Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Ħamrun – Triq Joe Gasan — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi awarded it-tender ta' Triq Joe Gasan, il-Ħamrun? X'inhi r-raġuni li dan ix-xogħol għadu ma bediex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ta' Triq Joe Gasan, il-Ħamrun diġa’ ġie awarded. Madankollu, biex ikun jista’ jibda x-xogħol f’din it-triq, Transport Malta qed tistenna li jitlesta xi xogħol mill-Water Services Corporation. Ta’ min jgħid li din it-triq kienet imsemmija mill-Eks Ministru Austin Gatt fid-diskors tiegħu tas-Seduta Parlamentari Numru 420 ta’ nhar il-Ħamis l- 1 ta’ Diċembru 2011, bħala waħda mit-toroq li għalihom kienu ġew allokati €4 miljuni sabiex il-Gvern ikun jista’ jintervjeni f’każ li l-Kunsill Lokali ma jkunx irid jagħmel xi triq partikolari li jkollha importanza strateġika. Madankollu, jidher li din it-triq xorta waħda baqgħet ma saretx.

Ir-Rabat – Triq Ħal Tartani – zebra crossing

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3562, peress li ż-zebra crossing in kwestjoni hi ta’ periklu għal kull min jaqsam minn fuqha, jista’ l-Ministru jieħu l-passi kollha neċessarji biex dan il-periklu jitneħħa billi din iż-zebra crossing titneħħa min fejn qiegħda jew inkella tiġi rikolata?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ż-zebra crossing in kwistjoni, u ċioe` dik fi Triq Ħal-Tartani, Rabat, ġie deċiż li għandha tiġi rilokata fil-ġimgħat li ġejjin. Din id-deċiżjoni ittieħdet wara li wasal ilment fil-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura mill-pubbliku inġenerali.

Iż-Żejtun – xogħlijiet fuq toroq u proġetti infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ta’ toroq u proġetti oħra infrastrutturali saru fiż-Żejtun f’dawn l-aħħar għaxar snin, min għamel ix-xogħol (jekk hux il-kunsill lokali jew il-gvern ċentrali), x’kienet in-nefqa u minn liema fondi ġie ffinanzjat dan ix-xogħol? X’xogħol hu ppjanat li jsir fil-lokalità taż-Żejtun fir-rigward ta’ toroq u proġetti infrastrutturali kemm mill-kunsilli kif ukoll mill-gvern ċentrali fil-ħames snin li ġejjin? Meta hu ppjanat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha Transport Malta, x-xogħol ta’ toroq u proġetti oħra infrastrutturali li saru fiż-Żejtun f’dawn l-aħħar għaxar snin minn Transport Malta hu hekk kif indikat fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ix-xogħlijiet ġew kollha ffinanzjati minn fondi lokali. Wara laqgħat ta’ konsultazzjoni li kelli mal-Kunsill Lokali, qed jiġi mħejji programm tax-xogħlijiet għall-ħames snin li ġejjin. Għall-informazzjoni mitluba dwar proġetti tal-Kunsilli Lokali, nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Warranting Board tal-Periti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3115, jista’ l-Ministru jgħid ġiex ikkostitwit il-Warranting Board tal-Periti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà saret laqgħa mal-Kamra tal-Periti f’dan ir-rigward. Fil-jiem li ġejjin għandu jinħatar dan il-Bord wara li reġa fetaħ il-Parlament wara il-waqfa tas-Sajf.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba attenda għal-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea mid-9 ta’ Marzu ’l hawn? Jekk kemm-il darba m’attendiex għal xi laqgħa/laqgħat, x’kienu r-raġunijiet? Attenda xi ħadd ieħor minfloku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn meta kont appuntat Ministru għat-Trasport u Infrastruttura saret laqgħa waħda fuq dan is-suġġett li għaliha attendew ir-Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta fi Brussel u is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tiegħi. Ma stajtx nattendi għal din il-laqgħa minħabba li kont indispost.

Ministeri – reserved parking bays

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il permess ħareġ Transport Malta għal reserved parking bays għad-diversi Ministeri li jinsabu fil-Belt Valletta mit-12 ta' Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Kemm żdiedu reserved parking bays Ministeru b' Ministeru fil-perijodu msemmi hawn fuq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li nħarġu seba’ kaxxi għal parkeġġ riservat għall-Ministeri fil-Belt Valletta skont il-polza ta’ Transport Malta li ilha eżistenti għal diversi snin. Il-parkeġġi riservati l-oħra għall-ministeri kienu diġa eżistenti għall-ministeri preċedenti. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dettalji tal-kaxxi tal-parkeġġi riservati f’toroq pubbliċi.

Il-Belt Valletta – Skola ta' Sant Iermu – problema ta’ parking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kenitx instabet soluzzjoni għall-problema ta' parkeġġ għall-għalliema tal-Iskola ta' Sant Iermu, il-Belt Valletta, wara li kien sar rapport dwar din il-problema f'gazzetta lokali? X'arranġamenti saru? Min kien involut fil-konsultazzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward tal-problema ta' parkeġġ għall-għalliema ta' St Elmo School, il-Belt Valletta, l-istess għalliema ġew eżentati mis-sistema tas-CVA. Din l-eżenzjoni ngħatat wara konsultazzjoni mal-Union tal-Għalliema (MUT).

Il-Belt Valletta – xogħol ta’ pavimentar

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħol ta' pavimentar ta' toroq fil-Belt Valletta li kien ippjanat li jsir qabel il-V18 hux se jsir jew le? Jista’ jagħti lista ta' toroq li se jiġu pavimentati fil-Belt Valletta minn issa sal-V18, inkluż l-istima ta' kemm se tiġi tiswa kull triq u meta hu mistenni li jibda u jispiċċa x-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun diskuss u ppjanat il-programm li jmiss ta’ pavimentar ta’ toroq fil-Belt Valletta in konnessjoni mal-okkażjoni tal-V18.

Il-Belt Valletta – proġetti infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-proġetti infrastrutturali li se jsiru fil-Belt Valletta għall-okkażjoni tal-V18? Jista’ jgħid kemm ġej jiswa kull proġett, kif se jiġi ffinanzjat u meta hu ppjanat li jibda u jispiċċa x-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Il-Belt Valletta – karozzini rotot

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ir-rotta preżenti li jagħmlu użu minnha tal-karozzini, jiġifieri dik illi jduru mad-dawra tal-Belt Valletta, hux se tinbidel u minflok jibdew jidħlu fiċ-ċentru tal-Belt?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma jeżistux pjanijiet sabiex il-karozzini ikunu jistgħu jibdew jiċċirkolaw fiċ-ċentru tal-Belt Valletta.

Transport Malta – laqgħat tal-bord – overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jinżammu nies bl-overtime meta jkun se jiltaqa’ l-bord ta' Transport Malta? Min huma dawn in-nies u xi jkun xogħolhom waqt li tkun għaddejja l-laqgħa tal-bord?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ nies li jinżammu wara l-ħin meta jkun se jiltaqa’ l-bord ta’ Transport Malta ġeneralment huwa ta’ tnejn. Dawn huma fil-gradi ta’ executive, li tipprovdi sapport amministrattiv kif ikun hemm bżonn, u cleaner/maid.

reserved parking — Bord dwar applikazzjonijiet – membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu kostitwit il-bord li jiddeċiedi dwar applikazzjonijiet għal reserved parking? Xi kwalifiċi għandhom dawn il-persuni? Fuq liema kriterji ġew magħżula dawn il-persuni biex iservu fuq dan il-bord?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

reserved parking­ – policy għall-permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-permess għal reserved parking ħareġ, lokalità lokalità, mit-12 ta' Marzu 2013? Dawn il-permessi għal reserved parking ħarġu skont il-policies eżistenti jew ħarġu skont policies ġodda? F'każ li dawn ir-reserved parkings ħarġu skont policies ġodda, jista’ jpoġġi kopja ta' dawn il-policies fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont rekords li għandha Transport Malta, il-permessi maħruġa għall-parkeġġi riservati, lokalita’ b’lokalita’, mit-12 ta’ Marzu 2013, huma skont kif indikat fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-permessi għall-parkeġġi riservati għall-persuni b’diżabbilta’ ħarġu skont il-polza eżistenti li kellha biss emendi minuri bi qbil u fuq rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilta’.

reserved parking — persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-policy dwar il-personalizzazzjoni tar-reserved parking għal persuni b'diżabilità għadhiex tiġi applikata jew ġietx sospiża?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li bħalissa għaddej eżerċizzju b’mod komplessiv biex jitjiebu il-faċilitajiet tal-parking.

Arriva – vetturi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet mal-operatur tat-trasport pubbliku, jiġifieri l-Arriva, biex jiżdiedu l-vetturi fuq diversi rotot? X'inhuma l-qisien tal-vetturi li se jiżdiedu? Il-bendy buses se jitneħħew jew se jibqgħu? Hemm xi ditta partikolari ta' vetturi li qed tintalab mill-Gvern?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma’ Arriva Malta Ltd u jkun prematur li nippubblikaw dettalji f’dan il-mument.

Xogħlijiet fuq toroq – għażla ta’ kuntratturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proċedura qed tintuża biex jiġi deċiż liema kuntratturi tat-toroq jitħallsu tax-xogħol li jkunu għamlu, u f'liema sekwenza?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura jħallas lill-kuntratturi għax-xogħlijiet li jkunu saru fuq it-toroq wara li x-xogħol tagħhom jiġi ċċertifikat u awtorizzat. Normalment il-pagamenti jsiru hekk kif dan il-proċess kollu jiġi konkluż.

Il-Għargħur – xogħol fuq water culvert

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' water culvert fil-Għargħur, xogħol li se jsir bi sħab bejn il-Kunsill Lokali tal-Għargħur u d-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Kostruzzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li jiena ninsab infurmat li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet u Servizzi għamel applikazzjoni għal permess għal żvilupp sħiħ mal-MEPA rigward dan ix-xogħol. Għadu prematur li wieħed jagħti data ta’ meta ser jibda dan ix-xogħol għax dan jiddependi mill-approvazzjoni ta’ din l-applikazzjoni min-naħa tal- MEPA.

Il-Għargħur – Triq Caravaggio — stages

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga jekk hemmx bżonn taż-żewġ stages li jinstabu fi Triq Caravaggio, fil-Għargħur? Jekk ma hemmx bżonnhom it-tnejn, jista’ l-Ministru jieħu dawk il-passi kollha meħtieġa biex wieħed minnhom jitneħħa?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat illi Transport Malta vverifikat fuq iż-żewġ bus stops imsemmija u rriżulta li dawn ġew imwaħħla fl-istess post fejn kien hemm żewg bus stops preċedenti li kienu jintużaw fis-servizz l-antik operat mill-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minkejja dan, Transport Malta ser tkun qiegħda tevalwa u tiddiskuti l-ħtieġa ta’ dawn iż-żewġ bus stops mal-Kunsill Lokali kkonċernat.

Il-Furjana – monument tal-gwerra – toroċ mitfija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta saru ż-żewġ toroċ li hemm quddiem il-monument tal-Gwerra fil-Furjana? Jista' jgħid minn min sar ix-xogħol u kemm qam l-istess xogħol? Jista' jgħid ukoll kif ingħata dan ix-xogħol, jekk hux b’tender jew b'direct order? Jekk b'tender, jista' jgħid min kienu dawk li applikaw u kemm kienet l-offerta ta' kull wieħed minnhom? Jista' jgħid x’inhi r-raġuni għaliex illum mhux jinxtelgħu kuljum?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-kuntratt taż-żewġ Torċi li hemm quddiem il- Monument tal-Gwerra fil- Furjana ingħata permezz ta’ Direct Order fis- 17 ta’ Novembru 2011 għas-somma ta’ €28,990. Din id- Direct Order ġiet approvata mill- Ministeru tal-Finanzi taħt il-Gvern preċedenti. Il-kuntrattur li ingħata dan ix-xogħol kien is-Sur Mariorick Mifsud. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li attwalment il-fjammi ornamentali qatt ma kienu jitħallew mixgħulin il-ħin kollu. Sa minn meta ġew introdotti, dawn il-fjammi kienu jinżammu mixgħulin mis-sitta ta’ filgħodu sa nofs il-lejl. Minn wara Marzu 2013, dawn l-istess fjammi bdew jinżammu mixgħulin bejn is-sitta ta’ filghaxija tul il-lejl sas-sitta ta’ filgħodu, filwaqt li bħalissa qed ikunu mixgħulin bejn l-għaxra ta’ filgħodu u l-għaxra ta’ filgħaxija. Ninsab infurmat li fl-stess waqt li inbidlu il-ħinijiet li matulhom dawn il-fjammi jinżammu mixgħulin, inbidlu ukoll l-aġenti li mingħandhom jinxtara il-gass meħtieġ għal dawn il-fjammi. L-ewwel aġenti kienu Easy Gas li ssupplixxew total ta’ 34,324 litri ta’ gass f’38 ġimgħa, li jiġu medja ta’ 903.26 litri ta’ gass fil-ġimgħa. Dawn l-aġenti ġew issostitwiti minn Liquid Gas, li ssupplixxew total ta’ 7,100 litri ta’ gass fi 12-il ġimgħa, li jiġu medja ta’ 592 litri ta’ gass fil-ġimgħa. B’referenza għal dawn il-figuri, huwa stmat li qed jiġu ffrankati mat- 311 il-litru ta’ gass fil-ġimgħa li meta tikkalkula li kull litru gass jiswa €0.5889, it-total ta’ spiża ffrankata hija stmata li tleħħaq il- €183 fil-ġimgħa.

Malta Air Traffic Services Ltd — frodi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni, li kienet inbdiet qabel l-elezzjoni, dwar allegat frodi fl-użu ta' credit cards tal-Malta Air Traffic Services Ltd, liema cards kien intqal li kienu ġew użati minn uffiċjali għolja tal-istess kumpanija, li llum wieħed minnhom huwa uffiċjal għoli ħafna fid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili taħt Transport Malta u l-ieħor huwa rtirat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata fil-mument opportun.