Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #1076 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjoni PA 6099/96

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex fis-sit (art) fil-kantuniera bejn Valletta Road u Mosta Road, fl-Imdina (fit-tarf t' isfel f'Saqqajja Hill), l-enforcement offices tal-Planning Authority: 1) l-ewwel servew stop notice lil aħwa, li isimhom qed jintbagħat separatament, meta x-xogħol li sar ġie affettwat mill-istess aħwa wara li ġew mitluba li jagħmlu dan mill-Kunsill Lokali ta' l-Imdina (vide ittra unita); 2) imbagħad taw parir lill-istess aħwa sabiex a spejjeż tagħhom japplikaw għall-PA permit għax-xogħol li kien qed isir; 3) u issa l-istess awtorita' qed tirrifjuta l-permess applikat skond numru PA 6099/96; tant li ħareġ rifjut u sabiex jitkompla jitqiegħed il-melħ fuq il-ferita, dawn kellhom jerġgħu joħorġu l-flus biex jappellaw - Appell Nru. 510/98? Jista' l-Ministru, bil-poteri li tagħtih il-liġi, jitlob illi l-istess rifjut ta' PA 6099/96 jiġi rtirat u l-permess jinħareġ u li dawn l-aħwa jiġu rimborsati fl-intier għas-somma li ħallsu ta' l-appell?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-nies imsemmija fl-interpellanza bnew pjattaforma tal-konkos ġo sit li jinsab il-barra mill-konfini ta' żvilupp. Jirriżulta wkoll illi l-Kunsill Lokali ta' l-Imdina kien għamel xi forma ta' pressjoni fuq in-nies imsemmija u dan bħala proprjetarji sabiex dawn inaddfu din l-art minn xi mbarazz. B'riżultat ta' dan it-tindif, l-aħwa msemmija dehrilhom illi għandhom jibnu din il-pjattaforma. Peress illi dan it-tip ta' żvilupp jirrekjedi permess, nhar it-2 ta' Settembru, 1996, ġie servut 'Stop and Enforcement Notice' kontra l-iżviluppaturi skond l-Att Nru. 1 ta' l-1992 dwar l-Ippjanar. Sadanittant fl-4 ta' Settembru, 1996, il-Kunsill Lokali tal-Imdina nforma lill-Awtorita' tal-Ippjanar li kien hu li talab lil dawn il-persuni sabiex 'inaddfu din l-area' u li 'dawn offrew li jirrabilitaw l-area kollha bi spejjeż tagħhom'. B'konsegwenza ta' l-'iStop and Enforcement Notice' kontra l-iżviluppaturi, il-proprjetarji ssottomettew applikazzjoni skond artiklu 52 ta' l-istess Att, sabiex jinsanaw dan l-iżvilupp liema talba ġiet rifjutata mill-Kummissjoni għal Kontrol ta' l-Iżvilupp. Din id-deċiżjoni ġiet appellata quddiem il-Bord dwar l-Appelli ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Għaldaqstant, skond l-istess artiklu 52, l-Avviż tat-Twettieq jibqa sospiż mill-operat tiegħu sa mal-proċess kollu ta' l- applikazzjoni jiġi eżawrit skond il-liġi. Il-liġi ma tagħti l-ebda poter lill-Ministru sabiex dan (i) jitlob l-irtirar tar-rifjut u li l-permess jinħareġ, u (ii) jitlob li l-applikanti jiġu rimborsati għas-somma li ħallsu ta' l-appell. 18.11.98
Leg 9 PQ #1310 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni ta' kemm saru, jekk saru, u meta saru transfers ta' gwardjani mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin għal dipartimenti oħra tal-gvern matul l-1996, 1997 u din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' transfers ta' gwardjani mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin għal dipartimenti oħra tal-gvern matul l-1996, 1997 u din is-sena kien ta' 3. Dawn it-transfers saru fl-1 ta' April, 1998, fl-1 ta' Ġunju, 1998 u fis-26 ta' Ottubru, 1998. 18.11.98
Leg 9 PQ #67 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Serq ta' vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' vetturi, karozzi, muturi, tractors eċċ irrapportati misruqa lill-Pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? Kemm minn dawn il-karozzi kienu tal-kiri? Kemm minn dawn il-każijiet ġew rimedjati? Kemm huwa n-numru ta' persuni li l-pulizija ressqet quddiem il-qrati b'konnessjoni ma' dawn is-serqiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 17.11.98
Leg 9 PQ #68 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni rrapportati mejta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni rrapportati mejta lill-Pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? Kemm minn dawn il-każijiet għadhom qed jiġu mistħarrġa mill-Pulizija u kemm ġew u/jew qed jiġu trattati quddiem il-qrati tagħna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej : - Sena 1994 1995 1996 1997 1998 Numru 118 106 94 156 126 Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra. 17.11.98
Leg 9 PQ #69 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Sejba ta' droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' sejbiet ta' droga eroina, kokaina, eċċ, eċċ li wettqet il-pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? Kemm kienu l-kwantitajiet kull sena ta' droga misjuba? Kemm minn dawn il-każijiet ġew trattati u kemm għadhom pendenti minħabba investigazzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Rigward l-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-każijiet kollha ġew investigati. It-tagħrif dwar kemm minn dawn il-każijiet ġew trattati u kemm għadhom pendenti jingħata f'xi seduta oħra. 17.11.98
Leg 9 PQ #70 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Uffiċċju Konġunt — Trasferimenti ta' proprjeta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' talbiet għat-trasferiment ta' proprjeta' u/jew artijiet pendenti fl-Uffiċċju Konġunt? Billi ħafna ċittadini jilmentaw li ilhom snin kbar jistennew li jiġu ffinalizzati t-talbiet tagħhom, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'miżuri jittieħdu sabiex dawn il-każijiet jiġu ttrattati fl-affermattiv?

Response (BORG, TONIO)

Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Iskemi għax-Xiri ta' Djar u Fidwa ta' Ċens li kienu ġew imnedija f'Lulju u f'Awissu 1996 u f'Awissu 1998. Ninsab infurmat li fl-Uffiċċju Konġunt hemm 1,120 talba pendenti taħt dawn l-iskemi. Filwaqt li ma naqbilx li dawn it-talbiet ilhom 'snin kbar' pendenti, ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt jagħmel dak kollu possibli, minkejja diffikultajiet tekniċi u amministrattivi, biex jiffinalizza t-talbiet pendenti. 17.11.98
Leg 9 PQ #71 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti tat-traffiku fatali lill-Pulizija matul din is-sena? Kemm minn dawn il-każijiet għadhom qed jiġu nvestigati mill-pulizija u kemm hemm każijiet fil-preżent quddiem il-qrati tagħna dwar inċidenti fatali tat-traffiku li seħħew matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' inċidenti tat-traffiku fatali din is-sena, sal-24 t'Ottubru, kien ta' 13 u minn dawn 10 każijiet għadhom qed jiġu nvestigati. Rigward in-numru ta' każijiet pendenti quddiem il-Qorti dwar inċidenti fatali tat-traffiku li seħħew matul dawn l-aħħar ħames snin, ninsab infurmat li dan hu ta' 14. 17.11.98
Leg 9 PQ #72 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kolliżjonijiet tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kolliżjonijiet tat-traffiku fejn ġiet imsejħa l-pulizija matul din is-sena? Fil-fatt, x'kien in-numru ta' kolliżjonijiet tat-traffiku rrapporti lill-pulizija matul l-aħħar għaxar snin sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 17.11.98
Leg 9 PQ #815 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dikastru tiegħu li mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn ġew trasferiti: i) minn dipartiment għal ieħor fl-istess Ministeru; ii) minn dipartimenti f'Ministeru għal xi post ieħor li jaqgħu taħt Ministeri oħra? Jista', f'kull każ, il-Ministru jgħid minn fejn u għal fejn saru dawn it-trasferimenti u għal liema raġunijiet?

Response (BORG, TONIO)

Għall-ewwel partijiet tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 276 u 239 f'Seduta Numru 5 u 8 rispettivament. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn it-trasferimenti ta' ħaddiema saru minħabba li jew ingħataw promozzjoni, jew ġew mitluba jservu f'Ministeri, filwaqt li l-bqija minħabba esiġenzi tas-servizz. 17.11.98
Leg 9 PQ #887 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuna b'liċenzja ta' Barber

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid għaliex il-persuna, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, u li għandu liċenzja ta' Barber, qed jiġi mitlub iħallas liċenzja ta' Lm50 minflok Lm15 kif kien iħallas qabel? Billi l-liċenzja ta' Lm50 hi dik ta' Hairdresser, jaħseb il-Ministru li għandha tibqa' issir distinzjoni bejn Barber u Hairdresser u mhux jitpoġġew it-tnejn fl-istess keffa? Billi l-Barber huma l-barbiera tradizzjonali ta' l-irħula li jitħallsu bi prezz ferm u ferm anqas mill-Hairdresser u jagħmlu xogħol differenti mill-hairdresser, jaħseb il-Ministru li hu inġust li dawn jitpoġġew fl-istess keffa fejn tidħol liċenzja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li b'effett mill-1 ta' Jannar, 1994, ma baqgħetx iktar id-distinzjoni bejn parrukier ta' l-irġiel u 'salon' ta' 'hairdresser' tan-nisa, għal dak li jirrigwarda l-ammont dovut bħala liċenzja. Ninsab infurmat ukoll li l-ammont ta' din it-tip ta' liċenzja hu bbażat fuq il-lokalita', il-kategorija u l-kera tal-post/dritt għall-anqas ħlas, kif regolat b'Avviż Legali 186 ta' Att 1993. 17.11.98
Leg 9 PQ #888 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuna mħarka fuq rimi ta' skart

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid f'dawn l-aħħar għaxar snin kemm-il persuna tressqet il-qorti għax inqabdet tarmi l-iskart barra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta' Jannar, 1989, u d-9 ta' Novembru, 1998, in-numru ta' persuni li tressqu l-Qorti talli rmew skart barra kien ta' 286. 17.11.98
Leg 9 PQ #889 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Karozzi konfiskati fuq rimi ta' skart

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid f'dawn l-aħħar għaxar snin kemm-il karozza ġiet konfiskata għax is-sid instab ħati li rema l-iskart barra? Meta s-sentenza għal din l-akkuża kienet ħlas ta' multa, x'inhu t-total ta' multi f'dawn l-aħħar għaxar snin fuq akkuzi ta' rimi ta' skart barra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta' Jannar, 1989, u d-9 ta' Novembru, 1998, in-numru ta' vetturi li ġew konfiskati għax is-sid instab ħati li rema l-iskart barra kien ta' 7, filwaqt li l-ammont ta' multi fuq akkużi ta' rimi ta' skart barra għall-istess perijodu kien ta' Lm5,552. 17.11.98
Leg 9 PQ #923 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jiswa flus kull ġurnata kull priġunier fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin lill-istat Malti?

Response (BORG, TONIO)

Skond ir-Rapport Annwali tad-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi għas-sena 1997, matul dik is-sena, kull detenut sewa Lm18.63 kuljum. 17.11.98
Leg 9 PQ #1065 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Joint office — Fidi ta' ċens T2174/97

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra in rigward tal-Joint Office għaliex talba għall-fidi ta' ċens skond file Nru.T2174/97, fejn qed jiġi mitlub li jinfeda ċens fir-Rabat, Malta kif jitlob l-Att oriġinali tal-enfitewsi - sal-lum għada ma ġietx sodisfatta meta jirriżulta biċ-ċar li d-dirett dominju (ċens) għadda lill-gvern skond Att IV ta' l-1992? Jista' l-Ministru jara illi dan isir minnufih billi altrimenti dan jista' joħloq att diskriminatorju kontra ċ-ċenswalista?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ċ-ċens li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interperllant, hu, fost ċnus oħra, suġġett ta' diskussjonijiet li għadhom għaddejjin bejn il-Gvern Malti u s-Santa Sede u sakemm dawn jiġu konklużi, dan iċ-ċens ma jistax jinfeda. 17.11.98
Leg 9 PQ #1066 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjoni PA 6150/97

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex PA application 1254/98 għadha pendenti meta dan hu prattikament fuq l-istess linji ta' PA 6150/97? Jidhirlu l-Ministru li dan il-file qed jiġi prolungat iżżejjed meta dan hu "Run of the Mill"?

Response (BORG, TONIO)

Jiena nfurmat li l-iskema ta' l-Iżvilupp Nru. 35 tindika b'mod ċar li fil-partijiet qodma tar-Rabat l-għola permess huwa ta' żewġ sulari. Il-fatt li id-DCC tat permess ta' tlett sulari fuq is-sit ta' ma' ġenb (PA 6150/97) kontra l-parir ta' l-istess Direttorat, ma jorbotx lid-Direttorat li jagħmel l-istess rakkomandazzjoni fuq PA 1254/98. Għal kuntrarju id-Direttorat huwa marbut li jibbaża r-rakkomandazzjoni tiegħu fuq il-'Policies' ta' Pjan ta' Struttura u mhux fuq preċedent. Imbagħad id-DCC finalment jagħmel id-deċiżjoni. Jiena nfurmat ukoll li d-Direttorat lesta id-DPA 'report' fil-5 ta' Ottubru 1998 meta t-'target date' tal-applikazzjoni kienet fis-26 ta' Ottubru 1998. Dan ifisser illi l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni sar fil-limiti taż-żmien kif stipulat fil-liġi u għalhekk ma jirriżultax illi dan il-'file' ġie prolungat iżjed milli suppost. Wara illi kopja ta' dan ir-rapport ingħata lill-perit għal kummenti tiegħu, dan insista illi jiltaqa ma' membri tad-'development control unit' sabiex jiddiskuti il-punti li ssemmew fir-rapport. Huwa għalhekk kawża ta' l-insistenza ta' parti tal-perit biex issir din il-laqgħa illi l-'file' ġie riferut għall-aġenda tad-DCC fl-4 ta' Novembru 1998 b'noti addizjonali. 17.11.98
Leg 9 PQ #1068 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Mġarr — Esproprjazzjoni ta' plots

Question

Billi l-Gvern qed jinsisti li jesproprja mingħand 16-il familja Mġarin 13-il plot fabrikabbli ta' kejl ta' cirka 6.3 metri faċċata b'medja ta' 30 metru fond fi Triq Ramiro Cali, Mġarr, kantuniera ma' Triq San Pietru, sabiex issir estensjoni ma' l-iskola lokali; jista' l-Ministru jara li l-istess familji jingħataw art ta' l-istess kobor fl-Imġarr, Malta jew lokalita' oħra li jkunu wkoll fabbrikabbli sakemm mhux possibbli li dawn jitħallsu bi prezzijiet tas-suq u ċioe' Lm25,000 sa Lm28,000 għal kull biċċa art (plot) u mhux kif ġew offruti prezz redikolu mil-Lands Department?

Response (BORG, TONIO)

Waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 1058, f'Seduta Numru 11, nixtieq ngħid li ninsab infurmat li s-sidien għad ma ġew offruti ebda prezz għax l-istess sidien għadhom ma ġewx identifikati mid-Dipartiment konċernat. 17.11.98
Leg 9 PQ #1069 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Applikazzjoni għal permess ta' ħanut

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk Application No. TLG 57/98 għal ħruġ ta' permess ta' ħanut ta' greengrocer fi Triq il-Pijunieri f'isem il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, għadu ma ħariġx meta mid-Depot diversi drabi ġie informat b'kollox sew u li l-liċenzja approvata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant għad jonqosha l-firem tal-kunsens tal-ġirien. 17.11.98
Leg 9 PQ #118 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Ingaġġar

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm nies ġew ingaġġati fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998? Jista' jagħti l-ismijiet tan-nies li ġew ingaġġati? X'karigi ngħataw fil-ministeru? X'karigi kellhom qabel ma ġew ingaġġati? Min minnhom kien jaħdem mal-Gvern u f'liema dipartiment kien jaħdem? X'inhuma l-kwalifiki akkademiċi ta' dawn? X'kondizzjonijiet ngħataw? Jista' l-Ministru jpoġġi l-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid x'karigi kull wieħed minnhom kellu fil-Partit Nazzjonalista?

Response (BORG, TONIO)

Għar-rigward tas-Segretarjat Privat ninsab infurmat li l-ebda kuntratt jew ftehim ma għadu ġie ffirmat ma' l-individwi kkonċernati u nkun f'qagħda li nwieġeb għall-mistoqsijiet magħmula f'xi seduta oħra wara li dawn jiġu ngaġġati formalment. Nirreferi ukoll lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru b'risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 81. Għar-rigward ta' impjegati fid-dekasteru tiegħi li mhumiex fis-Segretarjat ninsab infurmat li mill-5 ta' Settembru 'l hawn ġew ingaġġati 19 -il persuna ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar wara li kien hemm l-approvazzjoni neċessarja mill-Kumitat tal-Kabinett għar-Reklutaġġ taħt l-amministrazzjoni preċedenti. 16.11.98
Leg 9 PQ #931 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Spetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' dawk li qed isegwu l-kors ta' Spetturi ta' Pulizija fl-Akkademja tal-Pulizija? Kemm minnhom se jispiċċaw il-kors s-sena d-dieħla (1999)?

Response (BORG, TONIO)

Fl-Akkademja tal-Gustizzja Kriminali, hemm 24 l-Uffiċċjal Kadett li qed jattendu kors ta' taħriġ għal grad ta' Spettur tal-Pulizija. Dan il-kors ta' mhux anqas minn tnax-il xahar, beda fl-20 ta' April, 1998. 16.11.98
Leg 9 PQ #932 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Rapport Muscat Azzopardi

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li r-rapport Muscat Azzopardi dwar każijiet ta' frame-ups ta' qabel l-1987, liema rapport kien tlesta qabel l-1996, ma jistax jinstab? Kemm-il kopja ta' dan ir-rapport kien hemm u fejn tpoġġew? X'passi ħa l-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jinstab dan ir-rapport u meta ġie kkonstatat li dan ir-rapport intilef? Jekk ma ttieħdux ebda passi mill-Kummissarju, għaliex u jekk hemmx il-ħsieb li jinbdew l-investigazzjonijiet neċessarji?

Response (BORG, TONIO)

Fit-8 ta' Ġunju 1998, fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari, il-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, kien stqarr li l-kopja tar-rapport ta' l-ex imħallef Muscat Azzopardi, dwar każijiet ta' 'frame-ups' qabel 1987, li kienet tinstab Kastilja kienet tidher li ġiet 'mislaid' u li ma kienet saret l-ebda inkjesta dwar dan. Ma sar l-ebda rapport lill-pulizija biex jinvestigaw dan il-każ. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferiha lill-Ministru konċernat. 16.11.98