Legislature:
Category:
Reset
Active:

xufiera – temporary tags

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm tul ta' żmien huma validi t-temporary tags għax-xufiera tad-diversi mezzi tat-trasport ta' passiġġieri li ħarġu mit-12 ta' Marzu 2013 ’il hawn? Kemm ħarġu min dawn it-temporary tags f'dan il-perijodu lokalità b’lokalità u xahar b'xahar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi t-tags proviżorji li jinħarġu lix-xufiera tal-mezzi kollha tal-ġarr ta’ passiġġieri huma validi għal tlett xhur. Id-dettalji mitluba ta’ kemm inħarġu tags proviżorji mit-12 ta’ Marzu tal-2013 sal-20 ta’ Settembru 2013, lokalità b’lokalità u xahar b’xahar qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta – użu ta’ karozzi personali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li mit-12 ta' Marzu 2013 bdew jingħataw allowance biex jużaw il-karozza tagħhom f'Transport Malta jew awtoritajiet/dipartiment li jaqgħu taħtha? Għal kemm tammonta din l-allowance għal kull individwu li qed igawdi minn din l-allowance? X'xogħol qed jagħmlu dawn l-individwi li ngħataw din l-allowance? Fuq liema bażi nħarġet din l-allowance lil dawn l-individwi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li mit- 12 ta’ Marzu sal-lum kien hemm biss 5 persuni li ingħataw Allowance għall-użu tal-karozza tagħhom. Lista tad-dettalji kollha relatati qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Barra minn hekk qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista oħra ta’ xejn inqas minn 70 persuna oħra li ilhom jingħataw l-istess tip ta’ Allowance sa minn qabel it- 12 ta’ Marzu 2013.

Traffic Management and Road Safety Department — talbiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba għal parkeġġ residenzjali, sistemi ta' one way, modifikazzjoni ta' traffic management, eċċ. irċieva d-Direttur tat-Traffic Management and Road Safety Department mit-12 ta' Marzu 2013 ’il hawn kategorija b’kategorija u lokalità b’lokalità? Min għamel dawn it-talbiet? Kemm min dawn ġew imwieġba u liema ġew miċħuda u approvati?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Mellieħa — rotot tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema rotot li jservu l-lokalitatjiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar huma mistennijia li jinbidlu fi żmien qasir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li saru l-ewwel konsultazzjoni mal-kunsilli lokali u mal-pubbliku inġenerali, saret analiżi mill-esperti tas-suġġerimenti u tal-kritika mressqa minnhom. Fil-ġimgħat li għaddew, il-Kunsilli Lokali reġgħu ġew ikkonsultati biex jitħejjew ir-rotot finali skont kif propost. Dan l-eżerċizzju li kien imwiegħed li kellu jitlesta sal-aħħar ta’ Novembru, diġa’ ġie iffinalizzat. Ir-rotot il-ġodda ser jiġu ppubblikati fil-ġimgħat li ġejjin. Wara isiru taħditiet mal-operatur sabiex jiġi stabbilit kemm hemm bżonn ta’ aktar vetturi biex dawn ir-rotot ikunu jistgħu jiġu mplimentati.

Transport Malta — enforcement notices lill-Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il każ ta' enforcement kien hemm minn Transport Malta għal dak li jirrigwarda l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar? X'kienu l-każijiet li għalihom ħarġu l-enforcement notices? X'passi oħra ttieħdu mill-Kunsill jew mill-istess Awtorità wara l-ħruġ ta' dawn in-notices?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm inħarġu numru ta’ twissijiet ta’ nfurzar lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, inħarġet ittra ta’ nfurzar waħda fi Triq it-Turisti minħabba l-bini ta’ estenzjoni ta’ parti mill-bankina mingħajr il-permessi neċessarji tal-Awtorita’. Transport Malta ħadet il-passi neċessarji fuq il-post sabiex tiġi mneħħija l-estensjoni tal-bankina li saret bla permess.

Il-Mellieħa – Għadira – Triq ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-proġett ta’ triq ġdida fiż-żona tal-Għadira fil-Mellieħa għadux qed jiġi kkunsidrat mill-Gvern? Jekk le, hemm xi tip ta’ proġett ieħor li qed jiġi ppjanat mill-Gvern għaż-żona imsemmija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa Transport Malta għaddejja bl-evalwazzjoni ta’ diversi proġetti, fosthom dak imsemmi minnu.

Transport Malta – lista ta’ billboards

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kull billboard li għandu permess minn Transport Malta llum f’pajjiżna u jindika l-post fuq site plan, kif ukoll jagħti d-data meta saret kull applikazzjoni u meta ngħata l-permess flimkien mar-referenza ta’ kull applikazzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Peress li qed tintalab ammont sostanzjali ta’ informazzjoni dettaljata, ninforma lill-Onor. Interpellant li kif din l-informazzjoni tinġabar inkun f’pożizzjoni li nagħti l-informazzjoni kollha mitluba.

Tniġġis minn karozzi — Alert system

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti permezz tal-alert system kull xahar din is-sena fuq karozzi li allegatament kienu qed iniġġsu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ rapporti mibgħuta dwar emmissjonijiet ta’ vetturi bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena jammonta għal 9,664. L-ammont ta’ rapporti mibgħuta xahar b’xahar huwa hekk kif ġej: Xahar Ammont ta’ Rapporti Jannar 766 Frar 908 Marzu 1,224 April 1,251 Mejju 1,061 Ġunju 955 Lulju 1,196 Awissu 1,099 Settembru 1,204

Is-Siġġiewi — Triq ta’ Brandin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq ta’ Brandin li tagħti għall-wesgħat il-Palazz u l-Qajjied fis-Siġġiewi hemmx ħsieb li tinfetaħ u jekk iva meta se jibda dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li saru diskussjonijiet mal-Kunsilli Lokali, qiegħed jiġi mhejji programm ta’ xogħlijiet fuq toroq għall-perjodu ta’ ħames snin.

Ir-Rabat (Malta) — Vjal il-Ħaddiem - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk u meta se jerġa' jibda x-xogħol fuq it-tieni parti ta' Vjal il-Ħaddiem fir-Rabat, u sa meta dan ix-xogħol mistenni li jkun lest?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4219.

Kemmuna — bejgħ ta’ biljetti

Question

B'referenza għall-ittra li ntbagħtet mill-uffiċċju tal-ex Kap Eżekuttiv fi Frar 2013, fejn intqal li sa Ġunju 2013 kellhom jinbnew xi ticket booths biex jikkontrollaw is-sistema ta' bejgħ ta' biljetti lejn u minn Kemmuna, jista' l-Ministru jgħid x'sar minn dan il-ħsieb u allura jistax jikkonsidra li jsir xi ħaġa anke temporanja issa li daqt jibdew ix-xhur tas-sajf?

Response (MIZZI, JOE)

L-ittra li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, ntbagħtet taħt amministrazzjoni differenti, u ma nstabu ebda records tagħha. Transport Malta kienet irċeviet ittra rigward ticket booths, bir-risposta ta’ Transport Malta mibgħuta fis-16 ta’ Mejju, 2013. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ dawn l-ittri.

San Pawl il-Baħar – speed humps

Question

B'referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 171, 172, 390, 391, 430 431, 440 u 450 jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’passi ħadet Transport Malta biex tassigura li d-deċiżjonijiet tagħha jiġu rispettati, u x'passi ħadet l-istess Transport Malta biex tassigura li ma twaħħlux sinjali u tabelli li mhumiex awtorizzati minn l-istess Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull meta Transport Malta tinġibdilha l-attenzjoni li jkunu twaħħlu xi tabelli li jkunu twaħħlu mingħajr l-awtorizazzjoni tagħha, l-istess Transport Malta tieħu l-passi meħtieġa bħal ma ġara fil-każijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant.

San Pawl il-Baħar – talbiet għal zebra crossings

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar lil Transport Malta biex isiru zebra crossings, pelican lights jew traffic lights fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, matul l-aħħar sena u nofs? Liema kienu dawn it-talbiet jekk saru, meta saru l-istess talbiet talba talba, u għal liema parti tal-lokalità ntalbu dawn l-istess domandi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Proġett tas-Salini – faċilitajiet ta’ catering

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-faċilitajiet li qed jiġu mibnija mill-ġdid fil-proġett tas-salini, (riabilitazzjoni u bini ta' huts u salini) hux se jkun hemm faċilitajiet ta' catering biex jaqdu lil dawk li jmorru jżuru s-sit? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar jekk ħarġux it-tenders għal dak li hu management ta’ dawn l-istess faċilitajiet? Jekk ħarġu t-tenders meta ħarġu, u min ħa l-istess tenders? Jekk ma ħarġux meta hu mistenni li joħorġu t-tenders għal dawn il-faċilitajiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-intenzjoni hi li ġewwa Hut B li ser jintuża bhala Mużew fuq il-Melh ikun hemm cafeteria li tipprovdi 'lights snacks'. Bħalissa għadna fil-proċess li napplikaw il-MEPA għal 'change of use' minħabba li il-permess originali ma kienx jieħu ħsieb dan. Ninfurmah ukoll li ma inħarġu ebda tenders għal management.

Triq tal-Barrani — Ġibjun

Question

Jista’ l-Ministru jara li jitnadedaf il-ġibjun li hemm fit-Triq tal-Barrani inti u sejjer lejn Bulebell peress li qed jintefa’ ż-żibel fih b’mod li qiegħed ikerrah l-ambjent?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tindif tal-ġibjun ser isir mis-sezzjoni tal-Valley Management Unit. Għalkemm l-iskart li hemm imxerred fiż-żona tal-madwar, huwa fir-responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali Żejtun xorta waħda ser naraw li jittieħdu il-passi neċessarji biex isir dan it-tindif.

Toroq residenzjali — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara il-laqgħat li kellu ma’ diversi kunsilli lokali, ġewx identifikati dawk it-toroq residenzjali li fihom hemm bżonn ta' intervent immedjat? Liema huma dawn it-toroq, lokalità b’lokalità, li fihom hemm bżonn ta' intervent immedjat? X’baġit se jalloka il-gvern biex isir dan ix-xogħol? Meta se jibda ix-xogħol fuq dawn it-toroq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara dawn il-laqgħat li kelli mal-Kunsilli Lokali qiegħda tiġi mħejjija lista ta’ toroq residenzjali li għadhom qatt ma ġew mibnija. Din il-lista tikkonsisti f’persentaġġ ta’ bini residenzjali mat-triq u stimi tat-triq, b’preċedenza tingħata lit-toroq li huma l-aktar żviluppati. Bħalissa qed jitfassal programm ta’ xogħol għal ħames snin li gejjin biex dan ix-xogħol isir bi pjan dettaljat. Ix-xogħol fuq dawn it-toroq għandu jinbeda lejn l-aħħar ta’ din is-sena.

Toroq maġġuri — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq maġġuri (main roads) li għalkemm jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-kunsilli lokali se jsiru mill-Gvern wara talba li saret mill-kunsilli lokali rispettivi? X'baġit se jalloka l-Gvern biex isir dan ix-xogħol? Meta se jibda x-xogħol fuq dawn it-toroq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant illi skont kif intqal fil- PQ stess, il- Main Roads li mhumiex taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta jibqgħu responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali. Filwaqt li matul din iż-żjara fl-ebda ħin ma ġie mwiegħed li dawn it-toroq sejrin effettivament isiru minn Transport Malta, bħalissa qed tinġabar din l-informazzjoni u tiġi analizzata sabiex tkun tista tiġi definita il-problema. B’din l-informazzjoni il-Gvern ikollu stampa ċara ta’ xi pjanijiet futuri irid ifassal.

toroq — programm ta' major patching

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitkompla l-programm ta' major patching li kien inbeda taħt il-Gvern preċedenti? Meta hemm il-ħsieb illi dan il-programm ta' major patching ikun komplut? Kemm hu stmat li ġej jiswa dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-programm ta’ major patching huwa wieħed kontinwu u jitbiddel skont il-kundizzjoni u l-prijorita’ tat-triq.

Bormla – spiża fuq proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq il-proġett ta' Bormla mit-12 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Minn din in-nefqa, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm: (a) pagi tal-ħaddiema tal-Gvern li huma involuti f'dan il-proġett; (b) overtime u/jew shift allowance lil ħaddiema tal-Gvern li huma involuti f'dan il-proġett; u (ċ) xiri ta' materjal u kiri ta' makkinarju mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li sal- 1 t’April 2013 kienet intefqet is-somma ta’ € 4,866,395 fil-proġett kif ukoll €1,529,572 bħala ħlas lill-periti inkarigati mid-disinn fuq Dock 1. Madanakollu l-proġett kien għadu fi stat ta’ telqa. Taħt l-amministrazzjoni preżenti il-proġett miexi tajjeb ħafna. Kull min jgħaddi minn ħdejn il-Baċir wieħed jista’ jara li f’sitt xhur sar ħafna iktar progress milli sar f’sitt snin grazzi għall-Gvern preżenti li qed jieħu dan il-proġett bis-serjeta’. Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3883 tat- 30 ta’ Settembru fejn apparti it-tweġibiet mogħtija hawn taħt għandu jsib aktar informazzjoni relatata ma’ dan il-Proġett. In-nefqa fuq il-proġett ta’ Bormla bejn l- 1 t’April u 19 ta’ Settembru 2013 hija maqsuma kif ġej :- (a) L-ispiża tal-pagi tal-ħaddiema tal-Gvern fuq dan il-proġett hija stmata li tammonta għal madwar €310,000. (b) L-ispiża tal-overtime ta’ ħaddiema tal-Gvern kienet tammonta għal €114,710. (c) Nefqa ta’ materjal u kiri ta’ nġenji kienet tammonta għal €169,967 inkluż il- VAT. Fuq dawn l-ammonti mogħtija hawn fuq għad trid issir verifikazzjoni uffiċjali.

Baħar iċ-Ċagħaq – xogħlijiet fuq il-coast road

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-coast road ta' Baħar iċ-Ċagħaq meta diġà għaddew aktar min sitt xhur min meta nħarġet it-tender biex isir dan ix-xogħol, aktar u aktar fil-kuntest illi l-Gvern preżenti qed jgħid illi se jintilfu l-flus tal-Unjoni Ewropea għal dawn it-tip ta' proġetti li qed jaqgħu lura?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward dan il-proġett, Transport Malta qiegħda fil-proċess tal-aġġudikazzjoni tat-tender.