B'referenza għall-parkeġġ fil-Belt, jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' parking bays
i) riservati għar-residenti tal-Belt 24 siegħa (ħodor);
ii) riservati għar-residenti tal-Belt bil-lejl (blu);
iii) riservati għal persuni b'diżabilità jew għal raġunijiet oħra (sofor);
iv) riservati għall-karozzi uffiċjali tal-gvern;
v) riservati għall-karozzi tal-ministeri;
vi) in-numru ta' parking bays għal kulħadd fl-area tas-CVA, jiġifieri kemm hemm parking bays bojod; u
vii) in-numru ta' parking bays fil-Belt iżda 'l barra mis-CVA charging zone?
Jista’ jipprovdi mappa ta' fejn jinstabu dawn il-parkeġġi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont survey li sar minn Transport Malta bejn Awissu u Settembru 2013, l-allokazzjoni ta’ parking bays, kemm dawk f’toroq pubbliċi kif ukoll ġewwa spazji ta’ parkeġġ (parking areas) fil-Belt Valletta huma hekk kif ġej:
i) parking bays riservati għar-residenti tal-Belt 24 siegħa (ħodor) – 215 fiż-żona tas-CVA u 107 ‘il barra miż-żona tas-CVA;
ii) parking bays riservati għar-residenti tal-Belt bil-lejl (blu) – 567 fiż-żona tas-CVA u 10 ‘il barra miż-żona tas-CVA;
iii) parking bays riservati għal disabled jew raġunijiet oħra* (sofor) - 154 fiż-żona tas-CVA u 49 ‘il barra miż-żona tas-CVA;
iv) parking bays riservati għall-karozzi uffiċjali tal-gvern - 2 fiż-żona tas-CVA u 30 ‘il barra miż-żona tas-CVA;
v) riservati għall-karozzi tal-ministeri - 37 fiż-żona tas-CVA u 84 ‘il barra miż-żona tas-CVA;
vi) parking bays għal kulħadd (bojod) fl-area tas-CVA – 629;
vii) parking bays fil-Belt iżda 'l barra mis-CVA charging zone – 896
* jinkludi loading / unloading bays, kaxxi ta’ parkeġġ għal taxis, electric cabs u karozzini. Apparti minn hekk hemm 284 kaxxa ta’ parkeġġ safra mmarkata bħala Keep Clear ġewwa ż-żona tas-CVA u 36 ‘il barra miż-żona tas-CVA.
Hemm ukoll 55 parkeġġ fiż-żona tas-CVA assenjati għal muturi u 6 parkeġġi ‘il barra miż-żona tas-CVA.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra pjanta li turi l-allokazzjoni ta’ dawn il-parking bays fil-Belt Valletta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xufier/a impjegat/i ma' uffiċjali għolja tal-Awtorità tat-Trasport humiex intitolati għal spazju ta' uffiċċju u laptop fl-uffiċini ta' Trasport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi spazju f’uffiċċju u kompjuter jitqiesu bħala elementi bażiċi iżda essenzjali li ħaddiem għandu jkun ipprovdut bihom biex jagħmel xogħlu.
Transport Malta — post ta' corporate services director
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għall-post ta' corporate services director f’Transport Malta ħierġa internal call u mhux internal u external call? Veru li diġà hemm persuna identifikata għal dan il-post li diġà taħdem mat-Transport Malta u l-call for application ħierġa sempliċiment bħala proċedura? Kif se jkun aċċertat illi se tingħażel l-aktar persuna kkwalifikata u addattata għal dan il-post jekk mhux se jingħata ċans lil kull persuna li tħossha idonea għal dan il-post tapplika?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sejħa għall-applikazzjonijiet hija ta’ Chief Officer – Corporate Services (mhux Corporate Services Director). Hija prassi fi Transport Malta li tingħata opportunita’ lill- impjegati tagħha sabiex japplikaw għall-vakanzi fi ħdanha. Naċċerta lill-Onorevoli Interpellant li ma hemm l-ebda persuna identifikata għall-dan il post u għalhekk kull applikant li għandu l-kriterji meħtiega skond il-Job Description ser ikun kkunsidrat u evalwat għal dan il-post permezz ta’ interview. Jekk kemm il-darba ma tkunx identifikata persuna interna, ssir sejħa pubblika.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir il-parti t'isfel ta' Triq Batu ġewwa Ħaż-Żebbuġ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret minn uffiċjali ta’ Transport Malta, instab li l-manutenzjoni ta’ din it-triq taqa’ taħt ir-responsabilta’ tal-Kunsill Lokali. Għaldaqstant, nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien is-sehem tal-Gvern bħala Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali fit-twettiq tal-Proġett tal-Park tal-Familja fil-Mellieħa li ġie inawgurat aktar kmieni din is-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Niġbed l-attenzjoni lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi mhuwiex il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali iżda l-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura.
Jista’ l-Ministru jgħid f’kemm-il porzjon ġew maqsuma x-xogħlijiet f’Dock 1 f’Bormla? X’inhu l-valur tax-xogħol ta’ kull porzjon? Liema porzjonijiet qed isiru mill-Works Division u liema porzjonijiet qed isiru mill-kuntratturi? Għal dawk il-porzjonijiet li qed isiru mill-kuntratturi, min hu l-kuntrattur għal kull porzjon? Għal dawk il-porzjonijiet li qed isiru mill-ħaddiema tal-Gvern, kemm-il ħaddiem tal-Gvern hemm fuq kull porzjon u xi grad/sengħa għandu kull ħaddiem? Għal kull porzjon tax-xogħol, fiex wasal ix-xogħol preżentement, u meta hu maħsub li jiġi ffinalizzat kull porzjon tax-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Nibda billi ninforma lill- Onor. Interpellant li l-proġett ta’ Baċir Numru 1 ta’ Bormla kien ilu mwiegħed mill-Gvern preċedenti sa mill-1996 bid-data li suppost kellu jinbeda tkun dik ta’ Marzu 2009. Bl-iskuża li n-negozjati fallew għal diversi drabi, ix-xogħol fuq dan il-proġett ittardja. Il-Gvern ta’ dak iż-żmien iktar kien moħħu li joħroġ it-tenders milli jagħmel ix-xogħol. Dan wassal sabiex il-proġett inbeda f’Jannar tal-2011 u kien imwiegħed li jitlesta f’ Novembru tal-istess sena, iżda din il-wegħda reġgħet għal darb’oħra ma nżammitx. F’Marzu 2012 tkeċċa l-kuntrattur minħabba dewmien u inkonvenjenzi kbar bejn Triq Santa Tereża u x-Xatt ta’ Bormla bir-riżultat li l-proġett għal darb’oħra reġa ittardja.
B’konsegwenza ta’ dan kollu, Gvern Laburista minnflok sab proġett lest kif kien ilu jiġi mwiegħed sab li :-
· Ma kien hemm ebda pjan ta’ kontinġenza għat-traffiku
· Ix-xogħol kien miexi bil-mod ħafna mingħajr ippjanar adegwat
· Ma kienx hemm miżuri dwar saħħa u sigurta fuq il-post tax-xogħol
· Ingħata tender ta’ ‘landscaping’ mingħajr ma kien hemm infrastruttura relata, fosthom ilma għat-tisqija.
· Ingħata tender ta’ dawl mingħajr ma kien hemm infrastruttura lesta
· Il-proġett kien qed jiġi ssorveljat b’site manager wieħed, li huwa umanament impossibli.
· Ma kienx qed isir monitoraġġ arkeoloġiku
· Toroq kienu qed jitlestew mingħajr ma ġew mgħoddija cables tal-Enemalta
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Gvern preżenti skont kif ġie mwiegħed fil-Programm Elettorali, fl-ewwel ftit ġimgħat tiegħu ħa ħsieb li :
· Jittieħdu miżuri biex tkun indirizzata s-saħħa u s-sigurta fuq il-post tax-xogħol u jsir it-tindif meħtieġ
· Isir xogħol fuq id-‘dunes’ mal-baħar bil-ħaddiema tal-Gvern u sub-contractors
· Sa nofs Mejju, jitlesta l-pavimentar fi Pjazza Paolino Vassallo
· Isir xogħol minn Triq ix-Xatt sa Pjazza Gavino Gulia biex nevitaw problemi ta’ għargħar. Ta’ min isemmi li din ma kinitx parti mill-progett u l-footprint tal-proġett tkabbret.
· Isir xogħol ta’ restawr ta’ ġiebja fl-area ta’ Santa Tereza bil-ħaddiema tal-Gvern.
· Jiġu mgħoddija cables tal-Enemalta biex iservu lill-bini l-antik ta’ faċċata fil-futur – il-British building u n-Knights building, kif ukoll servizzi tal-GO biex ma terġax issir il-ħsara li saret.
· Sar xogħol fit-triq sal-area tal-Bieb tad-Daħla tal-Birgu sabiex tikkumplimenta it-triq il-ġdida.
Dawn ix-xogħlijiet saru fil-perjodu sakemm ġew approvati il-kumplament tax-xogħlijiet li ser ikunu iffinanzjati mill-Fondi Ewropej. B’hekk ma nħlitx anqas ġurnata waħda ta’ xogħol fuq dan il-proġett.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dettaljat bl-informazzjoni kollha mitluba mill- Onor. Interpellant.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3671, jirrikonoxxi l-Ministru li l-ispejjeż marbuta mal-għoti ta' wiċċ ġdid lit-triq li tagħti għal Għar Lapsi huma sostanzjali sabiex jagħmel tajjeb għalihom il-Kunsill waħdu? Ma jidhirlux il-Ministru li peress li din hija żona turistika, il-Gvern għandu jgħin u jintervjeni sabiex il-bajja ta' Għar Lapsi tkun aktar aċċessibbli?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jerġa' jirreferi għar-risposta li tajt fil-mistoqsija Parlamentari Numru 3671.
Jista’ l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet neċessarji fuq trejqa li tinsab biswit l-għelieqi bejn Triq Pietru Felici, Ħal Qormi, u li tagħti għal Triq Għar Ram, Ħaż-Żebbuġ, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u hija ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti Qriema li jgħaddu minn dawn l-inħawi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din it-talba ġiet innutata.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-bus terminus tal-Arriva jerġa’ jiġi Bieb il-Belt? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dan il-bus terminus jespandi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed isiru laqgħat mal-entitajiet kollha ikkonċernati biex jiġi deċiż x’għandu jsir fejn illum hemm l-area tal-bus terminus.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-Gvern Malti fl-esplorazzjoni għaż-żejt, f’liema żoni u kemm-il rig hemm lest għall-esplorazzjoni taż-żejt?
Response (MIZZI, JOE)
Iż-żoni licenzjati fuq Production Sharing Contract huma:
Phoenicia Energy Company Ltd fi Blokki 4, 5, 6, u 7 ta' Area 4;
Heritage Oil f'Area 2 u Area 7.
Iz-zoni licenzjati fuq
Exploration Study Agreement
huma:
Capricorn Malta Ltd u Melita Exploration Company Ltd - Blokki 1,2 u 3 ta' Area 3.
Phoenicia Energy Company Limited huma obligati li jhaffru bir esploratorju fl-ewwel kwart ta' 2014.
Jista’ l-Ministru jgħid hemmx ippjanat aċċessibilità għall-parti ta’ fuq tal-Belt, fejn bħalissa l-aċċess huwa biss minn Triq San Mark? Jekk hemm pjan għal alternattiva oħra, jista’ jagħmel referenza meta u kif se jsir l-aċċess il-ġdid għan-naħa ta’ fuq tal-Belt Valletta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa Transport Malta qiegħda fil-proċess li tevalwa alternattivi oħra għall-aċċessibilità għall-parti ta’ fuq tal-Belt Valletta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il parking space huwa meħud mid-dipartimenti tal-Gvern fuq l-ewwel distrett, dawk fil-Belt Valletta, fil-Furjana, fil-Marsa, fil-Ħamrun, Santa Venera kif ukoll f’Tal-Pietà?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Niġbed l-attenzjoni li minn total ta’ 51 Reserved Parking Bay meħudha mid-dipartimenti tal-Gvern fuq l-ewwel distrett f’toroq pubbliċi, hija waħda biss li ġiet approvata wara Marzu tal-2013, il-ħamsin l-oħra kollha kienu ġew approvati qabel is-sena 2013.
Delimara – għawm fil-bajja quddiem il-power station
Question
Jista’ l-Ministru jispjega r-raġuni għala twaħħlu tabelli biex ma jsirx għawm mal-bajja li tinsab quddiem id-daħla tal-power station ta’ Delimara?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li dawn it-tabelli ma twaħħlux minn Transport Malta. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema triq kien qed jirreferi meta reċentement stqarr pubblikament “li l-flus li kienu se jintefqu fuq triq fil-Mellieħa, issa ġie deċiż li jintefqu fuq proġett ieħor” li ma kienx fil-lokalità tal-Mellieħa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-istqarrija li għamilt fi Triq Melita fil-Belt Valletta, kont għidt li l-flus li ntefqu biex reġgħet saret Triq Melita kieku bihom konna nagħmlu żewġ toroq oħra minflok li erġajna qlajna triq ġdida wara sentejn.
Jien kont tajt eżempju ta’ Triq Pawlu Mallia fil-Gudja u Triq l-Istasija fil-Mellieħa. Dawn kienu biss eżempju tat-toroq li huma fil-programm ta’ toroq li jridu jsiru.
Naħseb li l-Onor. Interpellant jiddeplora l-fatt li Triq Melita kellha terġa tinqala’ u ssir mill-ġdid bi spejjeż għall-poplu Malti u jaqbel miegħi li kieku dawn il-flus setgħu intefqu biex isiru toroq oħrajn bħall-eżempji li tajt jiena fl-istess stqarrija imsemmija.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li sad-9 ta’ Settembru 2013, ix-xogħol fuq Triq il-Mellieħa fil-Manikata ilu wieqaf għal numru ta’ ġimgħat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq il-Mellieħa Manikata kellhom jieqfu minħabba li Transport Malta qed tistenna direzzjoni mingħand il-Water Services Corporation rigward shifting ta’ main ta’ drenaġġ li jaqsam minn ġewwa l-parkeġġ eżistenti maġenb din it-triq. Barra minn hekk, qegħdin isiru konsultazzjonijiet mal-MEPA biex isiru emendi rigward linji tat-triq biex ikun hemm immaniġġjar aħjar tat-traffiku f’din l-istess triq. Bħalissa qegħdin isiru wkoll xi xogħlijiet ta’ bini ta’ ħitan madwar it-triq.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk bħala parti mill-proġett ta’ Bieb il-Belt, kif imfassal mill-Gvern preċedenti, qatt kienx hemm ippjanat xogħol fuq il-foss ta’ taħt Bieb il-Belt ? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx stimi ta’ kemm jiġi jiswa dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permess maħruġ mill-MEPA jinkludi t-tisbieħ u l-użu tal-foss biex jinġabar l-ilma tax-xita sabiex jintuża bħala “second class water” għall-użu tal-parlament kif ukoll għat-tisqija. Il-pjan oriġinali kien jinkludi ukoll li l-foss jiġi mibdul fi ġnien. Dan ix-xogħol kien oriġinarjament stmat li ser jiswa €1.9 miljun li kienu jagħmlu parti mit- €80 miljun mogħtija minn Malita plc
Peress li l-proġett tad-daħla tal-Belt u bini tal-Parlament spiċċa jeħtieġ aktar fondi, il-flus mgħoddija minn Malita plc m'humiex suffiċjenti biex issir din il-parti tal-proġett.
Għaldaqstant, preżentament qed issir evalwazzjoni dwar l-aħjar użu għal din il-parti tal-Belt.
Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex ħsara fil-ġibjun iż-żgħir li jinsab fil-viċinanzi ta' Tas-Silġ u li ilu jiġi rrappurtat aktar minn sitt ġimgħat, u dan b'detriment għall-bdiewa tal-inħawi jiġi msewwi mingħajr aktar dewmien? Jista’ jinvestiga x'inhi r-raġuni għal dan id-dewmien meta normalment ħsara simili kienet tissewwa f'qasir żmien?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-sala plenarja fil-Parlament il-ġdid mhux se ssir fil-forma ta' hemicycle, meta dan kien issemma’ bħala wieħed mid-differenzi u l-vantaġġi meta mqabbel mas-sitwazzjoni preżenti? Min ħa tali deċiżjoni u għaliex?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Renzo Piano Building Workshop (RPBW) bħala diżinjaturi tal-parlament il-ġdid, kienu pproponew li s-sala plenarja fl-istess bini issir fil-forma ta’ hemicycle fil-bidu tal-proġett. Din il-proposta ġiet mibdula mill-Gvern tal-ġurnata peress li l-Parlament Malti dejjem segwa t-tradizzjoni ta’ Westminster liema tradizzjoni għadha tiġi ipprattikata fil-Parlament Malti sal-lum.
Jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni meta se jinbidlu d-dwal tal-mini ta' Triq Reġjonali u dan ħalli jitneħħa l-periklu li jeżisti, peress li meta tkun ħafna xemx x'ħin tidħol fil-mina tidħol fi dlam ċappa bil-konsegwenza li jista’ jkun hemm inċidenti gravi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li Transport Malta għadha kif aġġudikat tender għat-tibdil ta’ bozoz, u tindif jew tibdil ta’ fanali li jeżistu fil-mina ta’ taħt l-Università tal-Qroqq. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jibdew f’Awwissu li ġej.