Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħalqu ħwienet fl-ispazju riservat għall-bejgħ ta' prodotti duty free fl-ajruport internazzjonali minn Settembru, 1998? X'raġuni kien hemm? Fejn kien spiċċa l-kuntratt ta' dawk li kienu jokkupaw ħanut, ingħataw iċ-ċans li jġeddu? Kemm kienu jaħdmu nies mad-ditti li ma għadhomx joperaw? X'kienu jbiegħu f'kull każ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li minn Settembru 1998 'l hawn, ingħalqu erba` 'short term outlets' li kienu joperaw fit-Tax Free Area fl-arjruport press li kien skadielhom il-Kuntratt.
Il-Malta International Airport qed tistudja x'policy għandha tadotta dwar l-ispazju li kien okkupat minn dawn l-outlets.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 814 dwar impjegati fil-Ministeru tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija numru 284.
Inżid ngħid li t-trasferimenti jsiru jew għax hekk ikunu jitolbu l-esiġenzi tas-servizz inkella fuq talba ta' l-impjegat inniffsu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati mpjegati ġodda ma' l-Air Malta mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Minn liema lokalita' ġejjin? Kif ġew ingaġġati? Jekk ġew magħżula minn dawk li kienu qegħdin fuq l-ewwel parti tar-reġistru ta' l-ETC, kemm kienet ilha tirreġistra kull persuna?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallas il-gvern ta' kull share meta ġiet akkwistata l-Gozo Channel? Xi profitti kienet għamlet din il-kumpannija qabel xtraha l-gvern?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati mpjegati ġodda mal-Korporazzjoni Enemalta mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Minn liema lokalita' ġejjin? Kif ġew ingaġġati? Jekk ġew magħżula fuq Part 1 tar-Reġistru ta' l-ETC kemm kienet ilha tirreġistra kull persuna?
Rigward il-mistoqsija parlamentari numru 6383, jista' l-Ministru jinformani fuq dak li jirrigwarda l-overhaul ta' boiler Nru.7 (Marsa Power Station), kemm hemm ħaddiema electrical u electronics jaħdmu overtime?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ma hemm ebda ħaddiem, la 'electrical ' u lanqas 'electronic', li qed jaħdem bis-sahra b'mod regolari fuq il-boiler numru 7.
Mhux eskluż li jsir xogħol ta' sahra sporadiku fuq xogħolijiet speċifiċi.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi li rebħu (ġew awarded) it-tender għal xogħlijiet tat-tqegħid ta' secondary cable tal-Maltacom f'diversi lokalitajiet f'Malta? Jista' l-Ministru jgħid kemm saru xogħlijiet taħt din it-tender? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex qiegħed jingħata xogħol taħt din it-tender?
Jista' l-Ministru jara li ż-żieda fit-tariffa b'25% għat-telefonati overseas permezz ta' telecard ma tkunx applikabbli għall-pensjonanti li ħafna minnhom jużawhom biex jagħmlu kuntatt mal-qraba tagħhom barra minn Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Filwaqt li wieħed jappreza s-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant, jiena nfurmat li dan huwa mpossibbli li das-suġġeriment jiġi attwat għaliex il-management system tal-cardphones ma tikkonoxxix jekk min juża l-cardphone hux pensjonant jew le.
Madankollu niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li l-pensjonanti llum xorta jistgħu jibqgħu jagħmlu sejħiet għal barra minn Malta bit-tariffi normali billi jċemplu mir-residenzi. Anke jekk minflok telefon normali dawn għandhom telephone residenzjali li jieħu t-telecard, it-tariffi għal sejħiet għal barra minn dan it-tip ta' cardphone m'għolewx. Dan ħareġ ċar ħafna mill-istqarrija uffiċjali li l-Maltacom ħarġet nhar il-Ġimgħa, 30 ta' April fejn intqal: 'It-tariffi għal sejħiet għal barra minn Malta minn telephones u cardphones residenzjali mhux qed jogħlew.'
Jiena nfurmat ukoll li l-maltacom ma żiditx it-tariffi għal sejħiet għal barra b'kapriċċ. Kif intqal fl-istqarrija li kkwotajt minnha qabel, 'dan id-dħul se jgħin lill-Mlatacom tagħti lill-klijenti tagħha servizz aħjar permezz ta' investiment ġdid fis-sistemi diġitali tagħha u billi tgħolli l-kwalita` tal-cardphones tagħha'. Barra minn hekk, il-cardphones tal-Maltacom huma l-uniċi f'Malta li għandhom iċ-ċertifikat ISO 9000, li jingħata biss lil dawk l-azjendi li jissodisfaw kriterji għolja ta' servizz.
Infakkar li minkejja din iż-żieda, is-sejħiet għal barra mill-cardphones xorta waħda jibqgħu orħos minn dawk li jsiru minn coinboxes.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5281 li kienet saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista' tgħid min hu responsabbli mit-tqassim ta' l-overtime fl-uffiċini tal-posta ġewwa Għawdex?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li s'issa l-persuni responsabbli mit-tqassim tas-sahra ġewwa Għawdex huma l-Principal Mail Officer stazzjonat fir-Rabat għal dak li jirrigwarda proċessar u tqassim tal-valiġġa u l-Manager, Sales and Counter Services ġewwa l-Head Office il-Marsa, għal dak li għandu x'jaqsam mas-servizzi offruti fuq il-counter ġewwa l-fergħat t'Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tnaqqas l-operat tal-power station tal-Marsa minn mindu bdiet topera l-power station ta' Delimara? Hemm il-ħsieb li l-gvern jagħti kumpens lin-nies tal-Marsa għal dak li għandu x'jaqsam ma' kruha ta' ambjent u ħsara lill-istess nies ta' l-istess lokal?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-power station ta' Delimara bdiet tiġġenera l-elettriku fl-1992. It-tieni fażi, dik tal-peak load, bdiet tiġġenera l-elettriku fl-1995. B'riżultat ta' dan ingħalqu ż-żewġ stations żgħar, jiġifieri dak tal-Marsa A u dak ta' Kordin li kien tas-servizzi Ingliżi.
Il-power station tal-Marsa, f'dawn l-aħħar snin iġġenerat madwar 60 fil-mija tad-domanda totali, kif jirriżulta mill-informazzjoni li qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Barra minn dan, f'dawn l-aħħar snin, il-boilers tal-Marsa li kienu jaħdmu bil-faħam ġew ikkonvertiti għaż-żejt. Meta saret din il-konverżjoni, ġie mniedi programm ta' tindif fil-Marsa mill-Korporazzjoni Enemalta bil-
koperazzjoni tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3469 dwar bordijiet governattivi vis-avis nisa u żgħażagħ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Rigward il-parti tal-mistoqsija dwar il-politika li f'bordijiet governattivi jiġu nominati kemm jista' jkun żgħażagħ, l-amministrazzjoni preżenti, filwaqt li fil-prinċipju taqbel ma' dan, ma tqisx li l-eta' għandha tkun il-kwalita' ewlwnija li biha persuna tikkwalifika biex isservi bħala membru fuq bord. Pjuttost il-gvern preżenti jqis li l-kompetenza tal-persuna, irrispettivament mill-eta', bħala l-kriterju ewlieni li jikkwalifika persuna biex isservi fuq bord.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sar ħlas sa issa lil MDC mill-bejgħ tal-lukanda Verdala? Jista' jgħid jekk hemmx ħlas b'lura li jrid isir? Jista' jgħid kemm fadal ħlas xi jsir lil MDC?
Response (BONNICI, JOSEF)
S'issa l-MDC irċeviet is-somma ta' Lm1,306,625 mill-bejgħ tal-lukanda Verdala. Dwar il-bilanċ dovut, bħalissa għaddejjin taħdidiet bejn il-partijiet interessati, u għalhekk mhux prudenti li f'dan l-istadju jingħataw dettalji.