Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #1656 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Towing ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew: (1) ittowjati vetturi mill-1 tas-sena 1998 sal-lum (a) mill-Ħamrun; (b) minn Buġibba; u (2) f'kull każ min kien l-uffiċjal tal-pulizija nvolut?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li, bejn l-1 ta' Jannar, 1998, u t-18 ta' Novembru, 1998, in-numru ta' vetturi li ġew ittowjati mill-Ħamrun u minn Buġibba kien ta' 233 u 528 rispettivament. Ma jidhirlix li d-dettalji mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija għandhom jiġu ppublikati. 24.11.98
Leg 9 PQ #308 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Tal-Virtu' Residence Association

Question

B'riferenza għall-allegazzjonijiet fil-ħarġa ta' Settembru/Ottubru 1998 tal-ġurnal Tal-Virtu' Residence Association li ġġib l-isem The Saga of the Illegal Buildings at Tal-Virtu' li kopja tagħha qed tintbagħat separatament, jista' l-Ministru (a) jindika jekk l-area fix-xagħri Tal-Virtu' hijiex area nkluża fl-iskema skond it-Temporary Provision Scheme; (b) jekk iva, x'azzjonijiet ttieħdu mill-5 ta' Settembru 'l hawn dwar dawn l-abbużi msemmija; u (ċ) jekk le, x'qiegħed iżomm lill-awtorita' konċernata tiddikjara li dan il-bini huwa kollu llegali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-area illi għaliha qed issir referenza mill-Onorevoli Interpellant ma tifformax parti mill-iskema ta' provvedimenti temporanji. Għaldaqstant din taqa' barra miż-żona ta' żvilupp. Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija jrid jingħad illi l-azzjoni li ttieħdet tul dawn l-aħħar xhur hija kontinwazzjoni ta' l-istess azzjoni li ila tittieħed tul dawn l-aħħar snin. Fil-fatt wara nvestigazzjonijiet li saru dwar din l-area, nstab illi diversi strutturi eżistew fuq il-post sa qabel l-1968. Jirriżulta wkoll li diversi strutturi oħra huma koperti bi permessi li nħarġu fuq l-'area' matul is-snin. Minn iżjed investigazzjonijiet irriżulta wkoll illi wħud mill-persuni nvoluti kienu bnew xi kmamar bla permess. Appena dan sar magħruf ittieħdu l-passi mmedjati u nħarġu diversi Enforcement Notices skond l-Att Nru 1 dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp. B'konsegwenza ta' dawn l-avviżi, l-iżvilluppaturi ssottomettew diversi applikazzjonijiet sabiex ikunu jistgħu isanaw dan l-iżvilupp. Għaldaqstant l-Enforcement Notices li ġew servuti kellhom jiġu sospiżi fl-operazzjoni tagħhom sa ma jiġu determinati l-applikazzjonijiet sottomessi, u dan skond kif regolat fl-istess Att. 23.11.98
Leg 9 PQ #1041 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Police Appeals Tribunal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' l-Police Appeals Tribunal mis-7 ta' Settembru, 1998 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Tribunal ta' l-Appelli dwar Liċenzji tal-Pulizija ma' ltaqax bejn is-7 ta' Settembru, 1998, u d-9 ta' Novembru, 1998, minħabba li c-Chairman ta' dan il-bord irreżenja b'mod defenittiv u ġew sostituti l-membri l-oħra. Il-Bord ġdid kif kostitut, iltaqa' l-ewwel darba fit-18 ta' Novembru, 1998. 23.11.98
Leg 9 PQ #1042 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Bormla — Conservatorio San Giuseppe

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx sar xi rapport dwar serq ta' statwi u oġġetti oħra mill-Kappella tal-Conservatorio San Giuseppe, Bormla fejn illum qed tinbena dar għall-anzjani? Jista' l-Ministru jgħid eżattament x'kien ġie rrapportat li nsteraq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kienu saru tlett rapporti ta' serq mill-kappella tal-Conservatorio San Giuseppe f'Bormla. Wieħed kien sar fl-20 ta' Marzu, 1996, fejn kien ġie rrappurtat serq ta' żewġ armonji, konfessjonarju u ħawt tal-ħasil ta' l-idejn. Rapport ieħor sar fit-23 ta' Diċembru, 1996, fejn kien ġie rrappurtat illi kienu nsterqu mill-istess kappella, erba' kolonni, żewġ anġli, żewġ stemmi u statwa ta' San Ġużepp. L-aħħar rapport kien sar fit-18 ta' Settembru, 1997, u kienu rrappurtati nieqsa tlett mannaretti, lupa tal-ġebel, żewġ clipping hammers, kazzola, ħabel tan-nylon u tnejn u għoxrin G clamp. 23.11.98
Leg 9 PQ #1043 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Priġunieri barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri barranin fil-ħabs ta' Kordin? Jista' l-Ministru jgħid minn liema pajjiżi ġejjien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li, fl-10 ta' Novembru, 1998, in-numru ta' priġunieri ta' nazzjonalita' barranija li kienu fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien ta' 69. Il-pajjiżi mnejn kienu ġejjin dawn il-persuni hu kif ġej : - Eġittu Alġerija Filippini Italja Tuneżija Olanda Jugoslavja Kanada Libja Ġordan Ingilterra 23.11.98
Leg 9 PQ #1082 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Rabat — Vjal il-Ħaddiem - Bar

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex ripetutament ġie rifjutat lil persuna li isimha qed jintbagħat separatament li jiftaħ bar fi Vjal il-Ħaddiem, Rabat meta ħdejh eżatt hemm: (a) ħanut tal-bejgħ ta' radiators fuq naħa (Licence 50/0415); (b) ħanut tal-bejgħ ta' Insurance fuq in-naħa l-oħra meta żewġ bibien 'il bogħod hemm: (i) Mini-market u greengrocer fuq naħa (licence 50/0514); (ii) ħanut ta' bejgħ ta' Hi-fi fuq in-naħa l-oħra (licence 50/0120); meta dan hu ħanut għal skop ta' local use meta effettivament parti mill-ħwienet l-oħra m'humiex għal użu ta' konsum lokali. Jista' l-Ministru jara li applikazzjoni TL/A/74/93 tal-26/10/1993 tiġi approvata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet rifjutata darba biss, fuq rakkomandazzjoni tat-Tribunal ta' Appelli dwar Liċenzji tal-Pulizija. Ninsab infurmat ukoll illi l-applikant kien anke ressaq l-ilment tiegħu quddiem l-Ombudsman, li stabbilixxa l-fatti u rriżulta li ma kienet saret l-ebda rregolarita' jew diskriminazzjoni kontra l-applikant. L-applikant kien ġie nfurmat b'dan permezz ta' ittra li ġġib id-data ta' l-14 ta' Ottubru, 1996. 23.11.98
Leg 9 PQ #1314 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — Taħriġ għal major disasters

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jorganizza taħriġ koordinat bejn l-armata, il-pulizija u d-dipartiment tas-Saħħa fuq major disasters kif ġieli sar fil-passat?

Response (BORG, TONIO)

Il-quddiem hemm il-ħsieb li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jorganizza taħriġ koordinat fuq l-art u fuq il-baħar bejn id-Dipartimenti li jkunu meħtieġa jagħtu s-sehem tagħhom f'każ ta' diżastri kbar. Dan hemm il-ħsieb li jsir wara li jasal it-tagħmir ta' salvataġġ ordnat, kif ukoll wara li jiġu mpjegati mad-Dipartiment, it-Trainee u Assistance Rescue Officers li preżentament waslu fit-tmiem tal-kors tagħhom. 23.11.98
Leg 9 PQ #1350 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern

Birkirkara — Esproprjazzjoni ta' art

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb ta' esproprjazzjoni ta' art li tmiss ma' Juniper Lane, f'Birkirkara?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta' l-Artijiet ma għandu l-ebda talba għall-esproprjazzjoni ta' art li tmiss ma' Juniper Lane, f'Birkirkara. 23.11.98
Leg 9 PQ #1415 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta' persuni li qed jinżammu fir-residenza ta' Kordin bl-ordni tal-qrati u qed jistennew li jgħaddu ġuri? Kemm ilhom miżmuma f'Kordin f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fit-18 ta' Novembru, 1998, in-numru ta' priġunieri li kienu miżmuma taħt arrest preventiv fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien ta' 86, filwaqt li 8 priġunieri oħra, taħt arrest preventiv ukoll, kienu bil-Prison Leave mal-Caritas. Wieħed ma' jistax jgħid kemm huma dawk li finalment ser jgħaddu ġuri. Il-każijiet ta' wħud minnhom għadhom fi stadju ta' kumpilazzjoni, filwaqt li ta' l-oħrajn, għalkemm il-kumpilazzjoni ntemmet, għad ma kienx hemm deċiżjoni dwar jekk il-każ tagħhom għandux jinstema' quddiem ġuri jew le. Ninsab infurmat ukoll, li t-tagħrif dwar kemm dawn il-94 priġunier ilhom miżmuma taħt arrest preventiv, hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 23.11.98
Leg 9 PQ #1417 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każi ta' hold-ups

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati hold-ups matul din is-sena f'kull xahar? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 23.11.98
Leg 9 PQ #1466 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Żurrieq — Zona industrijali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1132 u ċioe' l-aħħar parti ta' l-istess mistoqsija, in-vista tar-risposta hemm mogħtija, jista' l-Ministru jgħid meta din il-fabbrika ġiet mogħtija l-liċenzja sabiex timmanifattura r-ravjul, tortellini, lasagna u xogħol ieħor ta' l-għaġin; (ii) mil-liema awtoritajiet ġiet hekk liċenzjata; (iii) meta bdiet topera din il-fabbrika; (iv) jekk din il-fabbrika kelliex permess mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-liċenzja li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, inħarġet mill-Pulizija fi Frar 1996 wara li kien inħareġ permess mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal bdil ta' użu għall-istess fond f'Lulju 1994. Ninsab infurmat ukoll li l-Pulizija ma żżommx rekord dwar meta fond jibda jiġi wżat wara li tkun ħarġet il-liċenzja neċessarja. 14.11.98
Leg 9 PQ #1512 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Shopping Patterns Survey

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja jew executive summary tax-Shopping Patterns Survey ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport mitlub mill-Onor. Interpellant. 23.11.98
Leg 9 PQ #1513 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Għarghur — Triq San Nicola - Patrols

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru patrols regolari fil-Għargħur in partikolari quddiem il-playing field fi Triq San Nicola u dan minħabba possibbilta' ta' abbuż ta' drogi, storbju, eċċ.?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa. 23.11.98
Leg 9 PQ #1537 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Binġemma — Barriera

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien li wassal li l-barriera ta' Binġemma fil-limiti tan-Naxxar wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet reġgħet bdiet taħdem u beda jitqatta' l-blat? Jista' l-Ministru jgħid jekk mit-twaqqif tagħha li huwa ben notat mis-sindku tan-Naxxar, kien hemmx xi ordni oħra u possibbilment ħruġ ta' permess?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi m'hemmx barrieri f'Binġemma. 23.11.98
Leg 9 PQ #1545 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Għargħur — Main Street - Esportazzjoni ta' art

Question

Jista' l-Ministru jara li wara li saret l-esproprjazzjoni ta' art f'Main Street, Għargħur tal-familja Borg u li d-dokumenti neċessarji għal prova tat-titolu tagħhom lill-Kummissarju ta' l-Artijiet saret, jista' jgħid meta l-Kummissarju beħsiebu jkompli l-proċedura spettanti biex wara tmien snin din il-familja tieħu l-prezz ta' l-art esproprjata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li għad ma ġietx provduta lid-Dipartiment ta' l-Artijiet, mill-familja konċernata, l-informazzjoni neċessarja biex tiġi stabbilita' l-provenjenza ta' l-art li għaliha qed jagħmel referenza l-Onor. Interpellant. 23.11.98
Leg 9 PQ #1572 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Fire Brigade - Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk infetħitx inkjesta dwar l-irregolaritajiet li allegatament saru fl-eżamijiet li għamlu l-uffiċjali tal-Fire Brigade tal-Pulizija biex jissieħbu fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili?Jekk le, hijiex se ssir inkjesta u meta?

Response (BORG, TONIO)

Ir-risposta għall-ewwel mistoqsija hija fin-negattiv. Dwar it-tieni mistoqsija wieħed għad irid jara jekk hux il-każ li tinfetaħ inkjesta. 23.11.98
Leg 9 PQ #1573 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pieta' — Ftuħ ta' għassa

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet bejn il-Kunsill Lokali ta' Tal-Pieta' u l-Pulizija dwar il-ftuħ ta' għassa ġdida f'Tal-Pieta'?

Response (BORG, TONIO)

Saret laqgħa bejni u l-Kunsill Lokali ta' G'Mangia/Pieta' dwar dan is-suġġett. Ġiet dikussa l-possibilita' li l-post tal-Għassa jingħata mill-Kunsill Lokali, u l-Pulizija jallokaw membri tal-Korp. Deċiżjoni tittieħed malli jkun possibli li wieħed jalloka Pulizija f'dan il-lokal. 23.11.98
Leg 9 PQ #73 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Vetturi liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' vetturi, karozzi, tractors, eċċ liċenzjati mill-pulziija f'Malta u f'Għawdex fil-mument? Jista' l-Ministru jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar għaxar snin sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat. 18.11.98
Leg 9 PQ #132 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Allowances

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jirċievu xi forma ta'allowance mill-5 ta' Settembru, 1998? Min huma u xi grad għandhom? F'liema diparitment jew sezzjoni qegħdin? Għal-liema raġuni qed tingħata l-allowance lil kull wieħed jew waħda minnhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li sa issa m'hemmx impjegati fid-dekasteru tiegħi li bdew jirċievu xi forma ta' 'allowance' mill-5 ta' Settembru, 1998. 18.11.98
Leg 9 PQ #1038 Sitting 13 1998-11-18 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Bini ta' dar għall-anzjani f'Bormla

Question

Jista'l-Ministru jgħid x'kienu l-kundizzjonijiet marbuta mal-bdil ta' biċċa art fl-area fejn qed tinbena d-dar ta' l-anzjani f'Bormla? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ffirmat bejn il-Gvern u l-Knisja għal dan l-istess bdil?

Response (BORG, TONIO)

Il-kundizzjonijiet marbuta mal-bdil ta' biċċa art fl-'area' fejn qed tinbena d-dar ta' l-anzjani f'Bormla huma dawk li jidhru fil-kuntratt bejn il-Knisja u l-Gvern li jġib id-data tas-6 ta' Awissu, 1997, u li tiegħu qiegħed inpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra. 18.11.98