Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal b'diżabilita' fl-iskola primarja 'A' ta' Birżebbuġa? X'tip ta' diżabilita' għandhom? Jirriżulta li hemm numru ta' tfal b'diżabilita' li l-ġurnata fl-iskola qed iqattgħuha ma' bankijiet u apparat ieħor miġbura f'xi kamra? L-iskola primarja 'A' għamlet xi talba biex tingħata xi kamra mhix użata fl-iskola primarja 'B'? X'ġara minn din it-talba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 14 tfal b'diżabilita` fl-iskola Primarja 'A' ta' B'Bugia u li jqattgħu l-ġurnata fil-klassi tagħhom mat-tfal l-oħra tal-klassi.
L-iskola Primarja 'A' talbet li tingħata kamra li fil-preżent hija 'store' fi skola 'B' biex fiha jittieħdu t-tfal bi bżonnijiet speċjali meta dawn ikunu jeħteġilhom ftit tal-mistrieħ.
Qed jittieħdu l-passi meħtieġa biex din il-kamra titbattal.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol ta' restawr sar s'issa fiċ-Ċentru tar-Restawr ta' Bighi li fih intuża' l-apparat li qabel kien jintuża mir-restawraturi tal-kotba tal-Biblijoteka Nazzjonali? F'hiex kienet tikkonsisti kull biċċa xogħol? Min ħadem b'dan l-apparat biex isir ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-infomrazzjoni mitluba għadha ma waslitlix tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-assignments differenti li ingħata Dr. Joe Cannataci mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u xi ħlasijiet u allowances ingħata għal kull assignment li ġie mqabbad jagħmel?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħdu l-awtoritajiet tal-Mużew biex jipproteġi l-faċċata tal-"klinika" fi Pjazza Għar id-Dud f'Tas-Sliema, l-aħħar fdal tal-bini ta' dar vittorjana tas-seklu 19 f'Tas-Sliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Bħal f'każijiet oħra, id-Dipartiment tal-Mużew qed iżomm taħt attenzjoni dak li hu materja ta' konservazzjoni ta' wirt u fejn ikun hemm każijiet ta' żvilupp ta' bini jikkoordina ma' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid x'kondizzjonijiet ta' xogħol, bħal paga, eċċ., se jiġi offrut il-principal li se jmexxi l-kulleġġ vokazzjoni l-ġdid u li reklami dwar il-post tiegħu dehru fil-ġurnali fl-aħħar jiem?
Response (GALEA, LOUIS)
Mogħti l-parir li f'dan l-istadu għadu mhux il-mument opportun li jingħad x'kondizzjonijiet ta' xogħol u salarju se jiġu offruti lill-prinċipal li se jmexxi l-kulleġġ vokazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux tracer studies għas-sena skolastika 1998-1999, u jekk iva jpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-informazzjoni meħtieġa biex isir it-Tracer Study diġa' ġiet miġbura mill-iskejjel u ssettjata għall-istampa. Qed jiġi konsidrat li fil-ġejjieni qrib it-tagħrif miġbur jiġi pubblikat.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sena skolastika 1998-1999 kemm kien hemm studenti fl-aħħar sena ta' dawn l-iskejjel: Fra Diego Bonanno;
Teresa Maria Nuzzo; Lorenzo Manche'; Furtu Selvatico; San Ġużepp Ħaddiem? B'liema tip ta' ċertifikati, snajja' u kwalifiki spiċċaw dawn l-istudenti u f'liema oqsma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li kienu fl-aħħar sena skolastika 1998-1999 f'dawn l-iskejjel huma:
Skejjel - Subien Studenti
Form V
L.Manche' Ospizio, Floriana 26
San Ġużepp, Paola 45
F. Selvatico, Naxxar 50
Subtotal 121
Skejjel - Bniet
M.T. Nuzzo, Ħamrun 36
Fra D. Bonanno, Marsa 39
Subtotal 75
Informat ukoll li ċ-ċertifikati li jispiċċaw bihom dawn l-istudenti huma ċ-ċertifikati ta' tmiem il-kors fl-iskola.
Jista' l-Ministru jgħid fis-sessjoni ta' Mejju, 1999 tas-SEC, kemm kien hemm studenti li qagħdu għal dan l-eżami mill-iskejjel privati u f'liema suġġetti? X'riżultati kisbu? Kemm kien hemm studenti fl-aħħar sena ta' dawn l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif għall-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tagħrif dwar it-tielet parti għadu ma wasallix.
Fis-sessjoni ta' Mejju 1999 tas-SEC, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li qagħdu għal dan l-eżami mill-iskejjel tal-knisja u f'liema suġġetti? X'riżultati kisbu? Kemm kien hemm studenti fl-aħħar sena ta' dawn l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif għall-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tagħrif dwar it-tielet parti għadu ma wasallix.
Peress illi f'Malta s'issa għad mhux qed jiġi organizzat kors li jwassal għal Dottorat fil-Mediċina Veterinarja u għaldaqstant studenti b'xewqa li jsegwu din id-dixxiplina qed ikunu kostretti illi jsiefru a spejjeż tagħhom u tal-ġenituri tagħhom meta ma jkunux ingħataw xi forma ta' għajnuna jew scholarship, jista' l-Ministru ġentilment jikkonsidra illi dawn l-istudenti, li huma ftit fin-numru, jingħataw xi forma ta' stipendju/għajnuna finanzjarja mill-gvern?
Jista' jikkonferma li a bażi tal-kostituzzjoni tagħna, partikolarment kapitlu 2, artiklu 11(1)+(2), imsaħħin bil-kliem "fondamentali għall-iggvernar tal-pajjiż f'artiklu 21 ta' l-istess kapitlu, għandu f'konsultazzjoni mal-kabinett, jirrakkmanda illi dawn l-istudenti tal-Mediċina Veterinarja, illi kieku kien hawn kors f'Malta, kienu jikkwalifikaw biċ-ċertifikati li għandhom, jingħataw "kontribuzzjonijiet lill-familji" jew "toroq ta' studju" kif hemm f'art. 11 (2) biex jilħqu l-ogħla modi ta' edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
It-talba fil-Mistoqsija diġa' qed tiġi konsidrata għall-implikazzjonijiet tagħha.
Peress li kemm-il darba wieħed jisma' li hemm nies li jmexxu eżamijiet fiċ-ċentri fejn isiru l-Matsec u Sec, jista' l-Ministru jgħid kif jiġu appuntati il-Heads of Centre? Kemm hemm bħalissa? Minn dawk li qed imexxu ċ-ċentru fl-eżamijiet li qed isiru bħalissa, kemm minnhom għandhom xi kwalifika akkademika? X'inhu l-ħlas li jieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Head of Centre li jkunu nkarigati jieħdu ħsieb iċ-Ċentri ta' l-Eżamijiet jiġu maħturin mid-Dipartiment ta' l-Eżamijiet. L-ismijiet tagħhom ġew meħuda mid-'Data Base' li ġiet mgħoddija lid-Dipartiment mill-Matsec Support Unit kif ukoll mid-'Data Base' li għandu d-Dipartiment stess.
Għall-eżamijiet ta' Mejju/Ġunju 2000 kien hemm b'kollox wieħed u tletin (31) Head of Centre.
Dawn huma ex-għalliema, uffiċċjali irtirati jew uffiċċjali tal-gvern jew uffiċċjali tad-dipartiment. Mhix meħtieġa kwalifika akkademika biex wieħed jagħti dan is-servizz amministrattiv.
Il-ħlas li jieħdu hu ta' Lm6 kull sessjoni fil-każ tal-Matsec. Fil-każ ta' eżamijiet ta' 'external boards' hu kif ġej:
Ħin Uffiċjali Privati
nofs siegħa Lm 0.70 Lm 0.93
siegħa Lm 1.40 Lm 1.86
sgħatejn Lm 2.79 Lm 3.72
3 siegħat Lm 4.19 Lm 5.58
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu maħsub li se jispiċċaw tfal mill-iskola fi ftit għimgħat oħra għaliex ikunu laħqu l-eta' ta' sittax-il sena? Jista' jagħti dettalji dwar kemm se jispiċċaw mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u indipendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub qed jiġi verfikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-diviżjoni ta' l-Edukazzjoni irċevietx xi talbiet minn skejjel indipendenti biex ikun hemm żieda fil-miżati għas-sena skolastika li jmiss? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid minn liema skejjel u kemm hija ż-żieda li qed tiġi proposta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa issa hemm żewġ skejjel Indipendenti li għarrfuni dwar żieda fil-miżati tagħhom għas-sena skolastika 2000/2001.
Dawn huma:
Skola Miżati kull term Żieda
matul is-sena kull term
skolastika 1999/2000 2000/2001
Bambi/Anthony Lawrence
Bartolo
Kindergarten Lm 95 Lm 3
Primary Year 1 and 2 Lm119 Lm 6
Year 3 and 4 Lm126 Lm 6
Year 5 and 6 Lm132 Lm 8
Oranges and Lemons
Kindergarten Lm 75 Lm10
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' persuni mpjegati bħala deckhands fil-Pixxina Nazzjonali? Meta ġie mpjegat kull wieħed minnhom? Kemm-il kors ta' first aid/salvataġġ sar għal dawn in-nies fl-aħħar tnax-il xahar? Hemm xi ħsieb li n-numru ta' deckhands jiżdied issa li dieħel is-sajf?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni impjegati bħala deckhands fil-Pixxina Nazzjonali huwa 5. Tliet minnhom, li qabel kienu fuq kuntratt part-time, ġew impjegati fuq bażi regolari f'Settembru 1999. Tnejn oħra ġew impjegati f'Marzu 2000. Sar kors wieħed ta' salvataġġ aktar kmieni din is-sena u attendew b'suċċess il-pool attendants kollha. Għalissa m'hemm ebda ħsieb li jiġu impjegati aktar deckhands.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex id-dilettanti tal-Ħal Far M. Flying A. itteħditilhom l-art li kienu jużaw biex jipprattikaw id-delizzju tagħhom? Jista' jara li jingħataw biċċa art flok li kienu jużaw qabel?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-art in kwistjoni tifforma parti minn Ħal Far Industrial Estate, l-Onor. Membru huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat. Madanakollu ninsab informat li qegħdin isiru diskussjonijiet bejn uffiċjali fis-Segretarjat Parlamentari u membri ta' l-għaqda biex tinstab soluzzjoni għall-problema li qed tiffaċċja din l-għaqda.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tat-tenders kollha ta' ġarr u trasport ta' għamara u merkanzija oħra, tkun xi tkun, li ġew awarded lid-ditta Borg Bros ta' Triq id-Demnuq, Siġġiewi, minn Settembru, 1998 sal-ġurnata tal-lum, inklużi dawk li għadhom operattivi sal-lum? Jista' jgħid liema tenders ingħataw lil din id-ditta b'direct order u liema tenders ingħataw wara sejħa għall-offerti? Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitlbua għal kull dipartiment, korporazzjoni u awtorita'li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-meeting tat-13 ta' Mejju, 2000 li sar fil-korsa ta' Għawdex kienx hemm servizz ta' bookmakers? Jekk iva, kemm ħallsu lill-organizzaturi u għand min marru l-flus?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kumitat tal-Malta Racing Club ma kienx responsabbli mill-organizzazzjoni ta' din l-attivita` u għalhekk m'għandux it-tagħrif mitlub.
Universita' — International Institute of Gerentology
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra li ntbagħtet lilu mill-Kunsill Nazzjonali ta' l-Anzjani fuq il-każ ta' l-International Institute of Gerentology?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li tajjeb wieħed jippreċiża li d-deċiżjoni, li tpoġġi l-istudji tal-ġerentoloġija bħala diviżjoni fi ħdan l-Institute of Health Care flok f'Istitut apposta, ittieħdet mill-Universita` fi żmien l-Amministrazzjoni preċedenti Laburista, u allura mhi xejn xi deċiżjoni "riċenti" kif indikat fl-ittra tal-Kunsill Nazzjonali ta' l-Anzjani, ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ittra tiegħi tat-2 ta' Ġunju 1999, ittra tal-KNA tas-17 ta' April 2000 u ittra tar-Rettur ta' l-Universita` tad-29 ta' Mejju 2000. Jiena ser nibqa' nsegwi din il-kwestjoni.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16537, jista' l-Ministru jgħid meta bdew id-diskussjonijiet, fiex waslu u x'kienet ir-raġuni prinċipali sabiex bdew dawn id-diskussjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-Mistoqsija waslet il-Ministeru nhar il-Ġimgħa li għadda wara nofs in-nhar, meta bdew in-nofs ta' nhari, it-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex ix-xogħol quddiem l-iskola primarja ġewwa l-belt Sengleana, magħrufa bl-isem ta' Benedditin Dun M Inguanez, jinsab preżentament wieqaf b'perikolu ċar u manifest?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-Mistoqsija waslet il-Ministeru nhar il-Ġimgħa li għadda wara nofs in-nhar, meta bdew in-nofs ta' nhari, it-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.