Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #4412 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

trasferimenti ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew trasferiti ħaddiema Għawdxin minn Malta għal Għawdex f'dawn l-aħħar sitt xhur, u fejn ġew posted?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li żewġ ħaddiema Għawdxin ġew trasferiti minn Malta għal Għawdex. Waħda ġiet posted id-Direttorat ghas-Servizzi Korporattivi u l-oħra ġiet posted id-Direttorat Ġenerali (Operations).
Leg 12 PQ #4413 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — servizz ta’ sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kuntratti għal għoti ta’ servizz ta’ sigurtà f'Għawdex in vigore, f'liema dipartimenti jew uffiċini huma u jpoġġi l-istess kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li bħalissa l-Ministeru għal Għawdex m’għandu l-ebda kuntratt in vigore għall-għoti ta' servizz ta' sigurtà.
Leg 12 PQ #4414 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bin-numru ta’ ħaddiema tal-Gozo Channel, il-grad jew mansjoni tagħhom, u meta bdew l-impjieg mal-Gozo Channel?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li fil-Gozo Channel hemm total ta' 206 impjegati li d-dettalji mitluba dwarhom qegħdin jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #4350 Sitting 56 2013-10-01 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba attenda għal-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea mid-9 ta’ Marzu ’l hawn? Jekk kemm-il darba m’attendiex għal xi laqgħa/laqgħat, x’kienu r-raġunijiet? Attenda xi ħadd ieħor minfloku?

Response (REFALO, ANTON)

Nagħraf lill-Onorevoli Interpellant li ma kelli l-ebda laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea mid-9 ta’ Marzu ‘l hawn.
Leg 12 PQ #3793 Sitting 53 2013-07-16 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — impjegati li qed isegwu kors l-Università

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċċji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qed jagħmlu kors l-Università u/jew kors online ma' università barranija (indikati separatament)? Jista’ jgħid liema korsijiet huma? Jista’ jgħid x’inhu l-grad ta’ kull impjegat u jekk id-dipartiment ikkonċernat hux qed jagħti xi għajnuna? Jekk fl-affermattiv, x’inhi din l-għajnuna?

Response (REFALO, ANTON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #1673 Sitting 52 2013-07-15 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat (Għawdex) – inawgurazzjoni tal-Librerija Pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol ta' titjib li sar fil-Librerija Pubblika Ċentrali fir-Rabat, Għawdex, u li inawgura fit-13 ta' Mejju, kif ukoll rendikont tal-ispiża li ntefqet kemm fit-titjib kif ukoll fiċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, jekk din saret?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li sa issa ntefqet is-somma ta' 17,456 f'xogħol ta' modernizar fil-Librerija Pubblika Ċentrali ta' Għawdex. Din l-ispiża kienet tikkonsisti f' xogħol ta' intermediary flooring, aluminju, vinyl flooring, xkaffar, light fittings u materjal li ntuża għal finishings. Ix-xogħol ta' tikħil, tibjid u żebgħa flimkien mal-mogħdija tad-dawl ġdid sar kollu mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. L-ammont li ntefaq għaċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni huwa ta' tletin Ewro.
Leg 12 PQ #3582 Sitting 52 2013-07-15 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — vjaġġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk waslux ilmenti fil-Ministeru dwar il-fatt li l-Gozo Channel qiegħda tagħlaq partijiet mill-vapuri tagħha għal numru ta’ vjaġġi matul ċertu ħinijiet tal-ġurnata/lejl, bil-konsegwenza li l-passiġġieri jkollhom joqogħdu bilwieqfa matul il-vjaġġ kollu? Jekk iva, x’irriżulta minn dawn l-investigazzjonijiet/rapporti?

Response (REFALO, ANTON)

Jiena infurmat li l-Ministeru għal Għawdex ma rċieva l-ebda ilmenti kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Barra minn hekk ninsab infurmat li l-anqas il- Gozo Channel ma irċeviet ilmenti simili. Minn investigazzjoni li għamet il-Gozo Channel ma jirriżultax li hemm vjaġġi fejn il-passiġieri qed ikollhom joqgħodu bilwieqfa matul il-vjaġġ f'dawn il-ħinijiet billi hemm partijiet oħrajn fuq il-vapuri fejn il-passiġieri jistghu joqgħodu bilqiegħda.
Leg 12 PQ #3778 Sitting 52 2013-07-15 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders fl-aħħar tliet xhur u jagħti d-dettalji relattivi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #3779 Sitting 52 2013-07-15 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ħruġ ta’ Tenders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tenders ħarġu f’dawn l-aħħar tliet xhur u jagħti d-dettalji relattivi? Jista’ jgħid kemm minnhom ġew aġġudikati u kemm kien hemm tenderers għal kull tender?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #1581 Sitting 50 2013-07-11 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — xogħol ta’ konsulenzi lil individwi jew kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi lil individwi u/jew kumpaniji mill-2004 sal-lum mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (REFALO, ANTON)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #1566 Sitting 48 2013-07-10 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – konsulenzi mill-1998

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi mill-1998 sal-lum mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (REFALO, ANTON)

L-informazzjoni mitluba mill- Onorevoli Interpellant qieghda tingabar u risposta tinghata f' xi seduta ohra.
Leg 12 PQ #2429 Sitting 48 2013-07-10 Oral · Interim From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Servizz Pubbliku – ingaġġ f’ministeri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema mis-servizz pubbliku jaħdmu fis-segretarjat tal-Ministeru u kemm hemm ħaddiema minn barra s-servizz pubbliku jaħdmu fl-istess segretarjat? Jista' jgħid kemm hemm konsulenti mal-Ministeru għal Għawdex u kemm qed jitħallas kull konsulent?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba se tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #1961 Sitting 47 2013-07-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Nadur (Għawdex) Triq Rabat – periklu minn ħajt ta’ lqugħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jittieħdu passi biex jiġi żgurat li m’hemmx periklu mill-ħajt ta' lqugħ li hemm fi Triq Rabat fin-Nadur, eżattament fil-post imsejjaħ Ħdejn il-Għajn, peress li jidher li hemm konsenturi li matul l-aħħar xitwa żdiedu mhux ftit?

Response (REFALO, ANTON)

Minsab infurmat li l- hajt ta' lqugħ fil-post imsejjah il-Ghajn li hemm fi Triq ir-Rabat fin-Nadur qiegħed jiġi mmonitorat biex jiġi stabilit jekk hemmx ċaqlieq fil-ħajt u b'hekk jiġi deċiż x' intervent hemm bżonn fuq dan is-sit.
Leg 12 PQ #1962 Sitting 47 2013-07-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Nadur (Għawdex) – Triq l-Imġarr – Playing Field — periklu minn ħajt ta’ lqugħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jittieħdu passi biex jiġi żgurat li m’hemmx periklu mill-ħajt ta' lqugħ li hemm fi Triq l-Imġarr fin-Nadur, eżattament il-ħajt tal-playing field, peress li jidher li hemm konsenturi li fl-aħħar xhur jidher li żdiedu sew?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li s-sit imsemmi ġie mgħoddi lill-Kunsill Lokali tal-lokalità tan-Nadur permess ta' fthim li sar fid-19 ta' Diċembru 2000.
Leg 12 PQ #1963 Sitting 47 2013-07-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Nadur (Għawdex) – Wied ta’ San Blas – xogħlijiet fuq ħajt

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li jsir xi xogħol fuq il-ħajt li jagħti għal fuq il-Wied ta' San Blas fi Triq it-Torri Sopu, Nadur, peress li jidher li taħt dan il-ħajt hemm blat li qed iċedi bil-periklu li ċċedi parti mit-triq?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li tajt struzzjonijiet biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa.
Leg 12 PQ #2648 Sitting 47 2013-07-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — kompożizzjoni ta’ bordijiet ta' entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #3355 Sitting 46 2013-07-08 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Deputy chief of staff/head of secretariat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux Deputy Chief of Staff/Deputy Head of Secretariat, u jekk iva min hi l-persuna li qed tokkupa dik il-pożizzjoni bħalissa fis-segretarjat privat tiegħu u/jew l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħu fejn applikabbli?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li ma teżisti l-ebda pożizzjoni ta' deputy chief of staff/deputy head of secretariat fil-Ministeru ghal Għawdex.
Leg 12 PQ #1549 Sitting 45 2013-07-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – konsulenzi mill-2004

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi mill-2004 sal-lum mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (REFALO, ANTON)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qiegħda tinġabar u risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #2634 Sitting 45 2013-07-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – tenders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tender għal xogħol f'Għawdex ingħatat il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru għal Għawdex bejn l-1998 u l-2102, sena b’sena ? Jista’ jgħid kemm kien il-valur ta’ kull tender? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti kull tender ? Jista' jgħid jekk dawn it-tenders ingħatawx b’direct order jew b’sejħa għall-offerti? Jista’ jgħid meta beda x-xogħol fuq kull tender mogħti? Jista’ jgħid meta kellu jitlesta u meta fil-fatt tlesta x-xogħol marbut ma’ kull tender?

Response (REFALO, ANTON)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qiegħda tinġabar u risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #3249 Sitting 45 2013-07-03 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Servizzi klerikali minn kuntratturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kuntratti maħruġa bejn 1 Jannar 2012 u 8 Marzu 2013 mid-dipartimenti u entitajiet fid-dekasteru tiegħu għall-servizzi klerikali minn kuntratturi li jissupplixxu skrivana li jagħtu xogħol f’dawn l-entitajiet tal-Gvern? Kemm minnhom jitolbu li l-kuntratturi jħallsu l-minimu ta’ skala 16 tas-servizz pubbliku (ekwivalenti ta’ Skrivan) u jekk le, xi ħlas qegħdin jieħdu l-ħaddiema? X’inhi r-rata kull siegħa li titħallas lill-kuntrattur?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li ma hemmx kuntratti maħruġa mid-dipartimenti jew entitajiet fid-dekasteru tal-Ministeru għal Għawdex għal servizzi klerikali minn kuntratturi li jissupplixxu skrivana.