew vendikazzjonijiet fuq il-makkinarju li kien qed jiġi wżat sabiex ifixkel ix-xogħol li kien qed isir dan l-aħħar sabiex tiġi rranġata l-korsa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li waqt li kien qed isir xogħol ta' tqegħid ta' ramel fuq il-korsa, il-ħaddiema sabu xi makkinarju bit-tyres imniżżlin, tnejn minnhom b'puncture. Il-Kumitat ħa passi immedjati biex dawn ġew irranġati biex seta' jitkompla x-xogħol.
Leg 9 PQ #16527 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Malta Racing Club — Chairman

Question

Jikkonferma l-Ministru li ċ-chairman tal-Malta Racing Club irriżenja? X'ġara wara li l-istess persuna bgħat l-ittra tar-riżenzja tiegħu? Il-kumitat għadu qed jiltaqa'? Hemm xi ħsieb li jinħatar persuna oħra minfloku? Jekk iva, min hi din il-persuna?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Kumitat tal-Malta Racing Club għadu qed jiltaqa' regolarment u ser jibqa' kompost kif inhu sat-terminu tal-ħatra tiegħu. Iċ-Chairman informani li meta jispiċċa l-perjodu tan-nomina tiegħu ma jixtieqx li jerġa' jingħata l-inkariku.
Leg 9 PQ #16538 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Pagi

Question

Peress li għas-sena li ġejja ż-żieda fil-pagi ta' l-għalliema fl-iskejjel privati se jiżdiedu bħal f'dawk tal-gvern u dan se jżid l-ispiża għal min imexxihom, hemm xi talba biex il-gvern jissussidja bi Lm80 fis-sena kull student ta' l-iskejjel privati biex ma jiżdidux il-miżati bi Lm80 oħra fis-sena? X'inhi r-reazzjoni tal-gvern għat-talba jekk saret?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma hemm ebda talba kif riferita fil-Mistoqsija Parlamentari.
Leg 9 PQ #16539 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Korsijiet universitarji Taljani

Question

Jikkonferma l-Ministru li minn din is-sena l-gvern Taljan waqqaf kull borża ta' studju li kien joffri fit-tul f'korsijiet universitarji Taljani liż-żgħażagħ Maltin? Kemm marru studenti Maltin fuq dawn il-boroż ta' studju Taljan fl-aħħar erba' snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Nissuġġerixxi lill-Onor. Membru biex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, li jamministra dawn il-boroż ta' studju.
Leg 9 PQ #16543 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm għal dawn l-iskejjel fit-tliet snin li ġejjin: (a) Maria Teresa Nuzzo; (b) Fra Diego Bonanno; (ċ) Furtu Servatico; (d) Lorenzo Manche'; u (e) Skola San Ġużepp Ħaddiem? Jista' jgħid jekk hux se jiġu ntegrati fl-iskejjel sekondarji? Meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'dan l-istadju mhuwiex previst li dawn l-iskejjel jiġu integrati fl-iskejjel sekondarji. Kif jaf l-Onor. Membru l-proċess biex jiġi implimentat il-Kurrikulu Nazzjonali huwa wieħed kumpless u li se jevolvi fuq firxa ta' snin. Fl-aħħar ta' din il-ġimgħa ser tiltaqa' Konferenza Nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali fejn ser jiġu preżentati 18-il Rapport li għandhom iservu bħala bażi għall-iżvilupp ta' pjan strateġiku dwar l-implimentazzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali.
Leg 9 PQ #16545 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — G.F. Abela Junior College

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Maintenance Grants Section tal-GF Abela Junior Lyceum College talbet il-ħlas lura ta' Lm100 mingħand l-ex-studenta, li isimha qed jintbagħat separtatement, ta' l-iskola Segretarjali Hannibal Scicluna għax-xahar ta' Ottubru 1999 meta attendiet l-iskola matul dak ix-xahar u għamlet l-ispejjeż konnessi?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Għotja ta' Manteniment lill-Istudenti fil-livell Post Sekondarju - kif inhuma dawk li jattendu l-Iskola Segretarjali Hannibal Scicluna - hi magħmula minn żewġ elementi. Hemm għotja ta' Lm100 biex jagħmel tajjeb għal parti mill-ispejjeż ta' materjal edukattiv li l-istudent ikollu matul is-sena u għotja oħra ta' Lm40 fix-xahar. Inforamt li l-istudenta li għaliha qed jirreferi l-Onor. Membru, mis-sena akkademika kollha li bdiet f'Ottubru 1999 u tispiċċa fl-aħħar ta' dan ix-xahar, attendiet biss skola fix-xahar ta' Ottubru li għadda u rċiviet l-għotja ta' Lm40 għal dak ix-xahar. Il-Bord għall-Għotjiet ta' Manteniment lill-Istudenti, stabbilixxa skema ta' refunds fuq l-għotjiet tal-Lm100, minn dawk l-istudenti li jitilqu mill-kors tagħhom qabel iż-żmien u li ma jkunux ħadu dan il-pass għal raġunijiet ta' saħħa li ma kellhomx kontroll fuqhom. Din l-istudenta partikolari infurmat lill-iskola tagħha li kienet se tieqaf tattendi l-kors għax sabet impjieg b'effett mill-1 ta' Novembru 1999. Għalhekk skond l-iskema tar-refunds, billi għamlet xahar biss skola, kellha tirrifondi l-għotja ta' Lm100 u ntalbet tagħmel dan. L-Onor. Membru jifhem li għotja li kienet intiża li tkopri spejjeż li jsiru matul sena akkademika sħiħa ma tistax titħalla tibqa' sejra jekk student jagħmel xahar biss l-iskola. Dan jista' jagħti lok għal abbużi li jien ċert li ħadd ma jrid.
Leg 9 PQ #16557 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema mhux akkademiċi fl-Universita' li kienu qed jieħdu allowance matul is-snin 1998, 1999 u 2000? Jista' jgħid għal-liema raġuni kienu qed jieħduhom u liema gradi kienu jokkupaw? Jista' jgħid minn min kien kompost il-Bord ta' l-Għażla, sew għar-reklutaġġ kif ukoll għal promozzjonijiet tal-ħaddiema mhux akkademiċi matul is-snin 1998, 1999 u 2000?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.