Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Emendi

Question

B'riferenza għall-emendi li saru mill-Awtorita' tad-Djar għal Skema Z kif ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern tat-28 ta' Marzu 2000, jikkonsidra l-Viċi Prim Ministru li għal dawk il-persuni li jaqgħu taħt kategorija E li allura dħul massimu tagħhom ma jistax jaqbeż Lm5,000 u li l-membri fil-familja jkunu ta' bejn tlieta u erbgħa, "jingħatalhom perċentaġġ relatat ma' dawk li huma ħames membri fil-familja", meta wieħed jikkonsidra li llum il-ġurnata bħala average familja Maltija hija komposta minn erba' persuni? Jikkonsidra wkoll li din il-kategorija f'dan il-bracket jaqgħu biss dawk li huma ħames membri jew aktar fil-familja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-'Policy' preżenti ta' l-Awtorita' tad-Djar hi li biex wieħed japplika taħt din l-Iskema u Skemi simili d-dħul annwali tiegħu ma jridx ikun ta' aktar minn Lm4,300 wara li titnaqqas il-Bolla (National Insurance Contribution). Barra minnhekk, id-dħul miċ-'Children Allowances", fejn applikabbli ma jittieħdux in kunsiderazzjoni. Pero' biex tgħin aktar lil dawk il-familji ta' ħames persuni jew aktar l-Awtorita' tad-Djar estendiet ic-'ceiling' minn Lm4,300 fis-sena għall-Lm5,000. Dan sar biex tiġi implimentata l-wegħda elettorali tal-Gvern fil-qasam tad-djar. Id-dħul annwali għas-sena bażi jkun rivedut kull sena bl-ammont a bażi ta' kull sena tal-paga minima nazzjonali.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kellhom punti dawn il-persuni li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament biex ikkwalifikaw għal postijiet u li ġew mogħtija residenza alternattiva bħala housing soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-dettalji mitluba jingħataw biss meta l-Onor. Interpellant jipproduċi awtoriżżazzjoni bil-miktub mingħand l-applikanti konċernati peress li din l-informazzjoni hija waħda strettament kunfidenzjali.

Liġijiet tal-Part-Time Workers

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern hux qiegħed jippjana li jemenda l-liġijiet dwar il-Part-Time Workers? Jekk iva, għal meta huwa ppjanat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-punt imqajjem mill-Onor. Interpellant qed ikun ikkunsidrat, flimkien ma' provedimenti oħra li jeħtieġu tibdil, f'diskussjonijiet li qegħdin isiru dwar il-"Conditions of Employment Regulation Act". Ta' min jgħid li d-diskussjonijiet qegħdin jinvolvu lill-Gvern u lill- imsieħba soċjali tiegħu.

HSBC — Ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm telqu ħaddiema minn mal-HSBC minn meta ħadu over il-Mid-Med Bank is-sena l-oħra? Dawn telqu minħabba early retirement scheme jew minħabba raġunijiet oħra? X'inhija l-eta' ta' dawn il-ħaddiema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M'hix policy li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tagħti nformazzjoni fuq kumpanija speċifika.

Anzjani — Djar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' dieta' qed jinżammu fid-djar residenzjali ta' l-anzjani? Min jissorvelja dawn id-dieti? Hemm min jissorvelja d-dieti ta' l-anzjani fid-djar residenzjali privati? X'inspections isiru fuq ix-xiri ta' ikel eċċ fid-djar residenzjali ta' l-anzjani tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-anzjani rikoverati fid-djar residenzjali tal-Gvern jingħataw ikel bnin u skond il-bżonnijiet mediċi tagħhom. Waqt li f'erba' djar residenzjali l-ikel jissajjar fid-dar stess, fit-tlieta l-oħra l-ikel jiġi fornut lest mill-privat. Spetturi tas-Saħħa jagħmlu spezzjonijiet regolari fid-djar tal-gvern u anke tal-privat biex ikun assigurat li l-livell ta' ndafa u iġene qiegħed jinżamm u wkoll biex tkun osservata l-kwalita' ta' ikel li jitqassam. Uffiċjali tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Anzjani jagħmlu visti regolari fid-djar tal-Gvern.

Data Protecting Bill

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 15163 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi, ċioe' jista' jgħid x'inhi r-raġuni li diġa' sar l-ewwel qari tad-Data Protection Bill, Computer Misuse Bill, Electronic Communications and Transactions Bills, meta suppost li l-ewwel kellha titressaq white paper dwarhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-fatt li sar l-ewwel qari tal-liġijiet imsemmija jikkonferma l-impenn tal-Gvern li jilleġiżla dwar il-qasam. Dan ma jfissirx li l-'White Paper' ma tiġiex ippubblikata għal skop ta' diskusssjoni nazzjonali.

Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jiġi solvut il-każ ta' housing li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament? Jista' jagħti d-dettalji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fit-tnejn ta' Jannar, 2000, l-Awtorita' tad-Djar talbet lill-Attorney General biex joħroġ Legal Notice fil-Gazzetta tal-Gvern għat-trasferiment favur tagħha tal-fond indikat mid-Dipartiment tal-Artijiet. Kif din il-Legal Notice tiġi ppublikata, l-Awtorita' tad-Djar tibgħat għal din il-persuna.

Sigurta' Soċjali — Sussidju fuq dawl u ilma

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex koppja bir-relief li l-partikolaritajiet tagħhom qed jintbagħtu separatament, għadha mhux tieħu sussidju fuq id-dawl u l-ilma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Karozza uffiċjali ministerjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min għandu aċċess u permess jsuq u juża l-karozza uffiċjali ministerjali tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-karozza uffiċjali ministerjali tiegħi għandhom aċċess u permess li jagħmlu użu minnha is-sewwieqa awtoriżżati għal din il-għan.

Impjiegi — Long term unemployed

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti profil ta' l-eta' tal-long term unemployed li ilhom aktar minn sena; sentejn; ħames snin u fuqhom jirreġistraw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella tal-'long term unemployed' fl-aħħar ta' Frar 2000, li ilhom jirreġistraw għax-xogħol aktar minn sena; sentejn u ħames snin maqsuma bl-eta'.

Impjiegi — Ħaddiema boarded out

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew nies boarded out minn mal-gvern u mill-korporazzjonijiet pubbliċi sena b'sena mill-1996 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Nru. 12877 fejn, fost ħwejjeġ oħra, kont spjegajt li l-istatistika li tinżamm mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali hija dwar in-numru ta' persuni li jkunu ġew mogħtija Pensjoni ta' l-Invalidita'.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex l-anzjan li ismu qed jintbagħat separatament għadu jirċievi l-pensjoni tal-pulizija bin-nieqes wara li ilu 32 sena pensjonant? Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għal dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Billi l-Mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant titratta dwar pensjoni tal-Pulizija li titħallas mit-Teżor, nitolobu jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Minsitru jgħid persuna anzjana li r-raġel tagħha jinsab SVPR u li isimha qed jintbagħat separatament, kemm se tibda tirċievi pernsjoni peress li qiegħed jkollha ħafna verżjonijiet differenti u peress li issa parti mill-pensjoni se tinqata' biex jitħallas is-servizz li qiegħed jieħu r-raġel tagħha f'SVPR?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond kif jiena nfurmat il-persuna kkonċernata ġiet infurmata bir-rata ta' pensjoni dovuta lilha. Id-dipartiment ser jerġa jibgħat din l-informazzjoni lill-persuna ndikata minnu.

Benefiċċji Soċjali — Benefiċjarji Għawdxin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm benefiċjarji Għawdxin taħt il-35 sena li qegħdin jibbenefikaw taħt l-iskema tal-għajnuna soċjali, skond kull skema? Kemm hemm benefiċjarji li għandhom iktar minn 36 sena iżda li ma għalqux is-46 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi li titħallas Għajnuna Soċjali jew minħabba mard jew minħabba qagħad. L-Għajnuna Soċjali li titħallas lill-benefiċċarji li joqgħodu f'Għawdex hi maqsuma kif jidher hawn taħt. Għajnuna Soċjali 447 Għajnuna Soċjali għal Disimpjieg 281 Ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika li tiddentifika l-etajiet tal-benefiċċjarji li jirċievu l-Għajnuna Soċjali.

ETC — Għawdxin jirreġistraw

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' Għawdxin li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol f'Għawdex bejn Jannar 1999 u Marzu 2000? Għal-liema tip ta' xogħol qegħdin jirreġistraw u kif jinqasmu l-etajiet tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta' Għawdxin li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol bejn Jannar 1999 u Frar 2000 u għal-liema tip ta' xogħol kienu qegħdin jirreġistraw u l-etajiet rispettivi tagħhom.

ETC — Għawdxin jirreġistraw

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' Għawdxin li qegħdin jirreġistraw f'Għawdex għal xogħol konness mat-tbaħħir? Kemm ilhom jirreġistraw għal dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fi Frar 2000 kien hemm 28 Għawdxi li kienu qed jirreġistraw għal xogħol konness mat-tbaħħir (Ship's Deck Crew and Related Workers). Hawn taħt issib tabella fejn turi kemm ilhom jirreġistraw: SHIP'S DECK CREW AND RELATED WORKERS ------------------------------------ Taħ t 4 ġimgħat 1 4 - 7 ġimgħat 2 8 - 11 il-ġimgħa 2 16 - 19 il-ġimgħa 1 20 - 23 il-ġimgħa 3 24 - 47 ġimgħa 8 Sena sa sentejn 3 2 - 3 snin 1 3 - 4 snin 2 4 - 5 snin 1 5 - 10 snin 3 Fuq l-10 snin 1 TOTAL 28

Health Care — Servizz lill-Għawdxin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm Għawdxin li qegħdin jingħataw is-servizz ta' l-għajnuna fid-djar mill-impjegati tal-health care? Kemm huwa n-numru ta' dawn li jwettqu din ix-xorta ta' ħidma f'Għawdex? Hemm xi applikazzjonijiet pendenti biex jingħataw din l-għajnuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għal din il-Mistoqsija tista' tinġabar mis-Sezzjoni tal-Ħarsien ta' l-Anzjani fil-Ministeru għal Għawdex.

Koperattivi

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14982, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-ħames koperattivi ġodda li se jitwaqqfu fil-futur qarib? Jista' jgħid ukoll liema dipartimenti tal-Gvern saru laqgħat dwar koperattivi fis-servizz pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ħames koperattivi li ġew imwaqqfa riċentament huma: 1. Action Line Co-operative Limited 2. Archaeology Services Co-op Limited 3. Miles Co-op 4. Northern Cleaning Co-operative Limited 5. Local Wardens Co-operatives Society Limited Fir-rigward ta' koperattivi fid-Dipartimenti tal-Gvern u entitajiet pubbliċi bħalissa qegħdin isiru taħdidit avvanzati fid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni u fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Filwaqt li ser isiru taħdidit preliminari fil-Works Division (Marsa) u f'diversi dipartimenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, fil-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd, fil-Ministeru tat-Trasport u Kommunikazzjoni u fil-Ministeru għall-Għawdex.

Djar — Xiri ta' djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarx xi progress sabiex ir-residenti li joqogħdu fi Blokk C, Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla li jixtiequ jixtru d-dar tagħhom ikunu jistgħu jagħmlu dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-proċeduri tal-akkwist tal-art, li fuqha hemm mibni dan il-blokk isir mid-Dipartiment tal-Artijiet, din il-Mistoqsija l-aħjar issir lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tal-Art.