Billi qed jirriżulta li l-Gozo Channel qed tagħlaq parti mill-vapur għal numru ta’ vjaġġi li jsiru matul il-lejl, bil-konsegwenza li numru ta’ passiġġieri qed ikollhom jibqgħu bilwieqfa matul il-vjaġġ kollu, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwart x’tip ta’ struzzjonijiet u speċifikazzjonijiet qed jingħata l-Gozo Channel minn dawk responsabbli għat-trasport marittimu fi ħdan Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li Transport Malta ma tat l-ebda struzzjonijiet lill-Gozo Channel rigward l-għeluq ta’ parti mill-vapur għal numru ta’ vjaġġi li jsiru matul il-lejl.
Skont ir-regolamenti li Transport Malta timponi fuq l-operatur, l-Awtorita’ ma tirregolax is-seating capacity tal-vapuri iżda tiċċertifika biss in-numru ta’ passiġġieri li vapur jista’ jġorr.
Awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili – investigazzjonijiet fuq kwalità tal-fuel
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’investigazzjonijiet qed jwettqu mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili għal dak li jirrigwarda t-tip/kwalità ta’ fuel li qed jingħata lill-Air Malta? Jekk saru tali investigazzjonijiet, x’irriżulta minnhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li r-responsabbilta’ tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili huwa li jagħmel moniteraġġ kemm fuq l-Enemalta u l-Air Malta sabiex jassigura li qegħdin isiru l-verifki meħtieġa u d-Direttorat huwa sodisfatt li l-verifki neċessarji qegħdin isiru u li t-tip/kwalita’ ta’ fuel li qed jingħata lill-Air Malta huwa skont il-kriterji rikjesti. Għaldaqstant mhumiex qegħdin jitwettqu investigazzjonijiet mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili għal dak li jirrigwarda t-tip/kwalità ta’ fuel li qed jingħata lill-Air Malta. Investigazzjonijiet isiru biss meta jkun hemm għalfejn.
Ta’ min jghid ukoll li l-Air Malta tagħmel parti minn pooling ta’ verifiki ta’ Fuel Providers (IFQP – IATA Fuel Quality Pool) u l-Enemalta Petroleum Division huwa wieħed mill-providers li l-Air Malta jivverifikaw. L-aħħar verifika saret f’Ġunju li għadda u din il-verifika kellha eżitu pożittiv. Id-Direttorat jagħmel spot checks fuq fuel li jkun ser jiġi imbarkat fuq l- ajruplani u japprova proċeduri tal-moniteraġġ tal-operaturi wkoll fil-każ ta’ fuel providers u fuel farms.
Operaturi oħra li joperaw minn Malta wkoll jagħmlu l-verifiki tagħhom u qatt ma kien hemm rapporti negattivi rigward l-Enemalta Petroluem Division.
Ħaż-Żebbuġ – Triq it-12 ta’ Mejju – xogħlijiet fit-triq
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-parti tat-Triq 12 ta’ Mejju bejn Ħaż-Żebbuġ u r-Rabat tiġi rranġata għax tinsab fi stat ħażin ħafna?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-triq imsemmija hija triq rurali u għalhekk ma taqax taħt ir-responsabilita’ ta’ Transport Malta. Madanakollu bħal ma jsir f’kull każ, lest li nagħti il-kontribut sħiħ tiegħi u niġbed l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati biex nara li is-sitwazzjoni titranġa.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jżomm milli titlesta Triq Xatbet l-Art f’Ħ’Attard meta din it-triq inbdiet xhur ilu qabel l-elezzjoni u issa x-xogħol ilu wieqaf ġimgħat sħaħ?
Response (MIZZI, JOE)
Ix-xogħlijiet fi Triq Xatbet l-Art, Attard kellhom jieqfu diversi drabi minħabba li nstabu diversi fdalijiet arkeoloġiċi. Ix-xogħol tkompla fit-3 ta’ Lulju 2013 wara li dawn il-fdalijiet ġew studjati u kkatalogati min-naħa tas-Sovrintendenza. Ix-xogħlijiet tkomplew bil-preservazzjoni tal-fdalijiet. It-triq hija mistennija li titlesta f’Awwissu.
Jista’ l-Ministru jindka jekk hemmx ħsieb li t-triq li tibda ftit ’l isfel mid-Dar tal-Providenza u tieħdok sa Għar Lapsi tingħata wiċċ ġdid, minħabba l-istat ħażin li tinsab fiha u fid-dawl li Għar Lapsi huwa post turistiku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-triq imsemmija mhix triq arterjali jew distributorja u għalhekk ma taqax taħt ir-responsabilita’ ta’ Transport Malta. Madanakollu bħal ma jsir f’kull każ, lest li nagħti il-kontribut sħiħ tiegħi u niġbed l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati biex nara li is-sitwazzjoni titranġa.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-area madwar ir-roundabout fit-tarf tal-bypass tal-Mellieħa fejn is-Seabank Hotel tiffurmax parti mix-xogħol ta’ upgrading tal-bypass tal-Mellieħa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-area madwar ir-roundabout fit-tarf tal-bypass tal-Mellieħa fejn is-Seabank Hotel ma tiffurmax parti mix-xogħol ta’ upgrading tal-bypass tal-Mellieħa.
Jista' l-Ministru jgħid min huma n-nies li sad-9 ta’ Marzu ma kenux impjegati ta’ Transport Malta u li llum qed jokkupaw uffiċċju biswit l-uffiċċju tal-Executive Chairman? Jista’ jikkonferma jekk iddaħħlux mezzi ġodda ta’ sigurtà fl-uffiċċji ta’ Transport Malta fil-Marsa, speċifikament għal dak li għandu x’jaqsam mad-dħul għall-uffiċċju tal-Executive Chairman li ta’ kuljum qed jilqa’ nies mill-pubbliku fl-uffiċċju tiegħu fil-Marsa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont informazzjoni li ingħatajt hemm persuna waħda li sad-9 ta’ Marzu ma kienx impjegat ta’ Transport Malta, u li qiegħed f’uffiċċju biswit l-uffiċċju tal-Executive Chairman. Dan huwa d-driver taċ-Chairman li ta’ min wieħed jinnota mhux qiegħed f’uffiċċju għalih iżda qed jagħmel użu mill-istess kamra ta’ impjegata oħra fl-uffiċċju tac-Chairman.
Ninsab infurmat ukoll li ma ddaħħlux mezzi ġodda ta’ sigurtà fl-uffiċċju ta’ Transport Malta fil-Marsa, speċifikament għal dak li għandu x’jaqsam mad-dħul għall-uffiċċju tal-Executive Chairman.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-programm ta’ bini ta’ toroq residenzjali, il-proġett tal-flyover tal-Kappara u l-proġett tat-Triq tas-Salina? Jista’ jgħid jekk inżammux xi tenders għal xogħlijiet infrastrutturali li kienu diġà ġew approvati?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 2948 u 2949. Ir-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2948 ġiet aġġornata skont it-tibdil elenkat hawn taħt:
· Ix-xogħol fi Triq il-Misqa, Żabbar tlesta
· Ix-xogħol fi Triq Romano Carapecchia/Triq Sigismonda Savona, Fgura tlesta
· Ix-xogħol fi Triq it-Trill, Mellieħa tlesta
· Ix-xogħol fi Triq San Lawrenz, Birgu tlesta
Ninsab infurmat li ma twaqqfu ebda tenders għal xogħolijiet infrastrutturali li diġa’ kienu ġew approvati.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — servizz ta' konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu hux qed jagħmel użu mis-servizzi bħala konsulenti fuq bażi ta’ self employed ta’ ex-ħaddiema tal-Air Malta li kienu għażlu li jieħdu l-voluntary retirement scheme? Jekk iva, min huma, x’xogħol qed jintalbu jagħmlu u x’rati ta’ pagament qed jitolbu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li il-Ministeru tiegħi mhu qed jagħmel l-ebda użu mis-servizzi ta’ konsulenti fuq bażi ta’ self employed ta’ eks-ħaddiema tal- Airmalta li għażlu li jieħdu il- Voluntary Retirement Scheme.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttra — xogħol ta’ konsulenzi lil individwi jew kumpaniji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi lil individwi u/jew kumpaniji mill-2004 sal-lum mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li skond l-informazzjoni li ingħatajt, ix-xogħol ta’ konsulenzi mill-2004 sal-lum għall-Ministeru tiegħi, dipartimenti u entitajiet hu kif ġej:-
Konsulenzi għad- Dipartiment - Bejn l- 2004 u l- 2013 kien hemm 28 talba għall-konsulenza li 13 minnhom saru b’ Direct Order. L-ispiża tammonta għal €435,916.36
Konsulenzi għat- Tfittix taż-Żejt - Il-konsulenzi kollha ingħataw fuq sistema ta’ Direct Orders u l-ispiża tammonta għal €301,328.66
Konsulenzi għall- Grand Harbour Regeneration Corporation - Kien hemm 69 talba għall-konsulenza matul il-perjodu msemmi, li 45 minnhom inghataw b’sistema ta’ Direct Order. L-ispiża tammonta għal €22,269,956.16
Konsulenzi għal Transport Malta, RID u dawk li kienu ADT u MMA – L-ispiża għall-konsulenza hija ta’ €14,862,578.88. Ninsab infurmat li l-ammont li ntefaq għall-konsulenza għal dik li kienet id- DCA mhuwiex aċċessibli. L-istess jista jingħad għall- eks-MMA għall-perjodu ta’ bejn l-1 t’Ottubru 2003 u t-30 ta’ Settembru 2006.
L-ispiża totali għall-konsulenzi kollha li ingħataw mill-2004 sal-lum tlaħħaq is-somma ta’ €37,869,780.06
Minħabba li Triq il-Palazzi fiż-Żejtun qatt ma ġiet mogħtija tarmak, jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji l-Awtorità qed tgħid li parti minnha hija responsabbiltà tal-kunsill lokali? Hemm xi indikazzjoni meta l-parti tat-triq li hija responsabbiltà tal-Awtorità se ssir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li parti minn Triq il-Palazzi, Żejtun għandha wiċċ u għalhekk taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali. Il-parti l-oħra li baqa’ f’din it-triq qatt ma ġiet mogħtija wiċċ u għalhekk sakemm l-obbligi kollha tal-iżvilipputari huma mwettqa, ir-responsabbilta’ li jingħata l-wiċċ f’din il-parti ta’ triq hija ta’ Transport Malta. Għaldaqstant, din it-triq ser tiġi kkunsidrata fil-programm tax-xogħlijiet li jmiss li qed jippjana il-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija ta’ awdituri, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li s-sena l-oħra ngħatat kuntratt għall-internal audit fi Transport Malta wara sejħa pubblika għall-offerti, dan l-aħħar ingħatatx inkarigu addizzjonali għal xogħol ieħor fi Transport Malta li mhux kopert bl-imsemmi kuntratt, u jekk dan ix-xogħol addizzjonali li jidher li jinkludi wkoll audit dwar l-impjiegi jew promozzjonijiet li setgħu saru fi Transport Malta, ingħatax wara sejħa għall-offerti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma ngħatax xogħol addizzjonali li mhux kopert mill-kuntratt imsemmi minnu lill-kumpanija ta’ awdituri li d-dettalji dwarha qed jintbghatu separatment.
Transport Malta — xogħlijiet minn kumpanija ta' awdituri
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija ta’ awdituri, lid-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ingħatatx jew hix se tingħata xi inkarigu jew xogħol fi Transport Malta? Jekk fl-affermattiv, jista' jippubblika s-sejħa għall-offerti li saret, jekk saret? Jekk fin-negattiv, jista’ l-Ministru jispjega l-preżenza tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, partner fid-ditta, fl-uffiċċji ta’ Transport Malta fil-jiem li għaddew?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-awdituri li d-dettalji tagħhom ingħataw separatament ġew ingaġġati minn Transport Malta direttament u b’urġenza sabiex jassistu lill-istess Transport Malta f’każ miġjub kontriha fil-Qorti Ċivili fejn qed jintalbu danni li jistgħu jammontaw għal aktar minn sitt miljun Ewro. Dan ix-xogħol jinkludi evalwazzjoni dettaljata mill-aspett finanzjarju ta’ din it-talba.
Jista' l-Ministru jgħid x’infiq sar minn Transport Malta f’apparat bħal mobile phones, televisions u computers mill-10 ta’ Marzu sal-lum? Għal min inxtara dan l-apparat u ntalbu kwotazzjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta hix se tiġi maqsuma fi tliet awtoritajiet distinti u separati, jiġifieri l-Awtorità Marittima, l-Awtorità għat-Trasport fuq l-Art u l-Awtorità għall-Avjazzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm se tiġi tiswa din is-separazzjoni u x’se jsir mill-funzjonijijet orizzontali bħall-accounts, HR, strategy, IT u Enforcement li sal-lum iservu lill-Awtorità sħiħa? Jekk fin-negattiv, jista' jispeċifika b’mod ċar u mhux ekwivoku taħt liema ministeru taqa' Transport Malta peress illi jidher illi sal-lum hemm tal-inqas tliet Ministri u Segretarju Parlamentari wieħed li lkoll b’xi mod qed jivvantaw ġurisdizzjoni fuq il-marittimu u l-avjazzjoni? Fil-każ tal-avjazzjoni, jista' jgħid jekk dan jaqax taħt il-Ministru għat-Turiżmu u jekk fl-affermattiv jgħid għaliex il-Ministru għat-Trasport mar iżur id-Direttorat tal-Avjazzjoni fi ħdan Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent il-politika tal-Gvern hi li Transport Malta tibqa’ entita’ waħda. Bħala Awtorita’ u regolatur Transport Malta taqa’ taħt il-Ministeru tiegħi, filwaqt li l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar huma responsabbli mill-promozzjoni tas-settur tal-avjazzjoni u dak marittimu rispettivament.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — kompożizzjoni ta’ bordijiet ta' entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Deputy chief of staff/head of secretariat
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux Deputy Chief of Staff/Deputy Head of Secretariat, u jekk iva min hu/hi l-persuna li qed tokkupa dik il-pożizzjoni bħalissa fis-segretarjat privat tiegħu u/jew l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħu fejn applikabbli?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Ministeru tiegħi m’hemmx Deputy Chief of Staff.
Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni li ġejja, sena b'sena, minn mindu ddaħħlet is-sistema tas-CVA fil-Belt Valletta: Kemm kien hemm vetturi li ma weħlux CVA charges għaliex fl-ebda istanza ma daħlu fiż-żona tas-CVA tal-Belt Valletta? Kemm kien hemm vetturi li għalkemm daħlu fiż-żona tas-CVA tal-Belt Valletta, ma weħlux CVA charges? Kemm kien hemm vetturi eżenti għaċ-charges tas-CVA? Kemm kien hemm vetturi li ħallsu bejn €0.01 u €40 f'CVA charges f'sena? Kemm kien hemm vetturi li ħallsu bejn €40 u €50 f'CVA charges f'sena? Kemm kien hemm vetturi li ħallsu aktar minn €50 f'CVA charges f'sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Billi f'risposta preċedenti għal dak li jikkonċerna talbiet pendenti għal stallazzjoni ta' speed cameras, l-ispeed camera tal-bypass ta' San Pawl il-Baħar mhix imniżżla bħala waħda li qed tistenna li tiġi stallata, jista’ l- Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema stadju tinsab din il-camera, almenu f’dak li jikkonċerna Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3336.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – konsulenzi mill-1998
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi mill-1998 sal-lum mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li skont l-informazzjoni li ingħatajt, ix-xogħol ta’ konsulenzi mill-1998 sal-lum għall-Ministeru tiegħi, dipartimenti u entitajiet hu kif ġej:-
Konsulenzi għad- Dipartiment - Bejn l- 1998 u l- 2013 kien hemm 33 talba għall-konsulenza li 20 minnhom saru b’ Direct Order. L-ispiża tammonta għal €465,863.55
Konsulenzi għat- Tfittix taż-Żejt - Il-konsulenzi kollha ingħataw fuq sistema ta’ Direct Orders u l-ispiża tammonta għal €694,389.79
Konsulenzi għall- Grand Harbour Regeneration Corporation - Kien hemm 69 talba għall-konsulenza matul il-perjodu msemmi, li 45 minnhom inghataw b’sistema ta’ Direct Order. L-ispiża tammonta għal €22,269,956.16
Konsulenzi għal Transport Malta, RID u dawk li kienu ADT u MMA – L-ispiża għall-konsulenza hija ta’ €25,805,408.95. Ninsab infurmat li l-ammont li ntefaq għall-konsulenza għal dik li kienet id- DCA mhuwiex aċċessibli.
L-ispiża totali għall-konsulenzi kollha li ingħataw mill-1998 sal-lum tlaħħaq is-somma ta’ €49,235,618.45