Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta fil-Petroleum Division ġewwa Ras Ħanżir ingħatawx overtime għal Jannar u Frar? Jekk iva, jista'l-Ministru jgħid kemm ammonta ras għal ras?
Response (BONNICI, JOSEF)
Matul Jannar u Frar 1999 il-Korporazzjoni Enemalta ħallset is-somma totali ta' Lm8786.26c f'sahra lill-ħaddiema fit-Taqsima tal-Petroelum ġewwa Ras Ħanżir. Ras għal ras kull ħaddiem irċieva s-somma ta' Lm 418.39c f'xahrejn.
Jista' l-Ministru jgħid meta s-servizz ta' l-ilma tar-residenti fi Triq San Ġwakkin, Ħal Qormi se jiġi mibdul mill-Korporazzjoni għas-Servizz ta' l-Ilma minħabba ħsarat regolari?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li s-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma fit-triq imsemmija hija sodisfaċenti. Għaldaqstant il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mhix qed tipproġetta li tibdel il-mejnijiet f'din it-triq.
Xi sospensjonijiet tas-servizz ta' l-ilma li seta' kien hemm fl-imsemmija triq kienu dovuti għal ħsarat fl-inħawi li għandhom l-istess sistema ta' distribuzzjoni.
Il-bdil ta' house connections isiru biss meta dawn ikollhom xi ħsarat. Meta jiġri dan, fi żmien qasir jinbidlu l-pajpijiet b'oħrajn tal-plastic (poythylene).
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir id-dawl fit-telephone booth li sar xhur ilu fi Triq Santa Katerina, Ħal Qormi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li diġa ittieħdu l-passi meħtieġ kemm mill-Maltacom kif ukoll mill-Korporazzjoni Enemalta biex ix-xogħol ta` stallazzjoni ta` dawl fit-telephone booth imsemmija jsir kemm jista jkun malajr fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk daħlux nies jaħdmu fil-Freeport mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jekk iva, kemm? Taħt liema gradi daħlu? Hemm il-ħsieb li jidħlu aktar ħaddiema? Jekk iva, meta? Xi gradi hemm bżonn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Matul il-perjodu msemmi, fil-Freeport ġew impjegati 13-il persuna f'dawn il-gradi:
1 skrivan, 2 planners, 1 assistant manager operations, 1 system network support, 2 supervisors/purchasing officers, 3 mechanics, 1 equipment operator u 2 electrical/electronics technicians.
Rigward ingaġġ ta' ħaddiema fil-futur, dan isir meta l-interessi tal-Korporazzjoni ikunu jitolbu dan.
Jista' l-Ministru jgħid min huma n-nies seconded mal-Ministeru tiegħu u minn liema entita' ġejjin? Jista' l-Ministru jgħid x'salarju qed jirċievu u x'allowance qed jirċievu? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm minn dawn huma appuntati f'bordijiet u f'kumitati u xi ħlas qed jirċievu għal dan l-appointment? Jista' l-Ministru jgħid f'liema bordijiet qegħdin dawn l-individwi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal dawk il-persuni sekondati mat-tlett segretarjati privati li hemm fil-Ministeru tiegħi. L-informazzjoni mitluba hija kif ġej:-
Isem Entita` Salarju Allowance
LM LM
Dalli Antonia Air Malta 3428 720
Gatt Patrick Malta Freeport 3429 1320
Mifsud Saviour Maltapost 4942 900
Oliva Joseph Malta Freeport 4942 900
Pisani Raymond Malta Freeport 3429 1320
Scerri Marthese Enemalta 3998 720
Tonna Karen Enemalta 3998 720
Hadd mill-persuni li qed jaqdu d-doveri tagħhom fis-Segretarjati Privati tal-Ministeru mhu appuntat fuq xi bord jew kumitat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu s-sulphur content tal-fuel li jintuża fil-power stations lokali? Kif jitqabbel il-livell tas-sulphur ma' fuels oħra li jintużaw minn pajjiżi bħall-Istati Uniti, il-Ġermanja u l-Ingilterra? X'effett iħalli fuq il-kwalita' ta' l-arja l-fuel li jintuża fil-power stations lokali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-fuel li jintuża fil-boilers tal-power station hu heavy fuel oil b`kontenut massimu ta` kubrit (sulphur) ta` 3.5%.
Il-combined cycle plant li qed jinbena f`Delimara juża gas oil b`kontenut massimu ta` sulphur ta`0.5%.
Fis-suq taż-żejt jeżistu żewġ standards ta` heavy fuel oil, dak ta` 3.5% sulphur u dak ta` 1% sulphur.
F`power stations fil-pajjiżi msemmija l-fuel oil ma tantx jintuża, billi l-fuels prinċipali huma l-faħam u n-natural gas. L-iktar li jintuża l-heavy fuel oil hu f`power stations assoċjati ma raffineriji.
Minħabba limiti fuq l-emissjoni ta` sulphur dioxide, fejn jintuża żejt b`sulphur b`kontenut għoli tintuża s-sistema ta` fuel gas desulphurisation. F`power stations oħra jintuża żejt b`kontenut massimu ta` 1%
Mill-bidu ta` din l-amministrazzjoni, meta rriżulta li l-fuel oil kien fih 3.5 fil-mija sulphur, staqsejt lill-Enemalta biex tħejji pjanijiet sabiex jiġi użat fuel b` massimu ta` 1 fil-mija sulphur. Fil-fatt qed isir investiment fil-power stations biex isir it-tibdil neċessarju (Fuel injection system) biex dan it-tip ta` fuel b`sulphur content ferm inqas minn dak użat s`issa jkun jista` jintuża s-sajf li ġej.
B`hekk il-poplu Malti, speċjalment ir-residenti fil-viċinanzi tal-Power Station tal-Marsa, ikun qed igawdi minn tnaqqis sostanzjali ta` tniġġiz mill-operat tal-Power Station.
Dan huwa konsistenti mal-miżuri li kien ħa l-Gvern Nazzjonalista ta` qabel biex jitnaqqas it-tniġġiz mill-Power Station tal-Marsa u b`mod partikulari meta sar investiment sostanzjali biex l-użu tal-faħam introdott mill-Gvern Laburista preċedenti, jitneħħa minn pajjiżna darba għal dejjem.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4796, jista' l-Ministru jispjega b'liema mod "qiegħed isir monitoring fi spiżeriji f'Malta u f'Għawdex biex jiġi assigurat li meta jiżdied il-prezz ta' mediċina, din iż-żieda ma tgħaddix ukoll għall-konsenji ta' qabel"?
Response (BONNICI, JOSEF)
Waqt il-monitoring li jsir mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta fl-ispiżeriji jittieħdu l-isem tal-mediċina, l-prezz u l-batch number. Fejn jirriżulta li l-prezz ma jkunx relatat għal dak tal-batch number, l-ispiżerija tiġi onorata tirranġah.
Jista' l-Ministru jgħid liema mediċini minn Jannar 'il hawn ġew ordnati roħs fil-prezzijiet tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minn Jannar sa llum, l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta ordna r-roħs fil-prezz tad-Duphalac x 300ml u l-Motival Tabs 80mg x 45. Bħalissa dan l-Uffiċċju qed jieħu passi biex isir roħs fil-prezz ta' numru ieħor ta' mediċini.
Jista' l-Ministru jara li tiġi milqugħa t-talba tar-residenti li joqogħdu 48, Parish Magri Str, Mellieħa sabiex tiġi nstallata bozza ġdida ħalli jkun hemm street lighting adekwat? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ma jirrizultax li fit-triq imsemmija hemm bżonn ta` lampi ġodda. Madankollu jidher li jinħtieġ jinbidlu l-lanterni eżistenti. L-Enemalta sejra tieħu ħsieb biex dawn il-lanterni jinbidlu fil-jiem li ġejjin.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5881, il-parti li tikkonċerna l-ispiża tal-produzzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ispiża tal-produzzjoni ta` metru kubu ta` ilma hija kif stmata mill-gvern preċedenti, jiġifieri ta` Lm1.10c.
Fil-preżent qiegħed isir eżerċizzju biex naraw kif din l-ispiża nistgħu innaqqsuha.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4689, jista' l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjoni li saret dwar il-gillette shaving foam minħabba ż-żieda fil-prezz li diversi konsumaturi ltaqgħu magħha, saritx billi ġew analizzati d-dokumenti ta' l-importatur biss, u/jew billi ġew iċċekkjati l-prezzijiet fil-ħwienet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta analiza kemm d-dokumenti ta' l-importatur kif ukoll iċċekkja l-prezz tal-Gillette Shaving Foam u rriżulta li l-prezz ta' dan il-prodott li ġie rrappurtat wara d-dħul tal-V.A.T. kien roħs.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4690, jista' l-Ministru jagħti spjega sħiħa għaliex il-prezzijiet tal-11-il prodott tad-ditta "Always", ma ġewx affettwati l-istess? Għaliex tlieta minn 11 fil-lista għolew? Ġie nvestigat jekk l-"Always Normal", "Always Normal Plus", "Always Super Plus", li l-Ministru kkonferma żieda fil-prezz tagħhom, humiex il-market leaders? Jista' l-Ministru jwieġeb jekk dawn għolewx minħabba l-VAT jew le?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-prezzijiet tal-11-il prodott tad-ditta 'Always' ma ġewx affettwati l-istess peress li fuq tlett tipi, u ċioe` Always Normal, Always Normal Plus u Always Super Plus, hemm il-levy, filwaqt li fuq it-tipi l-oħra m'hemmx.
Dawn it-tlett tipi huma fost il-market leaders. Li kieku l-introduzzjoni
mill-ġdid tas-sistema tal-VAT kellha effett fuq iż-żieda fil-prezz ta' dawn it-tlett tipi il-prezz tat-8 tipi l-oħra kien jiżdied u mhix jonqos kif fil-fatt ġara.
Peress li l-poultry products tal-marka Dorex ġew imdaħħla/impurtati f'Malta għar-re export u jirriżulta li dawn il-prodotti jinsabu fis-suq lokali għall-prezz ta' 85c il-kilo meta suppost titħallas levy ta' 80c il-kilo, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif jista' jiġri dan? Kemm fil-fatt kien l-ammont ta'levy li tħallas fuq il-poultry products tal-marka Dorex impurtati f'Malta?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2709 dwar servizz ta' dawl u ilma eċċ f'diversi toroq f'Ħal Tarxien?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta diġa` għaddiet is-servizzi tad-dawl fit-toroq imsemmija. Min-naħa tal-Maltacom in-network tat-telefon hija mgħoddija, pero` l-kumpanija qed tistenna mid-Dipartiment tat-Toroq meta tkun tista` tgħaddi xi pajpijiet minn fuq il-bankina wara li dawn ikunu għamlu t-trinek.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ser tagħmel ix-xogħolijiet segwenti fit-toroq imsemmija b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali:
Fi Triq P.Schembri jrid isir tibdil ta' main u house services. Fi Triq il-Vittmi tal-Gwerra irid isir it-tiġdid tal-house services. Dawn iż-żewġ toroq huma konnessi mal-proġett għall-irranġar ta' toroq mill-Kunsill Lokali.
Fi Triq Dar il-Kejka, Triq Joseph Burlo` u Triq Ċikku Saliba, saret installazzjoni ta' mains ġodda. F'dawn it-tlett toroq qed issir installazzjoni ta' house services.
Fi Triq Spiru Saliba għandu jsir xogħol ta' tiġdid ta' house services. Dan ix-xogħol huwa konness mal-proġett għall-irranġar ta' toroq mill-Kunsill Lokali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6034, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' ittra li ntbagħtet lill-kumpanniji msemmija mill-organizzaturi taż-żjara tal-Juventus u kopja minn quddiem u minn wara taċ-ċekkjiet li nħarġu?
Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-gvern biex jiġi assigurat li s-servizzi mogħtija minn professjonisti ikun bi prezz adattat u mhux għoli żżejjed?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull ksur ta' liġi li jista' jirriżulta minn servizzi mogħtija minn professjonisti jiġi nvestigat mid-Dipartimenti konċernati.