Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #23055 Sitting 355 2016-02-15 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Salarju, Allowances u perkaċċi oħra ta’ persuna

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-mara tiegħu tieħux salarju, allowances perkaċċi bħal użu ta’ mobile, jew xi tipi ta’ remunerazzjoni oħra kwalunkwe mill-istat u jekk iva, kemm huma dawn l-ammonti u kemm tħallset bejn Marzu 2013 u Diċembru 2015?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tweġiba hija fin-negattiv. Il-mara tiegħi ma tieħux salarju, allowances jew xi tipi ta’ remunerazzjoni. Ngħarraf lill-Onor Interpellant li digà kienet saret mistoqsija simili għal dik imressqa minnu, li ġiet imwieġba fis-seduta 70 tal-4 ta’ Novembru 2013.
Leg 12 PQ #23056 Sitting 355 2016-02-15 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kastilja – Uffiċċju

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-mara tiegħu għandhiex uffiċċju f’Kastilja jew f’post ieħor minn fejn topera?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-mara tiegħi twettaq ix-xogħol minn postijiet varji, skont il-ħtieġa, u m’għandix uffiċċju/post fiss.
Leg 12 PQ #23196 Sitting 355 2016-02-15 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ex-ħaddiema taċ-Ċivil – ħlas taż-żieda tal-collective agreement lil pensjonanti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 20197 u 20196 dwar meta l-pensjonanti ex-ħaddiema taċ-Ċivil se jitħallsu ż-żieda tal-collective agreement, u peress li kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Ministru għall-Finanzi wieġbu sabiex il-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat, jista’ l-Prim Ministru jgħid min hu l-Ministru responsabbli?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ovvjament minfejn joħorġu l benefiċċji soċjali: l- Ministeru tal-Familja u s-Solidarjeta Soċjali.
Leg 12 PQ #23208 Sitting 355 2016-02-15 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Eks Prim Ministru u Eks Presidenti – karozzi u xufiera

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk nisa ta’ eks Prim Ministri u ta’ eks Presidenti jikkwalifikawx biex il-Gvern jipprovidilhom karozza u xufier? Jekk fl-affermatti, jista’ jgħid f’liema żmien ittieħdet id-deċiżjoni f’dan ir-rigward u minn min? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm huma l-persuni li llum qed jibbenefikaw minn dan il-provediment u min huma?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li f’Settembru 2010, il-Prim Ministru approva li romol ta’ eks Presidenti jikkwalifikaw li jkunu pprovduti : b’karozza kollox imhallas u b’servizz ta’ xufier. Il-persuni li jibbenefikaw minn dan il-provediment huma: Is-Sa Violet de Marco Is-Sa Maria Tabone Il-Gvern prezenti kompla b'din il-policy ghaliex ihoss li dan huwa turija ta' rispett lejn persuni li taw servizz lill-istat.
Leg 12 PQ #22730 Sitting 354 2016-02-09 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Segretarji Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru – użu tat-tieni karozza

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk it-tieni karozza li kienu jużaw is-Segretarji Parlamentari li kienu jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu bejn it-12 ta’ Marzu 2008 u s-6 ta’ Jannar 2012 kinux jinkrew jew ġew mixtrija mill-Gvern? Jista’ jgħid ta’ liema mudell kienu dawn il-karozzi? F’każ li l-karozzi kienu mikrija, x’kienet l-ispiża xahar b’xahar matul l-istess perjodu? Kemm kienet l-ispiża f’każ li l-karozzi kienu nxtraw mill-Gvern u meta nxtraw? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż fuq xogħlijiet ta’ tiswijiet li saru fuq dawn l-istess karozzi matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kiri ta’ karozzi li ntużaw minflok it-tieni karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u kemm intuża petrol jew diesel għat-tieni karozza li għamlu użu minnha s-Segretarji Parlamentari jew xi ħadd awtorizzat minnhom fil-perjodu indikat, xahar b’xahar b’mod separat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi l-Onorevoli Dr Chris Said, li kien Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, u l-Onorevoli Dr Mario Demarco, Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kienu jieħdu allowance ta’ €7,000 fis-sena minflok it-tieni karozza.
Leg 12 PQ #22962 Sitting 354 2016-02-09 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – użu tat-tieni karozza

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22508, jista’ l-Prim Ministru jgħid min qed juża t-tieni karozza tiegħu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-użu tat-tieni karozza llum huwa l-istess kif kien matul l-aħħar leġiżlatura.
Leg 12 PQ #22963 Sitting 354 2016-02-09 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – petrol u diesel — nefqa

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22508, jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex it-tieni karozza tiegħu tagħmel 660km fil-ġimgħa li huwa bil-wisq aktar mill-karozza uffiċjali tiegħu bħala Prim Ministru?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-użu tat-tieni karozza llum huwa għall-istess mod li kien fil-leġiżlatura li għaddiet.
Leg 12 PQ #22964 Sitting 354 2016-02-09 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — użu tal-karozza - fuel

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min iħallas għall-fuel tal-karozza uffiċjali tiegħu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Kif kien il-każ għal kull Prim Ministru, il-fuel jitħallas mill-gvern. Ninforma lill-Onor Interpellant li waqt li l-ispiża llum fuq il-fuel għall-karozza uffiċjali hija ta’ medja ta’ €70 fil-ġimgħa, fl-aħħar leġiżlatura l-ispiża fuq il-fuel għall-karozza uffiċjali tal-Prim Ministru kienet ta’ €96 fil-ġimgħa. Infakkar ukoll lill-Onor Interpellant li minn tagħrif mogħti f’din il-Kamra, l-ispiża fuq il-fuel ghall-karozza uffiċjali li qed jagħmel użu minnha l-Kap tal-Oppozizzjoni hija ta’ €75 fil-ġimgħa.
Leg 12 PQ #22965 Sitting 354 2016-02-09 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Karozza uffiċjali — manteminemnt

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min iħallas għall-manteniment neċessarju tal-karozza uffiċjali tiegħu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-ħlas ghall-manutenzjoni, mhux għall-manteniment, neċessarja ssir minn naħa tal-Prim Ministru personalment. Ngħarraf lill-Onor Interpllant li bejn l-1 ta' Jannar 2008 u t-8 ta' Marzu 2013, l-ispiża fuq it-tiswijiet biss tal-karozza uffiċjali tal-Prim Ministru dak iż-żmien kienet ta' €32,539, spiża li tħallset kollha minn fondi pubbliċi. U dan meta din il-karozza kienet inxtrat minn fondi pubbliċi għal €62,360.
Leg 12 PQ #23072 Sitting 354 2016-02-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Żona Industrijali tax-Xewkija – child care centre

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min hu l-Ministru responsabbli miċ-Child Care Centre li nbena fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija Għawdex u dan peress li għamilt il-mistoqsija parlamentari dwar dan iċ-ċentru lill-Ministru għal Għawdex, lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar u lill-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol u kollha weġbuni li ma taqax taħt ir-responsabilità tagħhom? Jista’ jgħid meta hu mistenni li jibda jopera dan iċ-Child Care Centre? Minn min se jitħaddem dan iċ-Child Care Centre u kemm hu mistenni li jilqa' tfal fih? Jista' jikkonferma li ġie żgurat li l-garaxxijiet u l-fabbriki li hemm fil-viċin u li fihom isir spray u xogħol ieħor relatat, mhu se jkunu ta' ebda dannu għat-tfal li mistennija jattendu f' dan iċ-Child Care Centre?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 22704.
Leg 12 PQ #23118 Sitting 354 2016-02-09 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Residential Units - applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid: a. kemm ġew approvati residential units ġodda mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fis-snin 2010 - 2015 kull sena separatament; b. kemm ġew sottomessi applikazzjonijiet għal żvilupp lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għar-residential units ġodda fis-snin 2010 - 2015 u t-total ta' units għal kull sena separatament?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar
Leg 12 PQ #23147 Sitting 354 2016-02-09 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Stallazzjonijiet ta’ Advertising Boards

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk id-diversi stallazzjonijiet ta’ advertising boards li qed jiġu stallati f’diversi bankini,junctions u traffic islands madwar Malta u Għawdex għandhomx il-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet jew dipartimenti li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex tikjarifika xi trid tfisser b’advertising boards.
Leg 12 PQ #22501 Sitting 353 2016-02-03 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaż-Żebbuġ – Triq Dun Salv Ciappara — ċint

Question

Jista’ l-Prim Ministru jara li jittella’ ċint madwar għalqa li tinsab fi Triq Dun Salv Ciappara f’Ħaż-Żebbuġ, peress li qed jinħoloq inkonvenjent għar-residenti ta’ din it-triq u tal-madwar?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għelieqi li hemm fi Triq Dun Salv Ciappara f’Ħaż-Żebbuġ mhumiex reġistrati bħala proprjetà tal-Gvern.
Leg 12 PQ #23011 Sitting 353 2016-02-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Villa Francia – rapport tal-Awditur Ġenerali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awditur Ġenerali għamilx it-testing li ħass li kien meħtieġ fuq oġġetti li kienu jinsabu f’Villa Francia, meta kien qed jiġi ppreparat ir-rapport għall-2014 tal-istess awditur? Jekk le, x’kienet ir-raġuni għal dan?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għall-istess rapport imsemmi fl-interpellanza tiegħu.
Leg 12 PQ #23012 Sitting 353 2016-02-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Laqgħat “Gvern li Jisma’”

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li għaliha d-direct order li ngħatat għal-laqgħat tal-Gvern, intitolati “Gvern li Jisma'”, fil-fatt ġiet approvata f’Ġunju 2014, meta l-programm sar matul Marzu 2014? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk l-Awditur Ġenerali sabx xi nuqqasijiet dwar dan is-suġġett li rrimarka dwarhom? Jekk iva, x’kienu n-nuqqasijiet li ġew innotati?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-rapport imħejji mill-Awditur Ġenerali u li hemm riferenza għalih fl-interpellanza tiegħu.
Leg 12 PQ #22548 Sitting 352 2016-02-02 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – positions of trust

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22163 u jgħid liema kienu l-persuni f’positions of trust li kien hemm fi ħdan l-uffiċċju privat tiegħu u tas-Segretarji Parlamentari li kellu taħtu, fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b’sena, matul l-2004, l-2005, l-2006, l-2007, l-2008, l-2009, l-2010, l-2011 u l-2012?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, it-tagħrif mitlub.
Leg 12 PQ #22549 Sitting 352 2016-02-02 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – persons of trust

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22164 u jgħid kemm kien hemm impjegati bħala persons of trust fl-uffiċċju privat tiegħu u tas-Segretarji Parlamentari li kellu taħtu u fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b’sena, matul l-2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012? Jista’ jgħid, wieħed wieħed, min kienu dawn il-persuni u x’pożizzjoni kienu jokkupaw; kemm kien is-salarju annwali tagħhom; x’kienet l-ispiża, sena b’sena fuq il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera), u x’kienet sena b’sena, l-ispiża fuq safar tagħhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, it-tagħrif mitlub.
Leg 12 PQ #22841 Sitting 352 2016-02-02 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reklamazzjoni tal-art – espressjoni ta’ interess

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħidilna min huma l-kumpaniji u l-joint ventures jew consortia li tefgħu l-Espressjoni ta’ Interess fir-rigward tal-proġett tar-reklamazzjoni tal-art? Jista’ jgħidilna fiex wasal il-proċess? Jista’ jgħid jew jagħti indikazzjoni sa meta huwa mistenni li jiġi ffinalizzat l-ewwel round ta’ għażla?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsiija parlamentari 22317.
Leg 12 PQ #22845 Sitting 352 2016-02-02 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Billboards bil-permess tal-MEPA

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17873 u jagħti lista tal-billboards kollha f’pajjiżna llum li għandhom il-permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u jindika l-post fuq is-siteplan, id-data ta’ meta saret kull applikazzjoni u meta ngħata l-permess, flimkien mar-referenza ta’ kull applikazzjoni?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iktar lista aġġornata mgħoddija lili mill-MEPA tal-applikazzjonijiet li ġew approvati u li jirrigwardaw billboards minn meta twaqqfet l- istess Awtorità. Rigward siteplans, dawn huma aċċesibbli mill-Mapserver tal-istess Awtorità mis-sit elettroniku http://www.mepa.org.mt/mepa-mapserver . Ġejt nfurmat mill-istess Awtorita li billboards temporanji li jaqaw taħt il-kriterji tal-Artiklu 4 tal-Avviż Legali Numru 171 ta' 1993, Ordni ta' l-1993 dwar Reklami, b'inklużjoni tal-emendi li daħħlu fis-seħħ fl-Avviż Legali Numru 191 ta' 1999, Ordni ta' l-1999 dwar Reklami u Avviż Legali Numru 9 ta' 2003, Ordni ta' l-2003 dwar Reklami, huma eżentati milli jissottomettu applikazzjoni għall-permess ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, u għalhekk l-istess Awtorità m'għandiex informazzjoni fuqhom.
Leg 12 PQ #22447 Sitting 351 2016-02-01 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Is-Swieqi – tibdil fil-pjan lokali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex se jinbidel il-pjan lokali għall-iżvilupp fis-Swieqi? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk hux se jkun hemm tibdil fil-height limitations fiż-żona tal-iżvilupp? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’tibdil se jkun hemm u f’liema toroq?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ix-xogħol fuq il-pjan lokali tas-Swieqi għadu fi stadju preliminari.