Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #16767 Sitting 313 2000-06-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bighi — Ċentru tar-Restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi ħlasijiet se jibda jiċċarġja ċ-Ċentru tar-Restawr ta' Bighi għal xogħol li jagħmel għall-gvern f'diversi oqsma? Kif ġew deċiżi dawn ir-rati? X'xogħol għamel s'issa ċ-ċentru għall-gvern? Xi ħlasijiet iċċarġja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li, bħalma jsir f'ħafna postijiet oħra, iċ-Ċentru Malti għar-Restawr jiċċarġja skond il-komplessita` tax-xogħol meħtieġ. Kull biċċa xogħol hija differenti u għalhekk tinħareġ stima ad hoc għal kull biċċa xogħol separata. L-istima tinħareġ mill-Conservation and Restoration Project Management Office taċ-Ċentru wara li dan ikun eżamina t-talba għax-xogħol u jkun talab il-parir ta' l-esperti fil-materja fuq it-tip ta' xogħol meħtieġ. Għalkemm ma jeżistux rati fissi, hemm numru ta' kriterji li jintużaw biex jiġi deċiż jekk iċ-Ċentru għandux jaċċetta x-xogħol u kemm għandu jiċċarġja tiegħu. Dawn il-kriterji jinkludu: 1. Valutazzjoni ta' l-importanza ta' l-oġġett bħala parti mill-wirt storiku, inkluż ir-rarita` ta' l-oġġett u l- kundizzjoni tiegħu; 2. Il-valur didattiku tax-xogħol u l-livell ta' diffikulta` skond l-istadju ta' l-avvanz fit-tagħlim mill-istudenti; 3. In-numru ta' persuni meħtieġ fit-team li jiġi nkarigat mix-xogħol ta' restawr, peress li dan ħafna drabi għandu jsir minn team multi-dixxiplinarju li jinkludi mhux biss restawraturi bi speċjalizzazzjoni f'oqsma differenti iżda wkoll l-isoriku ta' l-arti, il-kimiku, l-arkejologu u l- perit speċjalizzat; 4. Jekk ix-xogħol isirx għall-Gvern jew għas-settur privat; 5. In-numru ta' siegħat li kull membru tat-team tat-restawr ikun mistenni li jqatta' fuq il-biċċa xogħol u r-rata tal- ħlas ta' l-istess membru tat-team; 6. Jekk ix-xogħol se jsir biss minn ħaddiema Maltin jew jekk ikun meħtieġ ukoll l-involviment ta' esperti barranin (li r-rata tal-ħlas tagħhom hija aktar għolja minn dik tal- Maltin); 7. Jekk ix-xogħol meħtieġ ikun tant mgħaġġel jew prezzjuż li dan jista' jsir biss mill-esperti mingħajr ebda involviment ta' l-istudenti. B'hekk iċ-Ċentru jkun f'pożizzjoni jiddeċiedi l-prioritajiet fuq dak ix-xogħol li għandu jaċċetta u dak li għandu jirrifjuta u dan prinċipalment fuq il-kriterji ta' l-importanza ta' l-oġġett għall-patrimonju nazzjonali kif ukoll il-valur didattiku li jista' jkollu dak ix-xogħol. B'din is-sistema ċ-Ċentru jintervjeni u jagħmel ix-xogħol biex isalva oġġett prezzjuż anke jekk sid l-oġġett ma jkunx jiflaħ għall-ispiża (li jiġri ħafna meta xi Dipartiment tal-Gvern ma jkollux il-budget biex isir ix-xogħol) jew meta l-valur didattiku ikun tant għoli li, għalkemm xi biċċa xogħol ma tkunx "economically feasible" l-istudenti jistgħu jiksbu esperjenza utli u għalhekk jagħmel sens li xorta x-xogħol jiġi aċċettat. Minn meta twaqqaf f'Mejju 1999, iċ-Ċentru mexxa jew esegwixxa dawn ix-xogħlijiet għall-Gvern: a) ir-restawr ta' l-East Wing u s-surgical Block f'Bighi, (bla ħlas) b) ir-restawr tal-ħitan interni ta' Villa Bighi, (bla ħlas) c) ir-restawr tal-Conservatorio ta' Bormla, (Lm1,600) d) ir-restawr ta' bosta bċejjeċ taċ-Ċeramika, vażuni tal- Majolica u ħġieġ Ruman għad-Dipartiment tal-Mużewijiet; (bla ħlas) e) ir-restawr tat-tpinġija ta' fuq il-ħajt f'waħda mis-swali tal-Palazz ta' l-Inkwiżitur; (bla ħlas) f) ir-restawr ta' bizzilla antika u kostumi għad-Dipartiment tal-Mużewijiet, (bla ħlas) g) survey tax-xogħol meħtieġ għar-restawr tas-sala tal-Palazzo La Salle għad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, (bla ħlas). Iċ-Ċentru ftiehem ukoll li jagħmel xogħol ta' restawr tal-kotba bla ħlas għas-servizzi tiegħu.
Leg 9 PQ #16489 Sitting 312 2000-06-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Rabat — Siti storiċi

Question

Jista' l-Ministru jinformani xi skavar u xogħlijiet oħra relatati qed isiru fil-mument fuq siti storiċi fir-Rabat, Malta? Liema huma dawk il-pajjiżi li ġew mitluba jagħtu l-għajnuna teknika u finanzjarja tagħhom sabiex jitħaffef ċertu studju u xogħlijiet oħra ta' skavar fir-Rabat, Malta matul dawn l-aħħar snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dawn l-aħħar snin id-Dipartiment tal-Mużewijiet kien ivolut f'numru ta' skavi arkeoloġiċi ġewwa r-Rabat, fosthom: * Triq Kola Xara (1992) - Skav ta' emerġenza ta' qabar Puniku misjub waqt xogħol ta' żvilupp * Żona tad-Dejr (1993) - Skav ta' żewġ oqbra Rumani ftit il- bogħod mill-Katakombi tad-Dejr misjuba waqt xogħol illegali ta' żvilupp fuq art pubblika. Passi legali ttieħdu sabiex jitwaqqaf dan ix-xogħol u biex dawn il-fdalijiet jiġu integrati fiż-żona arkeoloġika ta' Tad-Dejr. * Żona ta' Ċagħqi (1997) - Evalwazzjoni arkeoloġika f'dan is-sit irriżulta fis-sejba ta' żewġ katakombi Rumani, oqbra Puniċi, parti minn trejqa antika u ċisterna Rumana kompluta bis-soqfa oriġinali tagħha. Minhabba l-importanza straordinarja ta' dan is-sit, id-Dipartiment tal-Mużewijiet beda proċess ta' xiri ta' din l-art sabiex tkun tista' titgawda bħala monument pubbliku. Dan il-proċess ta' xiri għandu jitlesta fis-sena 2000. * Kolleġjata Wignacourt u Grotta ta' San Pawl (1997-2000) - Skav u dokumentazzjoni ta' numru kbir ta' katakombi rumani li qed jinstabu b'mod progressiv max-xogħol ta' restawr li qed isir fil-kantini ta' dan il-kumpless. Dan ix-xogħol qed isir b'kollaborazzjoni sħiħa mal-Kuratur ta' l-istess Mużew tal- Kolleġġjata Wignacourt. * Għajn Klieb, limiti ta' Rabat (2000) - survey u skav ta' emerġenza fuq ġabra kbira u importanti ta' oqbra Feniċi, dan ix-xogħol qed isir mill-Universita` ta' Malta taħt is- superviżjoni tad-Dipartiment tal-Mużewijiet. Dawn ix-xogħlijiet ta' skav saru mingħajr ebda għajnuna teknika jew finanzjarja minn pajjiżi barranin. Iżda ta' min jinnota li numru ta' spaċjalisti fl-arkeoloġija - bħal arkeoloġisti tal-Missione Archaeologica Italiana a Malta - ġew ingaġġati mid-Dipartiment tal-Mużewijiet sabiex isiru studji fuq materjal misjub fi skavi antiki ġewwa r-Rabat. Fil-Business Plan għas-snin li ġejjin id-Dipartiment tal-Mużewijiet inkluda (mill-1999) pjan sabiex isir Feasibility Study u Strategic Plan għar-restawr u għall-preżentazzjoni aħjar tal-Monumenti arkeoloġiċi pubbliċi kollha. Fosthom dawk tar-Rabat, jiġifieri l-Mużew ta' l-Antikitajiet Rumani (biż-żona arkeoloġika tagħha), il-kumpless tal-Katakombi ta' San Pawl, il-Katakombi taċ-Ċagħqi (dawk li diġa' huma fi proprjeta` pubblika, jew li se jinxtraw) u l-Katakombi tad-Dejr. Ta' min jgħid li l-proġett ta' preżentazzjoni f'Tad-Dejr ilu wieqaf minn Novembru ta' l-1996 b'riżultat ta' Ordni ta' Mandat maħruġ mill-Qorti Ċivili. Żvilupp iżgħar ieħor, imma ta' valur edukattiv, kbir, huwa l-bidu ta' kollaborazzjoni pożittiva bejn id-Dipartiment tal-Mużewijiet u l-awtoritajiet ta' l-Iskola Sekondarja tal-Bniet tar-Rabat sabiex parti tal-Katakombi taċ-Ċagħqi (li jinsabu ġewwa l-istess grounds ta' l-iskola) jistgħu jsiru s-suġġett ta' programm edukattiv fuq il-wirt arkeoloġiku ta' Malta għall-benefiċċju ta' l-istess studenti ta' skejjel sekondarji, mhux biss tar-Rabat.
Leg 9 PQ #16490 Sitting 312 2000-06-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Rabat — Għalqa ta' Kola

Question

B'riferenza għall-iskavar fl-għalqa ta' Kola, fir-Rabat, jista' l-Ministru jgħid meta saru l-aħħar skavi fl-inħawi? Jista' jgħid x'inhija l-policy tal-gvern għal kontinwazzjoni ta' l-iskavar f'din il-parti tar-Rabat? Jista' jinformani x'tip ta' skavar sar u xi fdalijiet insabu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sit in kwistjoni hija magħrufa għall-potenzjal kbir arkeoloġiku tagħha. Fl-1950 l-għalqa in kwistjoni kienet qed tiġi żviluppata mill-Gvern għall-iskop li jinbena block ta' flats. Għal din ir-raġuni kien inħareġ Ordni Presidenzjali fuq dan is-sit, sabiex ikun jista' jibda x-xogħol ta' bini. Waqt dan ix-xogħol, kienu bdew jinkixfu numru kbir ta' fdalijiet arkeoloġiċi fosthom, pedamenti ta' ħitan kbar, culverts, pavimenti, ħafna fuħħar antik, kif ukoll difna islamika. B'riżultat ta' dan, ix-xogħol ta' bini ġie sospiż fl-1957. Għal din ir-raġuni l-proċess ta' esproprju ta' din l-art ma kienx tkompla mill-Gvern. Xi sondaġġi li saru f'din l-għalqa mill-Universita` ta' Califonia fl-1984, komplew juru li din iż-żona hija waħda ta' potenzjal kbir xjentifiku - kemm għall-arkeoloġija Punika u Rumana, kif ukoll għall-istorja Medjovali ta' Malta. Fid-disgħinijiet kien hemm ħsibijiet mill-ġdid li din iż-żona tiġi żviluppata, għall-iskopijiet ta' parking. Il-pożizzjoni tad-Dipartiment tal-Mużewijiet ġiet spjegata f'ittri mibgħuta lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar (30/11/95) u lill-Kunsill Lokali (18/04/96). Din il-pożizzjoni sal-lum għadha ma nbidlitx- * Dan is-sit għandu jiġi protett bħala riżorsa arkeoloġika importanti għall-ġenerazzjoni tal-futur. * Jekk xi żvilupp għandu jsir fuq dan is-sit, kull prekawzjoni għandha tittieħed biex ma ssirx ħsara lid-depositi arkeoloġiċi. * L-iskav ta' din iż-żona mhijiex ta'prijorita` fil-preżent - l-enfasi għandha tkun fuq il-preservazzjoni tas-sit mhux fuq it-tħaffir tiegħu.
Leg 9 PQ #16491 Sitting 312 2000-06-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment tal-Mużewijiet — Sejbiet storiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kapijiet ta' sejbiet storiċi li ġew rrapportati lid-Dipartiment tal-Mużewijiet matul l-ewwel ħames xhur tas-sena? Fejn instabu dawn il-fdalijiet u xi stħarriġ qed issir f'kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat illi bejn ix-xhur ta' Jannar u Mejju ta' l-2000, id-Dipartiment tal-Mużewijiet irċieva rapport u għamel stħarriġ fuq tmin (8) siti ta' valur arkeoloġiku fuq l-art, u tlett (3) każijiet fl-ibħra territorjali: 1. Ħal-Far Industrial Estate - skoperta ta' katakombi u ħitan Rumani waqt xogħol ta' żvilupp. Dawn is-sejbiet qed jiġu skavati u dokumentati. L-iskav tal-katakombi tlesta u qed jiġu studjati mezzi - b'kollaborazzjoni ma' l-iżvilupatur - sabiex dawna jistgħu jiġu konservati. 2. Ħal-Kirkop - skav fuq żewġ katakombi żgħar Rumani, li kienu intradmu f'dawn l-aħħar snin minn materjal ta' skart. Ix- xogħol ta' skavar huwa - għal mument lest, u qed jiġu studjati mezzi sabiex dan is-sit jista' jiġi konservat aħjar flimkien mal-Kunsill Lokali ta' Ħal Kirkop. 3. Xatt ta' Marsaxlokk - skoperta każwali ta' difna medjovali. L-iskav u d-dokumentazzjoni ta' dan is-sit tlesta. 4. Kolleġjata Wignacourt, Rabat - skav ta' emerġenza ġewwa l-kantini ta' dan il-Mużew sabiex ma ssirx ħsara fuq difna fraġli ta' tarbija ġewwa l-Katakombi Ramani f'dan il-post. Dan l-eżerċizzju partikolari tlesta, għalkemm is-sit għandu jirrikjedi ħafna iktar xogħol. 5. Għajn Klieb, limit ta' Rabat - skav ta' emerġenza - b'kollaborazzjoni ma' l-Universita` ta' Malta - fuq qabar Puniku / Ruman li nstab waqt xogħol ta' żvilupp. Ix-xogħol fuq dan is-sit tlesta. 6. Distrett ta' Ċieda, San Ġwann - xogħol ta' skavar għall- evalwazzjoni arkeoloġika ta' dan is-sit sabiex tkun tista' tiġi ddiżinjata konnessjoni ta' toroq pubbliċi f'din iż-żona. Ix-xogħol tlesta, bis-sejba ta' rovini Rumani u Medjovali. 7. Ċentru Parrokkjali Ġdid, Victoria - spezzjoni u dokumentazzjoni ta' fdalijiet Rumani jew Puniċi misjuba f' dan is-sit waqt l-iżvilupp. Miżuri ittieħdu għall- konservazzjoni ta' dawn il-fdalijiet - b'Kollaborazzjoni mall-Parroċċa ta' San Ġorġ - għalkemm għad irid isir xi xogħol ta' skavar. 8. Tempju ta' Ħaġar Qim - skav u dokumentazzjoni ta' xi fdalijiet maqtugħin fil-blat li nstabu fil-viċinanzi, ta' dan it-tempju Neolitiku. Ix-xogħol fuq dan is-sit tlesta. 9. Sejbiet fil-baħar - Numru ta' rapporti daħlu fuq sejbiet arkeoloġiċi fl-ibħra territorjali Maltin - kemm fit- Tramuntana u Lvant ta' Malta, kif ukoll f'Kemmuna; dawn kollha ġew spezzjonati mid-Dipartiment tal-Mużewijiet, u fejn kien il-każ itellgħu xi fdalijiet arkeoloġiċi. Minbarra dawn il-każijiet id-Dipartiment tal-Mużewijiet kien ukoll involut fit-tmexxija ta' programm ta' riċerka u survey arkeoloġiku ma' l-Universita` ta' Malta, mill-Missione Archeologica Italiana a Malta u ma' l-Institute of Nautical Archaeology ta' Texas University.
Leg 9 PQ #16740 Sitting 312 2000-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti

Question

Fis-sena skolastika 1998/99 kemm kien hemm studenti subien u bniet fl-aħħar sena f'kull area secondary ta' Malta u Għawdex? Kemm kien hemm studenti li minnhom qagħdu għall-eżamijiet tas-SEC?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #16741 Sitting 312 2000-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Snajja'

Question

Jista' l-Ministru jgħid fis-sena skolastika 1998/99 kemm kien hemm studenti fl-iskejjel tas-snajja' fl-aħħar sena tagħhom? Kemm minnhom qagħdu għall-eżami tas-Sec u kemm għas-City and Guilds?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għadd ta' studenti fl-iskejjel tas-Snajja' li kienu fit-tieni sena (ekwivalenti għall-ħames sena fil-livell sekondarju) kien 786 fl-1998/1999, filwaqt li l-għadd ta' dawk li kienu fl-aħħar sena f'korsijiet Post-Sekondarji fl-iskejjel tas-Snajja' kien 86. L-għadd ta' studenti li qagħdu għall-eżami tas-SEC kien 282 filwaqt li l-għadd ta' studenti li qagħdu għall-Eżami tas-City & Guilds huwa ta' 64.
Leg 9 PQ #16742 Sitting 312 2000-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Snajja'

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti fl-iskejjel tas-snajja' li qagħdu għall-eżami tas-City and Guilds fl-1999? Kemm għaddew u minn liema suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #16743 Sitting 312 2000-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tas-Snajja'

Question

Fis-sezzjoni ta' Mejju 1999 tas-SEC, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li qagħdu għal dan l-eżami mill-iskejjel tas-snajja' ta' Malta u Għawdex u kemm għaddew u mil-liema suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #16315 Sitting 311 2000-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Bookshop cooperative

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta sar il-ftehim ta' koperazzjoni bejn il-koperattiva u l-KSU? Min iffirma l-ftehim u għan-nom ta' min? X'iggwadanjat il-KSU? Hemm ftehim bejn l-Universita' u l-KSU li jippermetti lill-KSU tgħaddi l-użu ta' proprjeta' ta' l-Universita' lill-koperattiva? Il-KSU favur dan il-ftehim?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-aħħar ftehim li sar bejn il-KSU u l-koperattiva kien fit-23 ta' Ottubru 1998, fejn ġie mġedded il-kuntratt oriġinali li kien sar fl-1996. Ma sar ebda ftehim ta' koperazzjoni bejn il-KSU u l-koperattiva wara dan iż-żmien. Il-ftehim ta' dak iż-żmien kien iffirmat mill-President u l-Koordinatur Edukazzjoni u l-KSU kienet ingħatat Lm1000 bħala sponsorship. Ma hemm ebda ftehim li l-KSU jista' jgħaddi art lil koperattiva. Tant hu hekk li l-art għaddiet lil koperattiva mill-Universita`. Informat li l-KSU ma ssib ebda oġġezzjoni dwar li fatt li ma tistax tgħaddi hi l-art lill-UCBS.
Leg 9 PQ #16319 Sitting 311 2000-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Junior college — Bookshop cooperative

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn ma kienx impjegat management professjonali mal-koperattiva minflok sar ftehim ma' terzi persuni? Kemm kienet timpjega nies il-koperattiva meta saret l-għażla? X'se jsir minnhom? Il-ftehim imsemmi jkopri n-negozju tal-koperattiva ġewwa l-Junior College wkoll?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bil-mandat tal-Laqgħa Ġenerali, il-koperattiva dehrilha li dan kien l-aħjar arranġament li permezz tiegħu setgħet toffri servizz effiċjenti u kompetittiv. Meta saret din l-għażla il-koperattiva kienet timpjega 4 min-nies. Tlieta minn dawn l-erbgħa ġew impjegati mill-operatur, filwaqt li r-raba' impjegata għażlet minn rajha li ma tkomplix fl-impjieg, minkejja li l-operatur il-ġdid offrielha impjieg ukoll. Informat li l-ftehim ikopri n-negozju tal-koperattiva ġewwa l-Junior College ukoll.
Leg 9 PQ #16453 Sitting 311 2000-06-13 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Restawr — Infiq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq il-ministeru fuq restawr is-sena l-oħra, fejn ġie restawrat u kemm intefaq fuq kull post imsemmi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-infieq tad-Dipartiment tal-Mużewijiet fuq restawr is-sena l-oħra kien hekk: Caravaggio's restoration expenses Lm 5,700 Ħaġar Qim (Professional fees re-conservation) Lm 2,870 Bighi Palace (Rehabilitation and Restoration Works) Lm41,550
Leg 9 PQ #16645 Sitting 311 2000-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sport — Skont fuq enerġija

Question

Jista' l-Ministru, bħala responsabbli mill-isport, jikkunsidra li jitlob il-Ministru responsabbli mill-enerġija biex jingħata skont fuq id-dawl użat minn għaqdiet sportivi għall-attivitajiet li jsiru filgħaxija? Jaqbel il-Ministru li b'hekk ikun qed jgħin lill-isport, bħal football li jintlagħab filgħaxija fl-istadium nazzjonali u fis-centenary stadium? Jaf il-Ministru li hemm xi pajjiżi, bħall-Ingilterra, fejn jingħata skont konsiderevoli għall-attivitajiet sportivi li jintlagħbu wara nżul ix-xemx?

Response (GALEA, LOUIS)

Jeżistu diversi forom ta' kif l-għaqdiet sportivi jkunu mgħejjuna għall-attivitajiet li jsiru. Is-suġġeriment ta' l-Onor. Membru qiegħed ikun ikkunsidrat. Rigward l-eżempju partikolari tal-logħob fl-Isadium Nazzjonali jew is-Centenary Stadium, infakkar lill-Onor. Membru li dawn ingħataw lill-Malta Football Association b'ċens baxx sabiex tgħin lill-M.F.A. tagħmel żvilupp kapitali u tkun tista' anke tikri l-istess faċilitajiet għall-użu sportiv u b'hekk tagħmel dħul mill-istess faċilitajiet. B'hekk l-M.F.A. qegħda tkun mgħejjuna b'mod indirett biex tħallas spejjeż li tkun qegħda tagħmel.
Leg 9 PQ #16646 Sitting 311 2000-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tuck shops

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni hijiex sodisfatta bl-ikel u xorb li qed ikun servut lill-istudenti mit-tuck shops/canteens ta' l-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u tal-privat? Uffiċjali tad-diviżjoni jżuru dawn it-tuck shops biex jiżguraw li l-ikel u x-xorb huwa kompatibbli mal-pariri mogħtija minn tobba u esperti fl-ikel? X'kuntatti jinżammu mad-dipartiment tas-saħħa dwar dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hi sodisfatta bl-ikel u xorb li qed ikun servut lill-istudenti mit-"Tuck Shops"/"Canteens" ta' l-iskejjel ta' l-Istat. Fejn kien hemm xi lmenti d-Diviżjoni għaddiethom lid-Dipartiment tas-Saħħa biex isiru spezzjonijiet. Informat ukoll li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni titlob lid-Dipartiment tas-Saħħa biex jagħmel spezzjonijiet f'kull skola fejn hemm "Tuck Shop". Dawn l-ispezzjonijiet isiru f'perjodi differenti u għall-għarrieda. Id-Dipartiment tas-Saħħa jibgħat rapport ta' kull spezzjoni li ssir. Meta jkun hemm xi lment, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tinforma lill-Kap ta' l-Iskola konċernata biex l-ilment jiġi rimedjat.
Leg 9 PQ #16648 Sitting 311 2000-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Donazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħata flus lill-Knisja għall-iskejjel tagħha s'issa, matul din is-sena skolastika? Kemm hu stmat li se tkun ingħatat sa l-aħħar tas-sena skolastika? Kemm hu previst li se tingħata l-Knisja għas-sena skolastika 2000/01?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ammont totali ta' flus li ngħataw lill-Knisja s'issa jammonta għal Lm5,735,770. Din is-somma tkopri l-perjodu mill-bidu tas-sena skolastika 1999/2000 sa l-aħħar ta' Ġunju 2000. Sa tmiem l-istess sena skolastika se tkun tħallset is-somma totali ta' 6,915,770. Il-previżjonijiet għas-sena skolastika li jmiss qed jinħadmu.
Leg 9 PQ #16614 Sitting 310 2000-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema - European Studies

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw teachers biex jgħallmu is-suġġett tal-European Studies fil-livell sekondarju fl-iskejjel ta' l-Istat? Kemm intgħażlu minnhom biex jibdew jgħallmuh minn Settembru li ġej? Xi kwalifiki kienu meħtieġa biex jintgħażlu għal dan it-tagħlim/jew x'taħriġ se jingħatalhom qabel jibdew jgħallmu dan is-suġġett? Kemm studenti għażlu dan is-suġġett fl-options li jagħmlu fi tmiem Form II?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm 205 applikazzjonijiet minn għalliema regolari mill-iskejjel statali, tal-knisja u privati biex jibdew il-kors ta' taħriġ li sar biex jitħarrġu l-għalliema prospettivi tal-European Studies. Kien hemm ukoll 60 applikazzjonijiet (59 mill-B.Ed. u 1 mill-PGCE) għall-għalliema regolari tal-European Studies. Minħabba n-numru kbir ta' applikanti (ie 205) minn dawn setgħu jintlaqgħu biss 60 biex jibdew il-kors ta' taħriġ. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għadha mhix f'pożizzjoni li tgħid kemm ser ikun hemm għalliema li jgħallmu dan is-suġġett f'Settembru li ġej. Intgħażlu biex jibdew il-kors ta' taħriġ dawk l-għalliema kollha li kienu jgħallmu Storja, Ġografija, Studju Soċjali jew Home Economics. S'issa kien hemm 110 student li għażlu dan is-suġġett ġdid.
Leg 9 PQ #16615 Sitting 310 2000-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Registry

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fir-registry tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Jidhirlu l-Ministru li dan hu numru suffiċjenti għal ħteġijiet tad-diviżjoni? Veru li l-uffiċjali spiss jilmentaw li mhumiex jiġu moqdija sewwa f'dak li hu servizz ta' filing, speċjalment meta tonqos persuna partikolari - isimha qed jintbagħat separatament - minħabba sick leave jew leave? Veru li t-telephone tar-registry ikun okkupat il-ħin kollu u l-uffiċjali spiss ikollhom imorru huma stess biex jiġbru l-files meħtieġa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fir-Registry tad-Diviżjoni bħalissa hemm 5 impjegati klerikali mgħejjuna minn żewġ General Hands. (Sa ftit ilu kien hemm biss 3). Ċertament li għall-volum ta' xogħol li għandha d-Diviżjoni, jeħtieġ li sew il-kwantita` kif ukoll il-kwalita` ta' uffiċċjali tissaħħaħ. Dan isir hekk kif ikun possibbli. Meta tqis in-numru ta' uffiċjali - Diretturi, Assistenti Diretturi u impjegati oħrajn - li hemm fil-Head Office, u magħhom iżżid il-kapijiet ta' l-iskejjel u l-pubbliku, li jkollhom bżonn is-Servizzi tar-Registry, mhux ta' min jiskanta li t-telefons ikunu okkupati. Rigward dawk li jmorru huma biex jinqdew, informat li f'ħafna mill-każi jistgħu jibgħatu l-messaġġiera/ħaddiema oħra biex jaqduhom huma. Tajjeb li l-ewwel jiġi ċċarat li l-uffiċċjal imsemmi hi persuna dedikata ħafna fix-xogħol tagħha u tant li f'diversi okkażjonijiet volontarjament tibqa' taħdem wara l-ħinijiet uffiċjali tax-xogħol u kien f'okkażjonijiet rari ħafna li kienet fuq leave minħabba mard. It-tieni nett jien stess kemm il-darba tlabt li s-sistema tal-filing tiġi organizzata sew għax nemmen fl-importanza tagħhom.
Leg 9 PQ #16616 Sitting 310 2000-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ċentru tar-restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fiċ-ċentru tar-restawr jistudjaw ir-restawr tat-tessuti? Xi pjan għandu ċ-ċentru biex fit-tliet snin li ġejjien jirrestawraw l-arazzi tal-Kon-Katidral ta' San Ġwann?

Response (GALEA, LOUIS)

Bħal issa, fiċ-Ċentru Malti għar-Restawr hemm studenta waħda fil-kors tal-Baċellerat fl-Istudji fil-Konservazzjoni u r-Restawr, li qiegħda tispeċjalizza fir-restawr tat-tessuti. Hu maħsub li sa tlett studenti oħra jiddaħlu fl-istess kors meta dan jeġa' jiftaħ f'Ottubru li ġej. L-Onor. Membru isaqsi xi pjan għandu ċ-Ċentru biex "fit-tlett snin li ġejjin jirrestawraw l-arazzi tal-Kon-Katidral ta' San Ġwann". Informat li din mhux xi biċċa xogħol li tista' titlesta fi tlett snin minħabba d-daqs u kobor ta' l-arazzi kif ukoll in-numru konsiderevoli ta' dawn l-arazzi li flimkien jikkostitwixxu l-akbar set ta' arazzi eżistenti tad-daqs tagħhom (27) li hawn fid-dinja. Il-kobor tal-proġett ma jfissirx li mhu qiegħed isir xejn biex dawn jiġu rrestawrati kif jixraq. Iċ-Ċentru tar-Restawr li twaqqaf f'Mejju 1999 beda jaħdem mill-ewwel fuq ix-xogħol meħtieġ għar-restawr ta' l-arazzi ta' San Ġwann: 1. Fit-2 ta' Awissu 1999 sar on-site inspection minn esperti Taljani fir-restwr tat-tessuti; 2. Matul Awissu-Settembru 1999 sar studju miċ-Ċentru flimkien ma' l-Uffiċju tal-Proġetti tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex jiġi stabbilit kif għandhom jiġu protetti l-arazzi. 3. Bejn Awissu 1999 u April 2000 sar ukoll studju fuq it-tip ta' vaski meħtieġa biex l-arazzi jkunu jistgħu jitnaddfu. 4. L-ewwel fażi tal-proġett tar-restawr hu d-dokumentazzjoni ta' l-istess arazzi. Dan hu proċess fit-tul li mistenni li jitlesta bejn Ottubru 2000 u Lulju 2001. 5. It-tieni fażi hu l-proċess ta' restawr ta' kull waħda minn dawn il-bċejjeċ prezzjużi u dan hu xogħol li jrid isir biċċa biċċa. Il-vaski apposta li kapaċi jesgħu arazzi ta' bokor ta' 7 metri b'7 metri sejrin jinbnew fil-Laboratorju tat-Tessuti taċ-Ċentru f'bighi sa' Settembru 2001 u wara l- arazzi, 27 b'kollox, jinġiebu wieħed wieħed f'dawn il- Laboratorji. Ix-xogħol fuq kull wieħed jista' jieħu minn 6 xhur sa sentejn xogħol, skond il-kobor u l-ħsara. Għalhekk għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid kemm sejjer idum il-proġett biex jitlesta. Jiddependi wkoll mill-konsistenza ta' l-appoġġ li jibqa' jkollu ċ-Ċentru tar-Restawr.
Leg 9 PQ #16634 Sitting 310 2000-06-12 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Azzjonijiet Industrijali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta' ittri li jinsabu maqbuda fil-Ministeru, Dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu b'riżultat ta' l-azzjonijiet industrijali kontra l-miżuri anti-soċjali mħabbra fl-aħħar budget mill-GWU?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub qed jinġabar u jingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #16544 Sitting 309 2000-06-06 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Malta Racing Club — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat xi xogħol fil-Malta Racing Club? Jekk iva, x'inhuma dawn il-proġetti? Fiex waslu dawn il-proġetti? Il-gvern ħareġ flus għal dawn il-proġetti? Jekk iva, kemm inħarġu flus s'issa u kemm se jinħarġu fil-futur?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li diġa' tlestew disinji biex isiru entratura u enclosure ġodda fil-Malta Racing Club. L-applikazzjoni għall-entratura diġa' ġiet mibgħuta lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar. Huwa maħsub ukoll li 'l quddiem tiġi mdawla l-korsa. Ma sar ebda commitment minn naħa tal-Gvern biex joħroġ flus għal dawn il-proġetti.
Leg 9 PQ #16587 Sitting 309 2000-06-06 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Żejtun - Skola Primarja B

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu u meta se jsir ix-xogħol meħtieġ sabiex soqfa perikolużi u toilets li jinsabu fl-iskola primarja B fiż-Zejtun, jiġu rranġati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tender għax-xogħol ta' ranġar tal-faċilitajiet sanitarji fl-iskola Primarja 'B' taż-Żejtun qiegħed jiġi pproċessat mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Hu previst li x-xogħol isir tul il-vaganzi tas-sajf li ġej.