Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Tiswija ta' gallarija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-applikazzjoni għal tiswija ta' gallarija (dettalji qed jintbagħtu separatament) ssir kemm jista' jkun malajr minħabba li hija ta' periklu għar-residenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Djar — Appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fiż-Żurrieq jinbnew appartamenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ser jinħarġu l-offerti għall-bini ta' 11-il appartament fiż-Żurrieq. Barra minn hekk, inħareġ permess ta' bini mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-bini ta' 12-il appartament ieħor. Bħalissa qegħdin jiġu ppreparati t-"tender documents".

Djar — Santa Luċija

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14704, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħaddili l-istess informazzjoni b'mod kunfidenzjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Din l-informazzjoni tkun tista' tingħata meta jiġu ffinaliżżati l-kuntratti pubbliċi minħabba l-fatt li dawk li ġew offerti l-allokazzjoni jistgħu ma jkomplux bil-proċeduri għax-xiri.

Anzjani — Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega x'kalkoli qed isiru biex jiġi assigurat li persuna anzjana jkollha dħul xieraq biex tgħix indipendentement, meta din tkun tagħmel parti minn koppja pensjonanta, fejn il-persuna l-oħra tkun residenti f'St Vincent de Paule, u minħabba f'hekk jinqatgħalhom 60% tal-pensjoni? Xi kriterji qed jintużaw għal każijiet bħal dawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-liġi tipprovdi li biex jiġi assigurat li persuna anzjana jkollha dejjem dħul xieraq biex tgħix independentement meta din tkun tagħmel parti minn koppja pensjonanta fejn il-persuna l-oħra tkun residenti San Vinċenz de Paule, il-persuna li tibqa' d-dar tibqa' tirċievi sittin fil-mija (60%) tal-Pensjoni li tkun qiegħda tiġi mħallsa.

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhija l-proċedura uffiċjali li għandha tiġi segwita biex persuna tirreġistra għax-xogħol? Xi trid tagħmel eżattament biex persuna tirreġistra għax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-preferenzi uffiċjali li persuna tintalab tagħżel minnhom meta din tirreġistra għax-xogħol? Kemm tista' persuna tagħżel preferenzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Djar — Santa Luċija - Lifts

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-pjani li kellu l-gvern preċedenti sabiex jinstalla l-lifts fejn huwa teknikament possibbli, fil-blocks residenzjali ta' Santa Luċija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar ħarġet Skema għall-installar ta' lifts fi blokki/entraturi ta' appartamenti li huma proprjeta' tal-Gvern. Din l-Iskema kienet tapplika għall-lokalitajiet tal-Birgu, Bormla, Floriana, Kalkara, Isla u l-Belt Valletta. Fl-okkażjoni tal-"Gimgħa ta' Persuni b'Diżabilita'" din l-Iskema ġiet estiża għall-blokki/entraturi ta' appartamenti proprjeta' tal-Gvern fil-lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex fejn tgħix xi persuna li għandha diżabilita' ta' mobilta'. Hu ppjanat li l-quddiem l-Iskema tal-lifts tiġi estiża għall-lokalitajiet oħra f'Malta u Għawdex.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Riċevimenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12320, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti d-dettalji mitluba peress li kif jaf hu stess dawn d-dettalji jikkonċernaw infiq pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Billi l-Onor. Interpellant ma tagħnix spjegazzjoni sodisfaċenti għaliex qed jitlob l-informazzjoni m'għandiex xi nżid mat-Tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Numru 12320 Seduta 224.

Djar — Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' anzjani li ddaħħlu fid-djar ta' l-anzjani ta' l-Istat matul Jannar u Frar li għaddew? Kemm fil-fatt huwa numru ta' anzjani fil-waiting list preżentement?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul Jannar u Frar li għaddew in-numru ta' anzjani li daħlu fid-Djar ta' l-Anzjani ta' l-Istat huwa 38. In-numru ta' anzjani fil-"waiting list" preżentement huwa 707.

Gżira — Triq Luqa Briffa - Fond Nru. 118

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu mis-27 ta' Novembru, 1999 biex il-post 118, Triq Luqa Briffa, Gżira li huwa proprjeta' tal-persuna li, id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jiġi vakant u jerġa' lura fil-pussess tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali? X'passi jridu jittieħdu biex din il-proprjeta' tmur lura għand sidha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi sid il-post indikat ingħata permess ibiegħu lill-persuna li hu kien daħal f'konvenju magħha.

Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' — Occupational therapist

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex occupational therapist m'għadhiex tagħti s-servizz tagħha lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'? X'inhu x-xogħol ġdid tagħhom? B'liema mod hu relatat mit-taħriġ professjonali li ħadet f'kuntest li għandna nuqqas ta' occupational therapist?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minħabba li nqalgħu ripetutament diverġenzi bejn l-'Occupational Therapist' u d-diriġenti tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' dwar l-assenjazzjoni ta' xogħol involut, inħasset il-ħtieġa li jkun aħjar li almenu preżentament din il-persuna ma tibqax tagħti s-servizz tagħha fi ħdan din il-kummissjoni. Għat-tieni parti tal-Mistoqsija, ninfurmak li fil-preżent, l-'Occupational Therapist' qiegħda tagħmel xogħol klerikali fl-'Administration Block' (b'raġuni valida). Iktar tard hi terġa' tingħata x-xogħol relatat mal-professjoni tagħha.

Pensjonijiet — Persuni b'diżabilita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni li bħalissa qed jirċievu l-pensjoni tad-diżabilita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' persuni li bħalissa qed jirċievu l-Pensjoni għal Diżabilita', inkluż Pensjoni għal Persuni b'Vista Batuta, huwa ta' 1943.

Liġi dwar Opportunitajiet Indaqs

Question

Jista' l-Viċi Prim Minsitru jgħid x'inhuma r-raġunjiet li għalihom il-gvern qed jikkonsidra li l-Liġi dwar l-Opportunitajiet Indaqs tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru, 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Liġi Opportunitajiet Indaqs tipprovdi li din tidħol fis-seħħ f'dik id-data li l-Ministru responsabbli jista' b'avviż fil-Gażżetta tal-Gvern "jistabbilixxi u jistgħu jiġu hekk stabbiliti dati differenti għal dispożizzjonijiet differenti u għanijiet differenti ta' l-Att". Il-Ministeru għall-Politika Soċjali fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' diġa ħareġ avviż legali fil-Gażżetta tal-Gvern li tistabilixxi d-data ta' l-10 ta' Frar 2000 bħala d-data li tidħol fis-seħħ Taqsima V ta' dan l-Att ċioe' l-parti li twaqqaf il-Kummissjoni bħala d-data li tidħol fis-seħħ Taqsima V ta' dan l-Att ċioe' l-parti li twaqqaf il-Kummissjoni bħala entita' li jkollha "personalita' ġuridika għaliha". Il-Kummissjoni tat parir lill-Kummissjoni li l-kumplament ta' dan il-Att jidħol fis-seħħ fl-1 t'Ottubru 2000 wara li jsiru konsultazzjonijiet ma' entitajiet governattivi u mhux governattivi biex jiġu stabiliti jekk dawn għandhomx bżonn t'aktar żmien ħalli jiġu konformi mal-Liġi. Fil-preżent il-Kummissjoni għaddejja b'din il-konsultazzjoni. Il-Kummissjoni tat dan il-parir biex: a) tagħti żmien biżżejjed li kulħadd jistudja dan l-Att u jibda' l-proċess biex, b'mod raġnevoli, ikun konformi miegħu; b) hi stess jkollha ż-żmien biex tagħmel din il-konsultazzjoni c) tuża dan iż-żmien biex tagħti pubbliċita' lil dan l-Att kemm mal-persuni b'diżabilita' nfushom u l-għaqdiet tagħhom kif ukoll lil dawk l-entitajiet kollha li b'xi mod jew ieħor ser jintlaqtu minnu. Malli l-Kummissjoni ttemm din il-konsultazzjoni li hi mistennija li tispiċċa sa nofs April 2000, jiġu stabiliti d-dati preċiżi ta' kif ser jidħol fis-seħħ il-provedimenti ta' dan l-Att u tinbeda kampanja pubbliċitarja kif spjegat aktar 'il fuq. Il-Ministeru, l-aktar permezz tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' hu impenjat bis-serjeta li din il-Liġi tiġi infurzata biex tassew toffri opportunitajiet indaqs lill-persuni b'diżabilita' u l-familji tagħhom.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Kartolini

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12300, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti d-dettalji mitluba peress li kif jaf dawn id-dettalji jikkonċernaw infiq pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nerġa' nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt fis Seduta Numru 221 għall-Mistoqsija Numru 12300.

Kummissjoni Persuni b'Diżabilita — Reserved parking

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħarġet permessi l-Kummissjoni għal Persuni b'Diżabilita' biex isiru reserved parking bays għal persuni b'diżabilita' s-sena li għaddiet u kemm ġew irrifjutati u għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-servizz 'Reserved Parking' quddiem residenzi ta' persuni b'diżabilita' jingħata mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku u għalhekk din il-Mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministru responsabbli.