Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il spezzjoni saret sabiex jiġi spezzjonat l-livell ta' sigurta' fuq il-post tax-xogħol matul Jannar u Frar, 2000?
X'rakkmandazzjonijiet saru u jekk ġewx immullati xi kumpanniji, fuq liema raġunijiet ġew imħarka?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Spetturi tat-Taqsima Saħħa u Sigurta' fuq ix-Xogħol għamlu 86 u 100 spezzjoni ta' postijiet fejn ikun qed isir xi xogħol f'Jannar u fi Frar rispettivament.
Ir-rakkomandazzjonijiet li saru jvarjaw skond in-natura tax-xogħol li jkun qed isir, u jinkludu rakkomandazzjonijiet verbali, kif ukoll bil-miktub. Fil-fatt il-maġġor parti ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet isiru waqt il-ħin tal-ispezzjoni, u allura ma tinżammx statistika dwar in-numru totali, jew in-natura proprja tar-rakkomandazzjonijiet li jsiru.
F'kull każ min ikun qed jirċievi struzzjonijiet jingħata ċans u ħin biex jirranġa s-sitwazzjonijiet indikati lilu; il perjodu indikat minn Spettur biex fih jitwettqu dawk ir-rakkomandazzjonijiet li jkunu saru, jvarja ħafna - jingħataw rakkomandazzjonijiet li jkunu jesiġu implimentazzjoni mmedjata, iżda jingħataw oħrajn li jkunu jeħtieġu "time frame" itwal, bħal per eżempju rigward bdil ta' apparat jew inġenji, l-introduzzjoni ta' jew tibdil f'sistemi ta' inġinerija (eż. ventilazzjoni eċċ.).
Taħrikiet ġeneralment joħorġu biss kontra dawk li jinjoraw l-ordnijiet ta' Spetturi. Għal din ir-raġuni, m'hux possibbli li wieħed jipprevedi kemm ser jinħarġu taħrikiet tul il-perjodu msemmi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinħarġu maisonettes, flats, plots eċċ mill-gvern għall-koppji żgħażagħ u familji? Jista' jgħid kif dawn se jinħarġu jekk hux b'xiri, b'kiri jew b'xi skemi oħra? Meta se jinħarġu l-imsemmija djar, flats, maisonettes eċċ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fix-xahar ta' April, l-Awtorita' tad-Djar ser toħroġ sejħa għal-applikazzjonijiet għall-bejgħ ta' maisonettes u flats f'diversi lokalitajiet f'Malta u Għawdex.
Ukoll, fi ftit żmien ieħor ser joħorġu numru ta' postijiet għal kiri. Dawn ser jingħataw lil dawk l-applikanti li huma bl-ogħla punti fuq il-lista tad-Dipartiment għall-Akkommodazzjoni Soċjali, b'numru ta' membri fil-familja u skond in-numru ta' kmamar tas-sodda li jkollu l-appartament.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinħoloq xi koperattiva oħra?
X'qed jagħmel il-gvern biex iħajjar ħaddiema fis-Servizz Pubbliku biex jiffurmaw koperattiva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-futur qarib sejrin jitwaqqfu ħames koperattivi ġodda.
Fir-rigward tal-Koperattivi fis-Servizz Pubbliku, il-Bord tal-Koperattivi qiegħed fil-proċess li jorganizza laqgħat ma' persuni konċernati f'Dipartimenti tal-Gvern fejn matulhom jingħataw dettalji aktar speċifiċi. Permezz ta' dan huwa ttamat li l-uffiċjali fid-Dipartimenti jifhmu l-vantaġġi ta' dan it-tip ta' koperattivi fis-Servizz Pubbliku.
B'riferenza għall-aħħar domanda parlamentari fuq is-suġġett, jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju wasal il-proġett li partijiet mill-belt tal-Birgu jitwaqqgħu biex flokhom jinbnew djar moderni u komdi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Birgu m'hemm ebda proġett tat-tip indikat billi din il-belt hija waħda storika u kull intervent irid ikun b'mod sensittiv ħafna. Mhuwiex kunsiljabbli li jitwaqqgħu postijiet sħaħ tal-belt speċjalment billi b'hekk jintilef il-karattru tagħha. Sal-llum hemm proġett wieħed ta' tliet appartamenti f'Triq il-Papa Alessandru li ma jistax jibda qabel toħroġ l-inkwilina li fil-fatt ġiet provduta b'akkomodazzjoni alternattiva mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju kien wasal il-proġett tal-bini ta' 69 appartament ġewwa St. John Street, Bormla fl-15 ta' Marzu, 2000, u jistax ukoll fuq dan l-istess suġġett jinforma l-Kamra kemm intnefqu flus s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol strutturali fuq l-ewwel fażi ta' 22 unit jinsab fi stadju avvanzat u għandu jkun lest (ġebel u saqaf) fi ftit żmien ieħor. Ix-xogħol bil-finishing b'kollox għandu jitlesta' lejn l-aħħar tas-sena. Ix-xogħol fuq it-tieni fażi mistenni jibda' sena oħra hekk kif l-aħħar residenti li baqa' jiġu provduti b'akkommodazzjoni alternattiva.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'riparazzjonijiet u xogħol sejjer isir ġewwa l-kumpless tal-bini ġewwa Tal-Ħawli li hemm taħt il-Kunsill Lokali tal-Birgu tul din is-sena u kemm spejjeż huwa maħsub li se jiġu minfuqa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-Housing Estate kollu kemm hu, allura ngħarrfu li għadna kemm ħriġna l-offerti biex jitkaħħlu l-blokki minn barra. Dan ix-xogħol hu stmat li ser jiswa Lm4,025.00.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta persuna tiġi boarded out bħala invalid jew għal xi raġuni oħra, jiġi nformat id-Dipartiment tal-VAT li din il-persuna ma tkunx tista' tiġġestixxi xogħol bi qliegħ?
Kemm kien in-numru ta' persuni li nqabdu jaħdmu meta ġew dikjarati bħala invalid matul is-sena 1998/1999?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fatt li persuna tkun reġistrata mad-Dipartiment tal-Vat ma tipprekludihiex milli tikkwalifika għal Pensjoni ta' l-Invalidita' sakemm ma tkunx hi stess qed tagħmel xi xogħol bi qliegħ. Għaldaqstant id-Dipartiment qatt ma jinforma lid-Dipartiment tal-Vat meta persuna tikkwalifika għall-Pensjoni ta' l-Invalidita'. B'dana kollu id-Dipartiment minn żmien għal żmien jivverifika każi ta' persuni li jkunu ġew "boarded-out" bl-għajnuna tal-Korporazzjoni ta' l-Impiegi u t-Taħriġ u/jew istituzzjonijiet oħra.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija jiena nfurmat li d-Dipartiment ma jżommx l-istatistika mitluba minnu.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk il-persuna li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament hijiex se tieħu l-arretrati tal-ftehim kollettiv li sar mat-Tarzna ta' Malta?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li tkompli tiġi mwettqa l-wegħda li l-pensjonanti tas-servizzi jingħataw id-differenza fuq il-pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet tiegħi dwar dan is-suġġett fil-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 6278 u 12069.
Jista' l-Viċi Prim MInistru jagħti lista, lokal lokal, tal-persuni reġistrati għal akkomodazzjoni alternattiva mad-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali? Jista' jagħti wkoll r-raġuni għal kull applikazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex l-anzjana, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, kellha l-pensjoni tagħha mnaqqsa minn Lm132.60 għal Lm28.88 kull erba' ġimgħat, u dan wara li daħlet fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija tiegħu numru 15095. In-numru tal-Karta ta' l-Identita' ma taqbilx mal-persuna ndikata minnu. Jista' l-Onor. Membru jikkonferma n-numru korrett?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti r-raġuni/ijiet għal ħruġ ta' memo fl-20 ta' Marzu, fl-uffiċini ta' l-ETC ta' Bormla, fejn jingħad li ħadd ma jista' jieħu l-vacancies jekk mhux dawk li jkunu qed jirreġistraw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Memo li qed tirreferi għalih l-Onor. Membru hu ndirizzat lill-istaff tal-"Job Centres" tal-ETC u hu intenzjonat biex ma jsirux abbużi mis-sistema tal-vacancies li jkunu jidhru fil-"Job Centres".
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-applikazzjoni ta' maintenance li sar fl-1994 għal tibjid fi Blk B4 Housing Estate, Fgura ma sarx sal-ġurnata tal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif aktarx tifhem l-Onor. Interpellant, xogħol ta' tibjid tat-taraġ mhuwiex kunsidrat bħala prijorita'. B'hekk fl-ewwel snin li kien twaqqaf id-Dipartiment l-aktar li kkonsista kien fuq xogħolijiet aktar serji bħal bdil ta' soqfa u katusi perikolużi u xogħol ta' aperturi fil-komun. Issa li ġew eliminati l-agħar każijiet, id-Dipartiment beda programm ta' tibjid ta' tronob speċjalment dawk li ilhom approvati. Dak indikat mill-Onor. Interpellant fil-fatt ġie approvat f'April ta' l-1996 u għalhekk aktarx isir aktar tard.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14752, fejn jidher li l-kindergarten schools privati huma kkontrollati b'avviż legali 150 ta' l-1990 u minn kriterji preċiżi ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, jidhirlu l-Viċi Prim Ministru li dan għandu wkoll japplika għal day care centres privati li jidher li joperaw mingħajr regolamenti riġidi u preċiżi u li allura jistgħu jagħmlu dan il-prezz ferm irħass u li jista' jkun ta' dannu għal dawn it-tfal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali qiegħed fil-proċess li jistudja kemm hemm "child day care centres" privati u li jikseb informazzjoni fuq min imexxihom u dwar il-kwalita' ta' servizz li qed jingħata. F'dan il-mument iċ-"child day care centres" ma humiex marbutin ma' regolamenti fissi, iżda fl-abbozz tal-liġi tat-tfal hemm provedimenti għal regolamenti u liċenzjar ta' "child day care centres" sabiex jiġi assigurat servizz ta' kwalita' għat-tfal li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.
Fir-rigward tal-manutenzjoni u titjib fl-inħawi ta' Binja Vilhena fi Triq Preziosi, fil-Furjana, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid: (a) liema xogħlijiet tlestew; (b) kemm swew ix-xogħlijiet li tlestew; (ċ) liema xogħlijiet għadhom pendenti; u (d) kemm hu stmat li jiswew ix-xogħlijiet li għadhom pendenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta' "embellishment" ta' l-inħawi ta' Binja Vilhena huwa prattikament lest u jonqos biss li jitwaħħlu d-dwal u jiġu rranġati xi ħsarat li saru mill-kuntrattur. Fuq dawn ix-xogħolijiet, sal-lum tħallsu Lm70,000 waqt li hu mistenni li b'kollox dal-proġett jiġi jiswa Lm107,000.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ż-żieda għal għoli tal-ħajja mogħtija fl-aħħar budget ma ġietx miżjuda mas-ceiling għall-fini taċ-children's allowance, li fil-fatt baqa' Lm10,270 bħas-sena ta' qabel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Artikoli 90A u 90B ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jirregolaw dwar liema pensjonijiet, benefiċċji, għajnuniet u allowances għandhom jiżdiedu meta tingħata żieda għall-għoli tal-ħajja. Ir-rati taċ-Children's Allowances kif ukoll id-dħul massimu annwali li hemm stipulat fit-test tal-mezzi mhumiex regolati mill-artikoli msemmija. Din is-sena nħass li d-dħul annwali massimu ta' Lm10,270 hu adegwat u għalhekk m'għandux jiżdied.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn kienx hemm xi karozzi mikrija lill-ministeru jew xi entita' oħra li taqa'taħt id-dekasteru tiegħu, jew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, jew proprjeta' tal-ministeru jew ta' xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, li qed jintużaw minn individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegati mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid: (1) minn min qed jintużaw; (2) minn meta bdew jintużaw; (3) x'marka huma l-karozzi u meta nxtraw; (4) kemm swew fi flus Maltin; (5) xi kriterji ntużaw biex qed jintużaw minn min qed jintużaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nkriet u ma nxtrat l-ebda karozza mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn biex tintuża minn individwi li mhumiex uffiċċjali jew impjegati mal-Ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dikasteru tiegħu.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li fil-preżent qed jieħdu l-benefiċċju ta' l-għajnuna supplimentari? Jista' jgħid kemm fil-mument hemm applikazzjonijiet pendenti sabiex persuni oħra jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju ta' l-għajnuna supplimentari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm 30,896 persuna li qed jieħdu l-Allowance Supplimentari. Bħalissa hemm 205 applikazzjonijiet pendenti li kollha jonqoshom xi informazzjoni biex ikunu jistgħu jinħadmu u jinħareġ il-pagament.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' Maltin u Għawdxin li fil-mument jieħdu l-benefiċċji ta' l-SKA? Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' talbiet pendenti għal dan il-benefiċċju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li n-numru ta' Maltin u Għawdxin li fil-mument jinsabu jirċievu l-Għajnuna għal Mard huwa ta' 14,289. In-numru ta' talbiet pendenti huwa ta' 146.