Jista' l-Viċi Prim Ministru jelenka l-proċedura li trid issir biex persuna tapplika għal għajnuna supplimentari, x'inhuma l-kriterji biex wieħed ikun jista' jieħu din l-għajnuna? Jiġu mgħarrfa l-persuni li jistgħu jkunu ntitolati biex japplikaw eċċ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna tista' tapplika għall-Allowance Supplimentari fuq il-formola preskritta li tista' tinġabar mill-Uffiċċji Distrettwali jew mill-Uffiċċju Ċentrali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Kull kap ta' familja, li kellu/kellha dħul anqas minn Lm3,270 fis-sena 1999 f'każ ta' persuna waħedha jew Lm3,770 f'każ ta' koppja u m'hemmx dritt għall-Allowance tat-Tfal jista' jikkwalifika għall-Allowance Supplimentari.
Il-kriterji biex wieħed ikun jista' jieħu din l-Allowance huma spjegati fid-dettal fuq il-formola "Talba għall-Allowance Supplimentari". Kull sena jinħtieġ li tiġġedded id-dikjarazzjoni tad-dħul sabiex jiġu konfermati d-dritt u r-rata ta' Allowance għas-sena kurrenti.
Persuni li jistgħu jkunu ntitolati għal din l-Allowance iridu japplikaw huma l-ewwel darba. Dawn ma jiġux mgħarrfa mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali peress li d-Dipartiment tas-Sigurta' Sojali m'għandux informazzjoni dwar id-dħul kollu ta' kull persuna li tista' tikkwalifika għal din l-Allowance.
Min jikkwalifika, ta' kull sena tintbagħatlu l-formola tad-dikjarazzjoni tad-dħul flimkien ma' ittra li tispjega d-dettalji kollha ta' x'għandu jagħmel biex id-Dipartiment ikun jista' jikkonferma d-dritt u jerġa' jistabilixxi r-rata ta' Allowance dovuta lilu skond id-dħul li ġie dikjarat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid tistax issir inspection fuq boundary tal-ġnien Patri Redent Gauci, Fgura, peress li d-disinn tiegħu qiegħed bil-Qulets (bil-ponta) u jista' jkun ta' periklu għat-tfal li jkunu qegħdin jilagħbu fil-ġnien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li d-disinn ta' dan il-ħadid sar mill-Kunsill Lokali. Madanakollu irreferejt il-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar biex jinvestiga u jara x'jista' jsir.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-possibilta' li l-kerrej li joqgħod Block B, Flat 1, Tal-Ħawli, Birgu jkun jista' jneħħi l-ħamrija tal-front garden sabiex minflok jagħmel il-madum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onor. Interpellant hu mitlub jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Peress li mal-wasla tas-sajf, jinħolqu numru ta' mpjiegi fis-settur tal-lukandi, u peress li huwa magħruf li numru minn dawn l-impjiegi jittieħdu minn barranin li f'ħafna każi lanqas working permit ma' jkollhom, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'miżuri se jittieħdu sabiex dan l-abbuż jonqos u dawn l-impjiegi jittieħdu minn Maltin bla xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) f'kull zmien tagħmel mill-aħjar biex tgħaqdi d-doveri tagħha biex jiġu osservati l-provedimenti tal-"Employment & Training Services Act".
Riċentament l-ETC waqfet "Law Enforcement Monitoring Unit" biex dan l-aspett tax-xogħol tal-Korporazzjoni ikun ko-ordinat aħjar. Barra minn dan, fil-karozzi tal-Korporazzjoni li jużaw l-Iskrivani/Spetturi matul il-qadi tad-doveri tagħhom ġiet stallata Vehicle Location System biex isir aktar kontroll u tingħata l-aħjar għajnuna lil dawn l-impjegati.
L-ETC ħadet nota tal-osservazzjoni tal-Onor. Membru u lesta li tintensifika il-ħidmiet tagħha fuq dan is-settur.
Sadanittant teżisti wkoll sistema biex min irid jgħati nformazzjoni fuq xi abbużi bla ma jgħati ismu jista' jċempel fuq numru tat-telefon 657382. L-ETC taġixxi fuq kull rapport li tirċievi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-koppja anzjana li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, illum residenti f'San Vincenz de Paule ikunu jistgħu jingħataw kamra flimkien, peress li qed iħossu ħafna n-nuqqas ta' xulxin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-policy tal-amministrazzjoni ta' San Vinċenz de Paule hija li sa fejn hu possibli koppja miżżewġa tingħata kamra biex tkun tista' tgħix flimkien. Dan mhux dejjem ikun possibli minħabba nuqqas ta' kmamar disponibbli.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk iż-żieda fid-dħul mis-servizzi soċjali fis-sena 2000 għal Lm162.838 hijiex dovuta għaż-żieda fil-kontribuzzjoni tal-ħaddiema jew għal xi fatturi oħrajn ukoll?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Hu kkalkulat li matul is-sena 2000, il-Gvern ser idaħħal madwar tmintax-il miljun lira aktar mill-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali mis-sena 1999, li sitt miljuni minnhom huma dovuti bħala Kontribuzzjoni ta' l-Istat.
Il-Gvern qed jistma dħul ta' ħames miljuni bħala żieda fil-kontribuzzjonijiet tal-ħaddiema minħabb ż-żieda fil-persentaġġ minn disa' fil-mija għal għaxra fil-mija tal-paga li kienet tħabbret fid-Diskors tal-Budget għas-Sena Finanzjarja 1999.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11897 li saret xahrejn ilu u li sat-2 ta' Frar kienet għadha ma ġietx risposta? F'din id-domanda staqsjet lill-Ministru biex ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta' l-impjieg tas-Sur Robert Lawrenti.
Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-letter of resignation tas-Sur Robert Lawrenti jew, jekk hu l-każ, l-ittra tat-termination of contract ta' l-ETC?
Jista' jispjega kif is-Sur Lawrenti ħa tliet xhur leave f'sena waħda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'referenza għal din il-Mistoqsija li dwarha diġa' tajt Tweġiba temporanja fis-Seduta 236, qiegħed issa npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra:
(i) kopja tal-kuntratt tax-xogħol tas-Sur Robert Laurenti, bid-data
tat-2 ta' Ġunju, 1996;
(ii) kopja tal-ftehim tal-24 ta' Novembru, 1999 dwar it-terminazzjoni
ta' l-impjieg tas-Sur Laurenti bħala "Chief Executive Officer" tal-
Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ;
(iii) kopja tal-kuntratt tax-xogħol tas-Sur John Camilleri bid-data
effettiva ta' l-10 ta' Ottubru, 1999 li kien iffirmat fit-23 ta'
Frar, 2000.
B'referenza għall-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onor. Membru li s-Sur Laurenti għamel użu mill-"Vacation Leave" akkumulat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew boarded out persuni u ġew mogħtija pensjoni ta' l-invalidita' matul is-snin 1990 - 1999? Kemm minn dawn il-persuni kienu nisa u rġiel? X'eta' kellhom dawn in-nies?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għandu jara r-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari li ġġib in-numru 10089 fejn kien indikat in-numru tal-persuni li bdew jirċievu pensjoni ta' l-Invalidita' sena b'sena.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma jżommx statistika ta' l-etajiet li kellhom dawk il-persuni li bdew jirċievu din il-pensjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformani jekk matul din is-sena l-ħaddiema impressed mhumiex se jsiru ħaddiema maċ-ċivil kif ġie, imwiegħed lilhom mill-gvern qabel l-elezzjoni ġenerali tal-5 ta' Settembru, 1998?
Kemm huwa n-numru ta' ħaddiema impressed, b'karozzi, vannijiet u trakkijiet u ma' liema dipartment huma mpjegati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed isiru diskussjonijiet mal-partijiet interessati bil-għan li din il-wegħda tal-Gvern isseħħ. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għat-tieni parti tal-Mistoqsija Parlamentari.,
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn koperattivi bħalissa f'pajjiżna? Kemm għandha membri msieħba fiha kull koperattiva? F'liema qasam jaħdmu l-istess koperattivi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra x-xogħol li kien sar minn amministrazzjoni Laburista dwar il-vetura ta' night warden għall-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien m'għandi xejn x'inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra għax m'hemm xejn dokumentat li xi vettura kellha tkun għas-servizz ta' "night warden" għall-anzjani.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min għandu aċċess u permess li jsuq u juża l-karozzi uffiċjali tal-ministeru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali għandu għad-dispożizzjoni tiegħu karozza waħda uffiċċjali. Din għandhom aċċess u permess li jagħmlu użu minnha Membri tas-Segretarjat fuq xogħol uffiċċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet għal pensjonijiet Awstraljani u Kanadiżi tal-Maltin u l-Għawdxin f'Jannar u Frar 2000?
Kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal dawn il-pensjonijiet? X'qed jikkawża d-dewmien tal-proċess ta' dawn l-applikazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li bejn Jannar u Frar ta' din is-sena, n-numru ta' applikazzjonijiet li rċieva d-dipartiment tas-Sigurta' Soċjali minn Maltin jew Għawdxin għal pensjonijiet Awstraljani kien ta' 38, filwaqt li dawk għal pensjonijiet Kanadiżi kien ta' 9. Wara li tinġabar l-informazzjoni meħtieġa dwar kontribuzzjonijiet mħallsa hawn Malta u/jew, f'każ ta' talba għal xi pensjoni tad-diżabilita' rapport mill-bord mediku, dawn l-applikazzjonijiet jintbagħtu barra minnufih. Fil-fatt bħalissa fid-dipartiment kull ma hemm minn dawn l-applikazzjonijiet pendenti huwa madwar 8 u li mistennija jintbagħtu dalwaqt.
Tajjeb li jiġi preċiżat li dawn l-applikazzjonijiet ma jinħadmux hawn Malta iżda jiġu proċessati mid-Dipartimenti responsabbli mis-Sigurta' Soċjali fil-pajjiżi rispettivi. Għalhekk id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ta' Malta m'għandu l-ebda kontroll fuq il-proċess ta' dawn l-applikazzjonijiet barra minn Malta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'għamlet matul din is-sena skolastika l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' dwar dawk it-tfal li sal-lum huma mċaħħda mid-dritt tagħhom li jattendu l-iskola għaliex huma bla għajuna ta' facilitator?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' taħdem mill-qrib mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni bi tlett modi:
a) billi rappreżentant tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni huwa membru kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Eżekuttiv tagħha:
b) il-Kummissjoni għandha rappreżentanza permezz taċ-Chairman u d-Direttur tagħha fuq il-Kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva; u
c) permezz ta' kuntatti formali u informali bejn uffiċjali taż-żewġ naħat.
Il-Kummissjoni wżat it-tlett modi biex taħdem ħalli kull student b'diżabilita' jkollu s-sapport neċessarju biex hu (jew hi) jkun jista' jieħu l-edukazzjoni tiegħu li għandu dritt għaliha inkluż is-sapport ta' facilitator meta dan ikun meħtieġ. Il-mezz l-aktar użat għal dan il-għan kien il-kumitat Ministerjali dwar l-Edukazzjoni Inklussiva li kull darba li ltaqa' ddiskuta fil-fond din it-tema tant li kien hemm żmien meta kull student li kellu bżonn facilitator kien ingħatalu.
Sfortunatament dan il-Kumitat issa ilu żmien relattivament twil ma jiltaqa' u l-Kummissjoni għamlet diversi rappreżentazzjonijiet biex dan il-Kumitat jerġa jiltaqa'.
Il-Kummissjoni ser tkompli taħdem biex il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni jagħmel dak kollu possibbli biex jassumi r-responsabilitajiet kollha tiegħu ma' kull student b'diżabilita'. Hi ser tagħmel dan billi tuża l-għodda kollha disponibbli inkluż is-saħħa tal-Liġi Opportunitajiet Indaqs pero' anke fil-limitazzjonijiet li l-Kummissjoni stess għandha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għad hemm postijiet battala fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Jista' jgħid kemm hemm anzjani fil-preżent u minn fejn huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fid-Dar ta' l-Anzjani Bormla hemm 69 residenti u għad baqa' 9 postijiet vojta li se jimtlew dalwaqt.
Ir-resideti li hemm fid-Dar ta' Bormla huma minn dawn il-lokalitajiet:
Bormla 33
Birgu 6
Qormi 2
Tarxien 2
Paola 5
Żabbar 2
Kalkara 5
San Ġwann 1
Għaxaq 3
M'Scala 2
Fgura 1
Pieta' 2
Isla 2
Sta. Luċia 1
Luqa 1
Floriana 1
Bħalissa qed isiru diskussjonijiet biex tiġi eżentata l-possibilita' li jsir użu ta' ċerti spazji biex jiżdiedu n-numru ta' anzjani li jkunu residenti.
Peress li l-familja li kienet tgħix f'post ikkundannat ingħatat post alternattiva, jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li tgħix fis-sular ta' isfel ta' dan il-post ikkundannat, tingħata hi wkoll post alternattiv, jew iserħulha rasha minn kull periklu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata li ġiet imdaħħla fil-15 ta' Diċembru 1999 qed tiġi kkunsidrata, pero' l-post fejn toqgħod l-applikanta ma jirriżultax li hu bil-periklu. Forsi aktar jaqbel li tapplika ma' l-Awtorita' tad-Djar biex tirranġah.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm korrimenti fuq il-post tax-xogħol rrapportati lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għax-xahar ta' Jannar u Frar 2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' talbiet għall-benefiċċju tal-Korriment f'Jannar kien ta' 363 u fi Frar 455.