Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #6254 Sitting 101 1999-05-18 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Marsa — Qormi Road - Traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru lights (flash) fuq zebra crossing ta' Triq Qormi, Marsa, quddiem dar Numru 135, minħabba l-urġenza tal-każ peress li t-talba ilha tiġi mitluba?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta` l-Onorevoli Interpellant qed tiġi ikkunsidrata flimkien ma` talbiet oħra.
Leg 9 PQ #6924 Sitting 101 1999-05-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Importazzjoni ta' tiġieġ

Question

Jista' l-Ministru jinformani kemm kienu f'tunnellaġġ il-kwantitajiet ta' tiġieġ sħaħ importati minn kumpaniji lokali u li ġew eżentati mil-levy matul il-perijodu ta' Ottubru 1998 sa Mejju 1999? Kemm kienu l-istess tunnellaġġi fuq prodotti oħra tat-tiġieġ proċessati għall-perijodu ta' Ottubru 1998 sa Mejju 1999?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #6925 Sitting 101 1999-05-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Poultry Produtcs — Importazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 6284?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-eżenzjoni mill-ħlas tal-levy fuq il-prodotti msemmija ngħatat peress li dawn kienu ddaħħlu f`Malta biex jiġu re-esportati. Minħabba raġunijiet tekniċi, dawn il-prodotti ma setghux jiġu re-esportati u għalhekk parti mill-kunsinna ġiet mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-karita` u l-parti l-oħra inbiegħet għall-benefiċċju tal-komunita` musulmana f`Malta peress li kienu `halal slaughtered` u markati tali. Tajjeb jingħad li peress li saru allegazzjonijiet ta` korruzzjoni dwar din il-materja, il-gvern immedjatament ħa l-passi xierqa u opportuni billi rrifera l-każ lill-awtoritajiet ikkonċernati.
Leg 9 PQ #6220 Sitting 100 1999-05-18 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Raħal Ġdid — Dawl fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jara li titwaħħal bozza ħdejn il-flats tal-Paola Wolves ġewwa Raħal Ġdid, peress li l-kunsill ilu jagħmel din it-talba mit-twaqqif tiegħu?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Leg 9 PQ #6679 Sitting 100 1999-05-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Piloti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, ma ntgħażlitx għall-pilota ma' l-Air Malta meta għandha l-kwalifiki meħtieġa tant li ntgħażlu studenti tagħha li tgħallem hija stess? X'inhuma r-raġunijiet li din il-persuna tħalliet barra?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-persuna li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant ma kkwalifikatx għal ~trainee pilot~. Filwaqt li ma jidhirlix li jkun xieraq li nagħti r-raġunijiet għal dan, nista` ngħid li l-persuna kkonċernata taf x`inhuma dawn ir-raġunijiet.
Leg 9 PQ #6690 Sitting 100 1999-05-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta/WSC — Kontijiet

Question

Peress li l-persuna "A", li isimha qed jiġi ndikat separatament mietet f'Awissu li għadda, għaliex il-korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għadhom jibgħatu l-kontijiet lill-persuna "B", li isimha qed jintbagħat separatament minkejja li ilhom ix-xhur avżati li l-peruna "A" mietet? Għaliex il-korporazzjonijiet huma ineffiċjenti anke f'xi ħaġa żgħira bħal din?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra wara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta` l-Ilma tkun stħarrġet il-każ.

Pet Shops — Bejgħ ta' pets

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx biż-żieda fil-prezzijiet fil-bejgħ ta' pets minn pet shops? Jista' jgħid x'tip ta' monitoring qed isir mid-dipartiment rispettiv f'dan ir-rigward?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta ma rċieva l-ebda ilment dwar xi ksur tal-liġi fis-settur tal-bejgħ ta' pets. L-Uffiċċju msemmi ma jimmonitorjax dan is-suq partikolari.

WSC — Servizz

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed iżomm lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma milli tipprovdi s-servizz ta' l-ilma lill-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ilha x-xhur li applikat għas-servizz fl-inħawi fejn għandha l-għelieqi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-inħawi fejn saret l-applikazzjoni biex jiġi nstallat servizz ġdid ta` l-ilma jinsab madwar mitt metru `l bogħod minn fejn hemm il-mejn tad-distribuzzjoni ta` l-ilma. Infurmat ukoll li l-applikanti qed jikkunsidraw jidħlux għall-ispejjeż involuti biex isir ix-xogħol.
Leg 9 PQ #6862 Sitting 99 1999-05-17 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Xiri ta' djar — Commercial bank loans

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-commercial bank loans fuq xiri ta' djar fl-1998?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Commercial Bank Loans fuq xiri ta` djar sal-31 ta` Diċembru 1998 kien jammonta għal Lm195.0 miljun lira kif jiriżżulta mit-tabelli 1.13 u 1.14 tal-Quarterly Review għal Marzu 1999 tal-Bank Ċentrali ta` Malta.

Qormi — Triq il-Milied - Telephone box

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju tal-bżonn ta' telephone box fl-inħawi ta' Triq il-Milied, f'Ħal Qormi? Jekk iva, meta se tiġi nstallata?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-uffiċjal responsabbli mill-cardphones fil-Maltacom ser jieħu l-opinjoni tal-Kunsill Lokali ta' Ħal-Qormi dwar il-ħtieġa ta' cardphone fl-inħawi tat-triq imsemmija.

Qormi — Triq il-Milied - Letter box

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju tal-bżonn ta' letter box fl-area relattivament ġdida fl-akwati ta' Triq il-Milied, f'Ħal Qormi? Jekk iva, meta huwa ppjanat li din tiġi nstallata?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ir-residenti ta' l-akwati ta' Triq il-Milied f'Ħal-Qormi jistgħu jagħmlu użu minn żewġ kaxxi ta' l-ittri li hemm fil-qrib ta' l-inħawi. Waħda minn dawn il-kaxxi ta' l-ittri tinsab f'Misraħ San Franġisk u l-oħra fil-Qasam tad-Djar tal-Blat. Dawn iż-żewġ kaxxi ta' l-ittri jinsabu madwar 350 metru bogħod mill-lokalita' imsemmija. Fiċ-ċirkostanzi ma jinħassx il-bżonn ta' kaxxa ta' l-ittri fl-inħawi ta' Triq il-Milied.
Leg 9 PQ #6180 Sitting 98 1999-05-17 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Zabbar - Triq Bursett

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li fi Triq Bursett, Zabbar jidħol il-main ta' l-ilma biex ir-residenti l-ġodda jkunu jistgħu jdaħħlu għall-ewwel darba dan is-servizz?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma bħalissa qed twettaq proġett ta' installazzjoni ta' tlett kilometri ta' mejnijiet ġodda ta' l-ilma f'Ħaż-Żabbar. F'dan il-programm ta' xogħolijiet hemm inkluża Triq Bursett.
Leg 9 PQ #6181 Sitting 98 1999-05-17 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Malta Shipbuilding — Ħaddiema

Question

Jista'l-Ministru jgħid jekk daħlux ħaddiema jaħdmu fil-Malta Shipbuilding mill-5 ta' Settembru sal-lum? Jekk iva, ta' liema grad u kemm għandhom salarju?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija numru 5535.
Leg 9 PQ #6203 Sitting 98 1999-05-17 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarxien — Triq Annunzjata - Cable tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li cable tad-dawl perikoluż fi Triq Annunzjata, Tarxien minn Triq it-Tarzna sa Triq Lampuka jinbidel peress li huwa mikxuf?

Response (BONNICI, JOSEF)

Għalkemm il-cable tad-dawl in kwistjoni ma joħloqx periklu, xorta waħda għandu jinbidel flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.

IPSE — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-IPSE, mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (BONNICI, JOSEF)

Matul il-perijodu msemmi ġew impjegati 4 ħaddiema ġodda ma` l-IPSE. Dawn il-ħaddiema ġew ingaġġati wara li ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi.

MDC — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-MDC, mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjoniet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi impjieg?

Response (BONNICI, JOSEF)

Matul il-perijodu msemmi ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda mal-M.D.C.
Leg 9 PQ #6849 Sitting 98 1999-05-17 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Zabbar — Triq il-Luq - Power lines

Question

B'riferenza għall-każ Ref No. 325/92/98 dwar rerouting ta' power lines fi Triq il-Luq, Zabbar u li ilu pendenti mill-10 ta' Lulju 1998, possibbli li l-Korporazzjoni Enemalta fl-aħħar tieħu passi u ma tibqax tgħaddi aktar biż-żmien lil dan il-klijent li hu bniedem anzjan u li dawn il-power lines qed ikunu ta' periklu għalih u għall-familja tiegħu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li x-xogħol biex isir re-routing fit-triq imsemmija waqa` lura minħabba diffikultajiet amministrattivi. Dawn il-problemi issa ssolvew u x-xogħol mistenni jibda f`qasir żmien.

UE — Screening process

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li fl-oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu qed jieħdu sehem fl-iscreeming process ta' l-Unjoni Ewropea? X'taħriġ u formazzjoni ngħataw dawn il-persuni biex ikunu nformati sew bid-deċiżjonijiet, direttivi, riżoluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej u dan fir-rigward ta' l-oqsma differenti li jaqgħu taħtu li jkollhom jadottaw irwieħhom għalihom minħabba l-applikazzjoni għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea?

Response (BONNICI, JOSEF)

Hemm diversi persuni li ġejjin kemm mis-Servizz Pubbliku kif ukoll mis-Segretarjat li huma nvoluti f`dan il-proċess. Ma jidhirlix li jkun għaqli li f`dan l-istadju nidentifika lill-individwi b`isimhom, speċjalment meta diversi persuni fis-Segretarjat u fil-Korporazzjonijiet jagħtu sehem fl-oqsma partikolari tagħhom kif ikun hemm bżonn. Tajjeb jingħad li qed nikkunsidraw ukoll li nutilizzaw konsulenti esperti f`dan il-qasam, speċjalment f`setturi partikulari li jirrikjedu ċerta esperjenza li mhux bilfors issibha fil-Ministeru, Segretarjat jew Korporazzjonijiet.
Leg 9 PQ #5528 Sitting 96 1999-05-12 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Port Ħieles — Equipment operators

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk fil-Freeport Terminal qatt ħarġet vakanza għal equipment operators għax-xahar ta' Marzu 1999? Jekk iva, għaliex individwi rċevew karta li issa dan ir-reklutaġġ ġie mwaqqaf wara li bagħtu għalihom għall-interview? Hemm il-ħsieb li jerġa' jinfetah? Jekk iva, se jibgħatu għal dawk il-persuni li bgħatu għalihom għall-interviews ma' l-ETC?

Response (BONNICI, JOSEF)

Dwar l-ewwel u t-tieni parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija numru 5411 mogħtija fis-seduta numru 75. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija nixtieq ninforma li hija l-proċedura stabbilita f'azjendi parastatali, inkluż il-Port Ħieles, li biex isir reklutaġġ, l-ewwel issir talba lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ.