Legislature:
Category:
Reset
Active:

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' Maltin u Għawdxin li fil-mument jinsabu jieħdu l-benefiċċji soċjali tar-relief u tal-pensjonijiet separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' Maltin u Għawdxin li fil-mument jinsabu jirċievu l-Għajnuna Soċjali huwa ta' 10,645, filwaqt li 4,234 persuna oħra jirċievu l-Pensjoni ta' l-Eta'.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijet li għalihom il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ qed tiġbor informazzjoni dwar in-natura u l-ammont ta' benefiċċji li qed jieħdu dawk li jirreġistraw għax-xogħol u l-familji tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ qed titlob din l-informazzjoni sabiex tkun f'pożizzjoni aħjar biex tgħin lill-klijenti tagħha b'servizzi ta' opportunitajiet ta' xogħol u skemi ġodda ta' xogħol u taħriġ li jistgħu jiġu żviluppati fil-ġejjieni.

Pensjonijiet — Rapport

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fejn wasal ir-rapport u r-rakkmandazzjonijiet tal-kummissjoni dwar il-pensjonijiet li twaqqaf xi żmien ilu biex jagħti pariri lill-gvern fuq is-sistema tal-pensjonijiet f'pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lil Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12070.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Karozzi mixtrija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn kienx hemm xi karozzi li ġew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, li ġew mogħtija b'donazzjoni lill-individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegati mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid: (a) lil minn ingħataw; (b) x'marka huma l-karozzi u meta nxtraw; (ċ) kemm swew fi flus Maltin; u (d) xi kriterji ntużaw biex dawn l-individwi ngħataw din il-karozza?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nxtrat l-ebda karozza li ngħatat b'donazzjoni bejn il-5 ta' Settembru 1998 l'hawn.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament u li tieħu Lm80.91c kull erba' ġimgħat u li hi miżżewġa m'hijiex tieħu l-pensjoni li ħaqqha? Il-mara tiegħu li ħadmet ukoll, hija intitolata għal pensjoni hi wkoll?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ser tiġi nfurmata dwar il-pensjoni tagħha.

Ħaddiema impressed

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qiegħed isir u effetivament x'se jsir sabiex il-pożizzjoni tal-ħaddiema impressed tiġi regolarizzata peress illi dawn in-nies ma humiex stmati bħal ħaddiema oħra għaliex m'għandhomx leave u peress li l-liċenzja biex il-vettura tidħol il-Belt Valleta qed ibatuha minn buthom, meta dan huwa parti minn xogħolhom? Jista' jara li dawn id-diffikultajiet jitneħħew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalissa qed isiru diskussjonijiet dwar il-futur ta' dawn il-ħaddiema mal-Union Ħaddiema Magħqudin fid-dawl tal-proposta dwar dawn il-ħaddiema fil-Programm Elettorali ta' l-1998 tal-Partit Nazzjonalista.

Anzjani — Bormla

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-anzjani residenti fid-dar ta' l-anzjani f'Bormla, qed jiġu mitluba biex jaqilbu l-ID card tagħhom fuq Bormla? Peress li qed issir insistenza minn uffiċjali li qed imexxu din id-dar biex l-anzjani jagħmlu dan, għaliex qed isir hekk? Għaliex l-anzjani meta qed jistaqsu għaliex qed jiġu mitluba jagħmlu dan mhux jingħatawx tweġiba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond il-Liġi Elettorali kull resident għandu jkollu l-Karta tal-Identita' skond il-post fejn ikun qed jorqod abitwalment. L-anzjani qed jiġu mitluba biex jibdlu l-Karta ta' l-Identita' biex jikkonformaw ma' l-istess Liġi u dan qed jiġi spjegat lilhom f'kull ċirkostanza.

Anzjani — Bormla

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed jagħmel il-gvern biex jassigura li jwettaq il-wegħda tiegħu biex id-dar ta' l-anzjani ta' Bormla sservi għall-anzjani tal-Kottonera u ta' madwar? Ir-residenti anzjani li hemm fid-dar ta' Bormla, minn liema lokalitajiet ġejjin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif wieħed jista' jara mill-lista hawn taħt annessa, il-Gvern qed jagħmel l-almu tiegħu biex jakkomoda lill-anzjani tal-Kottonera u ta' madwar f'din id-Dar. Ir-residenti anzjani li hemm fid-dar ta' Bormla ġejjin minn dawn il-lokalitajiet: Bormla - 31 Birgu - 6 Qormi - 2 Tarxien - 2 Paola - 5 Żabbar - 2 Kalkara - 5 San Ġwann - 1 Għaxaq - 3 M'Scala - 2 Fgura - 1 Pieta' - 2 Isla - 2 Santa Luċia - 1 Luqa - 1 Floriana - 1

Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid ta' min kienet id-deċizjoni li filmat tal-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara li taqa' taħt il-ministeru tiegħek għażlet li tiġbed sound on film familjarji tiegħek (bis-sinjurija tiegħek fil-background flimkien mal-familja tiegħek) għal filmat fl-okkażjoni tal-Jum il-Mara li ntwera fuq il-mezzi tax-xandir? Ma taħsibx li image building ta' politiċi ewlenin għandu jiġi evitat f'ċirkostanzi bħal dawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kampanja ta' Community Announcements favur il-Mara hija inizjattiva li ħa il-Ministeru għall-Politika Soċjali s-sena li għaddiet u li ġiet ripetuta din is-sena. Din il-kampanja kienet tikkonsisti f'serje ta' slots ta' tletin sekonda l-wieħed li jirrapreżentaw nisa differenti f'oqsma ta' attivita' soċjali diversi. Fosthom kien hemm nisa fl-impjieg, nisa fil-qasam tas-saħħa u l-edukazzjoni, nisa fil-qasam tal-intrapriża, nisa fil-qasam vokazzjonali u nisa fil-qasam tal-familja. L-Onor. Interpellant għandu ideja stramba ta' dak li jsejjaħ "image building". Donnu li ma rrealiżżax li jiena stajt, kieku ridt, inwassal Messaġġ Ministerjali ta' seba' minuti fuq il-meżżi tax-xandir. Minflok, għażilt li nutiliżża biss għoxrin sekonda bl-iskop li nħalli l-bqija tal-ħin biex issir enfasi fuq il-valuri li jiena nemmen fihom u biex dan isir minn nisa nfushom.

NGOs — Abbozz ta' liġi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal l-abbozz ta' liġi dwar l-NGOs? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-white paper li kienet ħarġet u xi żviluppi li kien hemm minn dak iż-żmien sal-lum, inkluż kummenti li saru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ix-xogħol fuq l-abbozz ta' liġi dwar l-NGOs wasal lejn it-tmiem tiegħu. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li qatt ma ħarġet ebda 'white paper' mill-Gvern dwar dan il-qasam u għalhekk ma nistax nirrispondi t-tieni parti tal-Mistoqsija tiegħu.

Djar — Tiswijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa u immedjati biex isir xogħol ta' manutenzjoni fis-soqfa tar-residenza, Block 2, Flat 7, Qasam tad-Djar Sant'Andrija, Pembroke peress li l-imsemmija soqfa għandhom ħsara u huma ta' periklu għal min jabita taħthom u apparti minn hekk kulma jmur u aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed issirilhom ħsara? Jaf il-Ministru li kif jidher ċar minn dokumenti li qiegħed nippreżenta separatament ma' din il-mistoqsija, din il-ħsara ilha rrapportata kważi ħames snin imma minn dak iż-żmien sal-lum baqa' ma sar xejn b'periklu kontinwu għall-inkwilini li jgħixu taħt dawn is-soqfa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma jirriżultax li l-informazzjoni li għandu l-Onor. Interpellant dwar il-fond Block 2 Flat 7 Qasam tad-djar Sant'Andrija hija korretta. Skond ir-"records" tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar kien ġie approvat li jissewwa l-"waterproofing membrane" ta' fuq il-bejt ta' dan il-post iżda meta marru l-ħaddiema tal-kuntrattur biex jagħmlu x-xogħol sabu li t-tiswija kienet diġa saret mill-inkwilini stess. Madanakollu dan ġie avżat li jekk terġa' tiżviluppa xi ħsara għandu javża d-Dipartiment. L-inkwilin ma reġax għamel kuntatt mad-Dipartiment minn dakinhar (jiġifieri Novembru ta' l-1997) u l-ewwel informazzjoni lid-Dipartiment li seta kien hemm xi żviluppi ġodda waslet propju minn dil-mistoqsija parlamentari. Jien infurmat li ser ssir spezzjoni oħra mid-Dipartiment biex jiġi verifikat xi ħsara hemm.

Anzjani — Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inżammet pensjoni lir-residenti tad-djar ta' l-anzjani u San Vincenz de Paule fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena? Dan kif jikkompara max-xahrejn tas-sena l-oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-ammont ta' pensjoni kontributorja li għandha tiġi mgħoddija lill-Kumitat tal-Welfare taħt il-provvedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318) għall-ewwel xagħrejn ta' din is-sena hija ta' madwar Lm198,341. Fl-istess xagħrejn tas-sena l-oħra, l-ammont mgħoddi lill-Kumitat kien ta' Lm161,741.

Impjiegi — Sick leave

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti rrapportati fuq il-post tax-xogħol u kemm kien in-numru ta' ħaddiema li kienu fuq is-sick leave fl-istess perjodu? Kemm kien in-numru ta' familji u single parents li matul Jannar u Frar bdew jieħdu l-benefiċċji taċ-children allowance? Kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti u meta se jiġu ffinalizzati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' talbiet għall-Benefiċċju tal-Korriment kienu kif ġej:- Xahar Numru ta' Talbiet ----- ----------------- Jannar 362 Frar 455 Fl-istess perjodu n-numru ta' ħaddiema fuq 'sick leave' kien:- Xahar Numru ta' Ħaddiema ----- ------------------ Jannar 22,625 Frar 12,289 Ninforma lill-Onor. Membru li n-numru ta' familji w 'single parents' li matul Jannar u Frar bdew jieħdu l-'Allowance' tat-Tfal kien ta' 1,405, numru minnhom għall-ewwel darba u oħrajn wara li pproduċew id-dokumenti mitluba biex seta' jinħadem il-każ tagħhom. Applikazzjonijiet pendenti hemm 216 u dawn jiġu finaliżżati meta l-applikanti jipprovdu l-informazzjoni li ġiet mitluba lilhom biex id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jkun jista' jistabilixxi r-rata ta' l-'Allowance' dovuta.

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna supplimentari li daħlu matul Jannar u Frar ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu applikazzjonijiet ġodda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul Jannar u Frar ta' din is-sena daħlu 19,707 applikazzjoni għall-Allowance Supplimentari. Minn dawn kien hemm 445 li kienu applikazzjonijiet ġodda.

Benefiċċji soċjali — SKA

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet ġodda li saru matul Jannar u Frar ta' din is-sena għal benefiċċju ta' l-SKA?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' applikazzjonijiet ġodda li saru matul Jannar u Frar ta' din is-sena għall-Għajnuna għal Mard kien ta' 261.

Sigurta' Soċjali — NI - Servizz Pubbliku

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħħal aktar id-dipartiment tas-sigurta'soċjali fi ħlas ta' NI mingħand il-ħaddiema taċ-Ċivil matul Jannar u Frar ta' din is-sena? Kemm kien il-ħlas fl-istess perijodu għas-sena 1997?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul Jannar u Frar ta' din is-sena kien hemm Lm623,089 u Lm204,363 dħul aktar rispettivament minn kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali dovuti minn ħaddiema mpjegati mal-Gvern. Id-dħul għall-istess xhur matul l-1997 kien ta' Lm1,754,932 u Lm1,739,298 rispettivament.

Pensjonijiet — Pensjoni ta' l-Invalidita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari numru 14044 li ma weġibx?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar ta' Frar ta' din is-sena, n-numru ta' pensjonanti li jirċievu xi pensjoni kontributorja għal Invalidita' kien ta' 6113.