Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #23353 Sitting 359 2016-02-22 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

State of the Environment Report — pubblikazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jiġi ppubblikat l-Istate of the Environment Report?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab informat mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li l-aħħar State of the Environment Report ħareġ fl-2010 u dan kien segwiet fl-2011 bl-Environment Report Indicator Booklet. Il-proċess biex jigi ppublikat rapport aġġornat digà beda u qiegħed fi stadju avvanzat.
Leg 12 PQ #23367 Sitting 359 2016-02-22 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Applikazzjoni għal car park fl-inħawi tas-Salina

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi applikazzjoni biex ikun jista’ jsir car park fl-inħawi tas-Salina, ħdejn ir-roundabout li tieħdok lejn in-Naxxar, quddiem il-bini residenzjali li hemm fuq in-naħa tax-xellug, bejn it-triq prinċipali u l-istess bini? Jekk iva, jista’ jgħid min se jagħmel dan il-car park?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab informat mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li ma rrċeviet l-ebda applikazzjoni għal car park fl-area indikata.
Leg 12 PQ #22743 Sitting 358 2016-02-17 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Segretarji Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru – użu ta’ karozza

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-karozzi uffiċjali li kienu jużaw is-Segretarji Parlamentari li kienu jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħu bejn it-12 ta’ Marzu 2008 u s-6 ta’ Jannar 2012 kenux jinkrew jew ġewxmixtrija mill-Gvern? Jista’ jgħid ta’ liema mudell kienu l-karozzi? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża xahar b’xahar matul l-istess perjodu f’każ li kienu mikrija? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża f’każ li l-karozzi kienu nxtraw mill-Gvern u meta nxtraw? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż fuq xogħlijiet ta’ tiswija li saru fuq dawn l-istess karozzi matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kiri ta’ karozzi li ntużaw minflok il-karozzi uffiċjali matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u kemm intuża petrol jew diesel għall-karozza/i li għamlu użu minnhom is-Segretarji Parlamentari matul il-perjodu indikat, xahar b’xahar b’mod separat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Bejn Marzu u Ottubru 2008, is-Segretarju Parlamentari l-Onor Dr Chris Said kien juża BMW 528. Fl-istess perjodu ntefqet is-somma ta’ €2,601.03 fuq xogħolijiet ta’ tiswija fuq din il- karozza .Waqt dawn it-tiswijiet kienet tintuża Peugeot 406 li kienet tinkera bi spiża totali ta’ €1,294.50.Kien isir użu wkoll minn Peugeot 607 bejn Novembru 2008 u Mejju 2009 li b’kollox inkriet għal total ta’ €7,421.40. F’Mejju 2009 kienet inkriet Citroen C5 għas-somma ta €654.84 u minn Gunju 2009 sa’ Jannar 2012 kienet inkriet Audi A4 għas-somma totali ta’ €21,593.14. Spejjeż oħra li saru relatati kienu €402.19 li saru fuq tiswijiet u insurance excess . Bejn April 2008 u Jannar 2012 ntefqu €14,780.27 fi fuel fuq dawn il-karozzi kollha. Rigward is-Segretarju Parlamentari l-Onor Dr Mario Demarco bejn Marzu 2008 u Frar 2009, kien juza BMW 528 li kienet nxtrat fl-2000 għas-somma ta’ €31,143.72, Fl-istess perjodu fuq l-istess karozza ntefqu €4,876.69 fi spejje¿ fuq xogħlijiet ta’tiswija u ntefqu wkoll €4521.67 fuq kiri ta’ karozzi li ntuzaw minflok il-karozza uffiċjali. Bejn Frar u Ottubru 2009 nkriet Peugeot 607 bi spiża totali ta’ €18,375.16. F’Noembru 2009 kienet nxtart Mercedes Benz E200 għas-somma ta €32,305 li bejn Jannar 2010 u Jannar 2012 ntefqet fuqha is-somma ta’ €2,127.32 bħala spejjeż fuq xogħlijiet ta’ tiswija . Bejn Marzu 2008 u Jananr 2012 ntefqu €11,874.83 f’fuel fuq dawn il-karozzi kollha.
Leg 12 PQ #23267 Sitting 358 2016-02-17 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – applikazzjonijiet għall-bini ta’ pompi tal-petrol

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-applikazzjonijiet għal bini ta’ pompi tal-petrol fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab nfurmat mill-Awtorità Maltija għall-Ippjannar u l-Ambjent li dawn l-applikazzjonijiet għadhom fi stadju preliminari, jistennew li jiġu sottomessi studji kif ukoll informazzjoni oħra relevanti biex ikunu jistgħu jigu proċessati.
Leg 12 PQ #22814 Sitting 357 2016-02-16 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Toroq rurali – fondi ewropej

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21153, peress illi hu huwa l-Ministru responsabbli mill-MEPA, u b’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17261, jista’ jgħid jekk għal kull triq rurali li sar ix-xogħol fiha, saritx applikazzjoni lill-MEPA qabel ma beda x-xogħol? Jekk fl-affermattiv, x’tip ta’ applikazzjoni saret u x’inhu n-numru tal-permess għal kull triq? Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess tal-MEPA għal kull triq?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill Onor Interpellant biex jirreferi il-mistoqsija lill Ministru tat-Trasport u Infrastruttura.
Leg 12 PQ #23063 Sitting 357 2016-02-16 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Safar ta’ persuna

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-mara tiegħu qattx siefret mingħajr il-Prim Ministru fuq xogħol uffiċjali tal-Gvern u jekk iva, fejn siefret, meta u f’kull każ jista’ l-Prim Ministru jagħti break down ta’ kemm kienu l-ispejjeż għal titjiriet, trasferimenti, lukandi, ikliet u per diem għal dan is-safar tagħha?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 12 PQ #23257 Sitting 357 2016-02-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex – ħaddiema mas-settur pubbliku

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-ħaddiema li bdew jaħdmu mas-settur pubbliku f’ Għawdex fis-snin 2013, 2014, 2015 u 2016 sal-lum? F’liema grad u f’liema dipartimenti ġew ingaġġati? Jista’ jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema Għawdxin trasferiti minn Malta għal Għawdex fis-settur pubbliku f’kull waħda mis-snin indikati hawn fuq u x’inhu l-grad tagħhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 12 PQ #22868 Sitting 356 2016-02-16 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – każijiet ta’ sound pollution

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjannar (MEPA) tinvestigax każijiet ta’ sound pollution minn attivitajiet kummerċjali fl-abitat? Dan peress livell għoli ta’ ħsejjes jista’ jsarraf f’problemi fuq is-saħħa tar-residenti.

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab informat mill-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) li f’kazijiet fejn l-istorbju minn attivitajiet kummercjali huwa kawża ta’ inkonvenjent, dawn il-każijiet għandhom jigu riferuti lill-pulizija. Permezz tal-proċess tal-ħruġ ta’ permessi ambjentali fuq ċerti attivitajiet kummerċjali u industrijali, kundizzjonijiet fil-permessi jistgħu jinkludu miżuri ta’ taffija ta’ hsejjes u l-potenzjal li jsir moniteraġġ fuq l-istess ħsejjes. Mit-tagħrif mogħti lili mill-MEPA jirriżulta illi konsegwenzi fuq is-saħħa tal-bniedem jaqaw taħt il-kompetenza tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali jew l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta fuq il-post tax-Xogħol.
Leg 12 PQ #22978 Sitting 356 2016-02-16 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — xogħol ta' konsulenza lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa’ Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġejja: Sena u data li fiha ngħata dan ix-xogħol Spiża ta' dan ix-xogħol Jekk ix-xogħol ngħatax b'direct order jew tender Natura tax-xogħol mogħti Sena 2011 - Data tal-fattura 30.08.2011 59.00 Direct Order Traduzzjoni ta' diskors tal-Prim Ministru Sena 2012 - Data tal-fattura 04.04.2012 236.00 Direct Order Qari tal-provi u korrezzjoni ta' dokument tas-Segretarjat tal-Prim Ministru
Leg 12 PQ #23057 Sitting 356 2016-02-16 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Persuna – servizz ta’ xufier

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-mara tiegħu għandhiex użu ta’ xufier?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-istess bħal fil-leġiżlatura li għaddiet, il-mara tiegħi tagħmel użu minn xufier.
Leg 12 PQ #23058 Sitting 356 2016-02-16 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Karozza tal-Gvern — persuna

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-mara tiegħu għandhiex użu ta’ karozza tal-Gvern? Jekk iva, kemm intefaq fuq fuel u manutenzjoni tal-karozza bejn Marzu 2013 u Diċembru 2015 b’total, bħala medja kull ġimgħa u kemm saru mili jew kilometri bil-karozza?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-mara tiegħi m’għandhiex użu ta’ karozza tal-gvern.
Leg 12 PQ #23059 Sitting 356 2016-02-16 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Persuna – staff mill-Gvern

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-mara tiegħu għandhiex xi ħadd imħallas mill-Gvern biex jassistiha u jekk iva, kemm għandha staff u x’inhuma l-pagi, salarji, allowances, perkaċċi, bħal użu ta’ mobile, remunerazzjoni u ħlasijiet oħra, u kemm tħallsu individwalment u kollettivament bejn Marzu 2013 u Diċembru 2015?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif kien kien il-każ matul l-ahhar leġiżlatura, l-mara tiegħi għandha persuna waħda li tassistijha fix-xogħol tagħha. Dwar il-parti l-ohra tal-mistoqsija tiegħu nirreferi lill-Onor Interpellant għall-Guidelines for the Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats, li kopja tiegħu tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f’seduta numru 7, tal-15 t’April 2013.
Leg 12 PQ #23060 Sitting 356 2016-02-16 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Attivitajiet uffiċjali tal-Gvern — persuna

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-mara tiegħu qattx mexxiet attivitajiet uffiċjali tal-Gvern mingħajr il-preżenza tal-Prim Ministru u liema kienu dawn l-attivitajiet bejn Marzu 2013 u Diċembru 2015?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tweġiba hija fin-negattiv.
Leg 12 PQ #23061 Sitting 356 2016-02-16 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Attivitajiet mhux uffiċjali tal-Gvern — persuna

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-mara tiegħu qattx ippatrunat attivitajiet mhux uffiċjali tal-Gvern mingħajr il-preżenza tiegħu u jekk iva, liema kienu dawn l-attivitajiet bejn Marzu 2013 u Diċembru 2015?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-attivitajiet tal-gvern ikunu dejjem uffiċjali.
Leg 12 PQ #23062 Sitting 356 2016-02-16 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Prim Ministru – safar ta’ persuna

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-mara tiegħu qattx siefret mal-Prim Ministru fuq xogħol tal-Gvern u jekk iva, fejn siefret, meta u f’kull każ jista’ l-Prim Ministru jagħti break down ta’ kemm kienu l-ispejjeż għal titjiriet, trasferimenti, lukandi, ikliet u per diem għal dan is-safar tagħha?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Kif ġara fis-snin li għaddew taħt amministrazzjonijiet preċedenti (ara mistoqsija parlamentari 34,306 Leġi¿latura XI), minn żmien għal żmien il-Prim Ministru jkun akkumpanjat mis-sinjura tiegħu għal impenji uffiċjali li jkollu barra l-pajjiż. Għad-dettalji mitluba minnu, nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12,281. Fl-okkazjonijiet kollha inħarget stedina uffiċjali minn naħa tal-organizatturi barranin lill-mara tiegħi. F’kull okkazjoni l-mara tiegħi ma rċevitx subsistence allowance.
Leg 12 PQ #22781 Sitting 355 2016-02-15 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Problema bil-bieb ta’ garaxx tad-Dipartiment tal-Artijiet – każ ta’ individwu

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21834, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu sabiex jiġi konkluż dan il-każ anke peress li l-istess garaxx għandu s-soqfa fi stat ta’ periklu u li qegħdin ikomplu jiddeterjoraw iktar ma jgħaddi ż-żmien?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadha qed tittieħed l-azzjoni kif ġie rappurtat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamenatri 21834.
Leg 12 PQ #23026 Sitting 355 2016-02-15 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Monument tal-Valletta Summit fi Pjazza Kastilja

Question

B'referenza għall-monument inawgurat mill-Prim Ministru fl-okkażżjoni tal-Valletta Summit fi Pjazza Kastilja, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġie jiswa (total) dan il-monument? Liema dipartiment, aġenzija jew awtorità governattiva ħadet ħsieb l-ordnijiet (procurement) u x-xogħlijiet relatati ma’ dan il-monument? Liema xogħlijiet relatati ma’ dan il-monument ingħataw wara sejħa għall-offerti/tender jew b'direct order u jgħid jekk il-monument hux se jibqa’ fil-lok li jinsab fil-preżent jew jekk hemmx il-pjan li jiċċaqlaq għal post ieħor?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ispiża hija kif indikat : Provediment u fabbrikazzjoni tal-irham € 177,000 (Halmann Vella Ltd) Inginirija, trasport u installazzjoni tal-monument fil-post € 33,040 (Halmann Vella Ltd) Provediment ta’ corten steel u fabrikazzjoni tal-istruttura tal-hadid € 57,112 (Atlas Tool Engineering Ltd) Disinn, assistenza u moniteragg tax-xoghol € 10,000 (Dr Vince Briffa) Ix-xoghol ta’ kordinazzjoni sar mill-Ufficcju tal-Prim Ministru. Il-monument sar permezz ta’ direct order bhalma jsiru l-monumenti kollha. Ma hemmx hsieb li l-monument jiccaqlaq.
Leg 12 PQ #23027 Sitting 355 2016-02-15 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rapport Annwali tal-Awditur Ġenerali — pubblikazzjoni

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk wara l-pubblikazzjoni tar-Rapport Annwali tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2014 fejn ġie ddikjarat li membri tal-Uffiċċju tal-Awditur ma ngħatawx aċċess għal Villa Francia mill-membri tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru għax kienu wisq impenjati, issa jista’ jgħid jekk Villa Francia kenitx aċċessibbli għall-investigazzjoni għall-membri tal-Uffiċċju tal-Awditur?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li ma kienx hemm talba oħra f’das-sens minn naħa tal-uffiċċju tal-Awditur Generali.
Leg 12 PQ #23053 Sitting 355 2016-02-15 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rwol ta’ persuna

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhu r-rwol uffiċjali tal-mara tiegħu fil-Gvern?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-istess bħal dak li kien ta’ nisa ta’ Prim Ministri oħra f’leġiżlaturi oħra.
Leg 12 PQ #23054 Sitting 355 2016-02-15 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rwol ta’ persuna fl-Armata

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-mara tiegħu għandhiex rwol uffiċjali jew mhux uffiċjali fl-Armata? Jista’ jgħid għaliex il-mara tiegħu wettqet funzjoni ta’ intermedjarju fi kwistjoni bejn il-Brigadier tal-Armata u membru tal-Armata? Ma jidhirlux li dan mhux rwol li għandu jitwettaq mill-mara tiegħu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Kif kien jiġri f’leġiżlaturi ohra ma’ nisa ta’ Prim Ministri differenti, il-mara tiegħi tintalab minn żmien għal żmien sabiex tassisti persuni varji. Nittama li bil-mistoqsija tiegħu l-Onor Interpellant mhux jibgħat il-messaġġ li persuni li jkollhom bzonn xi forma t’assistenza, għandhom ikunu injorati.