Legislature:
Category:
Reset
Active:

Iż-Żurrieq – Torri ta’ Xutu — restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' restawr fuq it-Torri ta' Xutu f'Wied iż-Żurrieq hux imdaħħal fil-programm ta' xogħlijiet ta' restawr tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa x-xogħol ta’ restawr fuq dan it-torri?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill- Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

San Pawl il-Baħar – loading/unloading bays

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kriterji li jintużaw biex jiġu approvati loading/unloading bays f'lokalitajiet bħal San Pawl il-Baħar? Kemm ġew approvati talbiet simili f'San Pawl il-Baħar matul din is-sena, u f'liema toroq, individwalment?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-polza għall-eliġibilità għal kaxxi tal-parkeġġ komunali bil-ħin għall-ħatt u tagħbija tal-merkanzija (loading/unloading bays) tgħid kif ġej: - Ħatt u tagħbija ta’ merkanzija jistgħu jsiru sa massimu ta’ tmien sigħat kuljum (sa 4 sigħat filgħodu u 4 sigħat wara nofsinhar). Il-kumplament tal-ħin jista’ jsir parkeġġ mhux ristrett b’dawn il-kundizzjonijiet (unrestricted parking); - Dawn li ġejjin huma eliġibbli għal un/loading bays: a) Negozji li jbiegħu white goods; b) Fran li ilhom joperaw sa minn qabel is-sena 2013; c) Negozji li jbiegħu għamara; d) Negozji li jbiegħu jew jikru heavy plant / machinery. - Limitu ta’ ħin sabiex vettura kummerċjali tkun tista’ tuża un/loading bay jista’ jiġi speċifikat; - Għal żoni kummerċjali, un/loading bay tista’ tiġi mmarkata b’restrizzjonijiet ta’ ħin għall-użu komunali; - Un/loading bays li huma komunali u ristretti bil-ħin jiġu kkunsidrati meta jkun hemm sitta jew aktar negozji jew ħwienet li jinsabu f’distanza mmedjata minn xulxin. - Ta’ min jgħid li dawn ir-regolamenti ġew stabbiliti f’ Marzu tal-2003 u ġew aġġornati f’dawn l-aħħar ġimgħat sabiex issa fran li ilhom joperaw sa minn qabel is-sena 2013 ikunu eliġibbli għal parkeġġ komunali bil-ħin għall-ħatt u tagħbija tal-merkanzija. Matul din is-sena, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar ġew approvati tliet kaxxi għall-ħatt u tagħbija ta’ merkanzija fi Triq Toni Bajada, Triq Tartarun u Triq San Pawl.

San Pawl il-Baħar – bypass — bozoz

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4291, jista’ l-Ministru jara li t-tiswijiet li hemm bżonn issir fil-bypass ta’ San Pawl b’rabta ma’ bozoz maqtugħa u arbli mdawrin isiru wara li ilhom ġimgħat jiġu rrappurtati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-imsemmija triq hemm mija u ħmistax-il arblu, jiġifieri mitejn u tletin bozza. Minn dawn, ninsab infurmat li hemm ħmistax-il bozza ma jixegħlux, liema bozoz ser jiġu mibdula fil-ġranet li ġejjin. Għaxar arbli mdawwrin ġew ukoll irranġati fil-bidu ta’ Ottubru. Tlabt lil min hu responsabbli biex issir reviżjoni tas-sistema tat-tibdil tal-bozoz biex dan il-proċess isir wieħed aktar effiċċjenti.

Bormla – xogħol fuq it-triq

Question

Peress li t-triq ta' Bormla reġgħet qed tinqala’ għax milli jidher kienu tħallew barra xi servizzi, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti dak kollu li tħalla nieqes? Jista’ jgħid jekk hux se jinżamm xi ħadd responsabbli għal dan ix-xogħol doppju u inkonvenjent mill-ġdid għar-residenti? Jekk fl-affermattiv, min kien responsabbli u x'azzjoni se tittiehed?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xoghol fl-inħawi msemmija huwa maqsum fi tliet fażijiet: - Triq Santa Tereża/Ix-Xatt ta’ Bormla: Ix-xogħol kien jikkonsisiti fit-tqegħid ta’ cable tad-dawl matul it-triq kollha (liema cable ma kienx sar qabel ma’ ngħata l-ewwel saff ta’ asfalt) u diversi crossings għas-servizzi skond il-ħtiega ta’ l-istallazzjoni tal-istess servizzi matul it-triq, estensjoni tas-sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita b’numru ta’ punti ġodda fejn jinġabar l-istess ilma , kif ukoll l-għoti tal-asfalt ( binder course u wearing course ) matul it-triq kollha. Billi x-xogħol tal- cable ma kienx sar, mhuwiex il-każ li se jsir ħlas doppju u l-uniku spiża żejda hija dik li trid tinqala’ parti mill- base course li kienet diġa tlestiet. Irid jingħad li dan l-ewwel saff ta’ asphalt kien ingħata biex jitnaqqas l-inkonvenjent illi kienu għaddejjin minnu r-residenti u dawk kollha li jagħmlu użu minn din it-triq. Madankollu, jekk jirriżulta li xi ħadd kien responsabbli għal dan in-nuqqas, jittieħdu l-passi dixxiplinari meħtieġa. - Triq il-Gublew tal-Fidda: Din il-parti ma kinitx inkluża fil-pjan oriġinali u f’Mejju li għadda ġiet deċiż li din tiġi nkluża in vista tal-proġett li sar fuq il-foss tal-Birgu; - Misraħ Gavino Gulia u Triq l-Inkurunazzjoni: Ix-xogħol hawnhekk beda fl-aħħar ta’ Awwissu u jikkonsisti fil-qlugħ tas-servizzi kollha, jiġifieri dawl, ilma, drenaġġ, infrastruttura tal-Go u tal-Melita kif ukoll sistemi tal-ilqugħ tal-ilma tax-xita u għat-tisqija tas-siġar fil-Bacir Numru 1. Eventwalment jingħata l-wiċċ u jsir il-pavimentar. Il-prijorita’ f’dan il-proġett tibqa’ li naraw li x-xogħol jitlesta tajjeb u mill-iktar fis possibbli u li nnaqssu kemm nistgħu l-inkonvenjent lir-residenti.

Port Workers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li se jiżdied in-numru ta' port workers? Jekk fl-affermattiv, b' kemm se jiżdiedu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal kontra ta ‘ dak li ġie mxandar u ppubblikat f’sezzjoni tal-media, ma saru ebda pjanijiet sabiex jinħarġu liċenzji ġodda għall-ħaddiema tax-xatt. Naħseb li l-Onor. Interpellant jaqbel li insinwazzjonijiet bħal dawn m’għandhomx isiru qabel ma jiġu vverifikati il-fatti. Għaldaqstant naħseb li jaqbel miegħi li sitwazzjonijiet bħal dawn fejn jallarmaw lill-pubbliku għandhom jiġu iddeplorati.

Liċenzji għat-tħaffir taż-żejt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema żoni u lil min inħarġu liċenzji mill-Gvern Malti għat-tħaffir taż-żejt mit-12 ta' Marzu 2013 ’l hawn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li saru diversi diskussjonijiet sabiex iwasslu għal ħruġ ta’ liċenzji ġodda għat-tħaffir taż-żejt. Peress illi fil-Mediterran u l-akwati tagħna qed isiru diversi żviluppi li hu maħsub li ser iwasslu għal aktar opportunitajiet għat-tiftiex taż-żejt, il-Gvern qed janalizza is-sitwazzjoni bir-reqqa qabel ma joħroġ liċenzji ġodda.

tħaffir taż-żejt — Kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kumpaniji taż-żejt li bħalissa qed juru interess fit-tħaffir taż-żejt fl-areas li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni Maltija u fiex waslu d-diskussjonijiet mal-Gvern Malti? F'kull każ, jista’ jgħid meta bdew id-diskussjonijiet mal-Gvern Malti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li hemm diversi kumpaniji li qegħdin juru interess f’Malta għat-tħaffir għaż-żejt u qed isiru diversi diskussjonijiet ma’ dawn il-kumpaniji. Mhux etiku li jingħata tagħrif dwar l-isem ta’ dawn il-kumpaniji qabel ma jintlaħaq ftehim minħabba f’interessi kummerċjali. Barra minn dawn it-taħditiet, ittieħdet ukoll inizzjattiva biex isiru diskussjonijiet bil-għan li jintlaħaq ftehim mal-pajjiżi ġirien biex fejn hemm areas diskutibbli issir attivita’ flimkien bejn Malta u l-pajjiżi ġirien.

tħaffir taż-żejt — Kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk preżentament hawnx kumpaniji li bħalissa għaddejjin bit-tħaffir taż-żejt fl-ibħra Maltin u f'liema stadju wasal dan it-tħaffir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li saru diversi diskussjonijiet kemm mal-kumpaniji li diġa għandhom liċenzja kif ukoll ma’ kumpaniji ġodda interessati li jidħlu fi ftehim mal-Gvern għat-tiftix taż-żejt, u dawn id-diskussjonijiet qed jiġu analizzati. Huwa maħsub li t-tħaffir għaż-żejt jinbeda fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.

Żoni għall-esplorazzjoni taż-żejt

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li turi dawk iż-żoni fejn Malta għandha dritt tagħmel l-esplorazzjoni taż-żejt?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li turi żoni għall-esplorazzjoni għaż-żejt. Din il-pjanta hi mingħajr preġudizzju għal pretenzjonijiet li Malta għandha dwar il-blata kontinentali.

Il-Belt Valletta — Tender għall-upgrading ta’ Putirjal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal it-tender għall-upgrading ta' Putirjal? Meta ħa jibda x-xogħol fuq dan is-sit?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema parti tal-proġett qed jirreferi.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — ħlas lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għamilx xi tip ta’ ħlas lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-Ministeru għamel użu mis-servizzi tal-Kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatment.

San Pawl il-Baħar – tibdil fir-rotot tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba Transport Malta tat permess għall-bdil tar-rotta tal-karozzi tal-linja fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar matul ix-xhur Ġunju - Settembru 2013? Liema kienu r-rotot hekk effettwati u f'liema ġranet saru l-bidliet li ġew approvati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul ix-xhur ta’ bejn Ġunju u Settembru 2013 ma kien hemm l-ebda tibdil fir-rotta tal-karozzi tal-linja fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. L-aħħar bdil li sar ġie fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 2013 wara qbil bejn il-partijiet konċernati. It-tibdiliet li saru huma hekk kif ġej: 1. Estensjoni tar-rotta bin-numru 13 ġewwa Pembroke fi Triq il-Professur Ganado; 2. Modifika fir-rotta 21 sabiex tibda tgħaddi minn Rue D’Argens minflok Triq Testaferrata f’triqitha lejn Tas-Sliema; 3. Estensjoni tar-rotta 82 biex tinkludi r-roundabout tal-Freeport; 4. Estensjoni tar-rotta 124 sabiex tinkludi l-lokalita’ tal-Isla. Ġiet introdotta ukoll ir-rotta ġdida bin-numru 237 illi isservi lill-Paradise Bay, l-Għadira u Anchor Bay. Fil-ġimgħat li għaddew, il-Kunsilli Lokali reġgħu ġew ikkonsultati biex jitħejjew ir-rotot finali skont kif propost. Dan l-eżerċizzju li kien imwiegħed li kellu jitlesta sal-aħħar ta’ Novembru diġa’ ġie iffinalizzat. Ir-rotot il-ġodda ser jiġu ppubblikati fil-ġimgħat li ġejjin. Wara isiru it-taħditiet mal-operatur sabiex jiġi stabbilit kemm hemm bżonn ta’ aktar vetturi biex dawn ir-rotot ikunu jistgħu jiġu implimentati.

San Pawl il-Baħar – reserved parking spaces

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kriterji li qed jintużaw minn Transport Malta għal dak li jirrigwarda approvazzjoni ta' reserved parking spaces f'lokalitajiet bħal San Pawl il-Baħar? Kemm ġew approvati talbiet simili f'San Pawl il-Baħar matul din is-sena u f'kull każ f'liema triq?

Response (MIZZI, JOE)

· L-approvazzjoni ta’ kaxxa riservata għal persuni b’diżabbilta’ tkun implimentata fl-eqreb parkeġġ skont il-liġi li jinsab fit-triq, mill-aċċess ta’ bieb ta’ barra tar-residenza reġistrata tal-persuna b’diżabbilta’. Din il-kaxxa tkun immarkata bis-simbolu internazzjonali ta’ siġġu tar-roti ġewwa kaxxa safra; · Il-post ta’ residenza tal-persuna b’diżabbilta’ (hekk kif indikat fil-karta tal-identita’) m’għandux ikollu garaxx , drive-in jew spazju ieħor fil-konfini tal-istess propjeta’, jew f’distanza ta’ 100 metru ta’ din il-propjeta’, li jista’ jintuża bħala spazju għall-parkeġġ jew car port, suġġett għal xi permessi mitluba mill-MEPA ; · F’każ li l-persuna b’diżabbilta’ għandha residenza tas-sajf, l-applikant għandu jiddikjara dan fl-applikazzjoni għal parkeġġ riservat fejn din tkun implimentata fir-residenza tas-sajf bejn ix-xhur ta’ Ġunju u Settembru, u/jew tkun implimentata wkoll fir-residenza prinċipali reġistrata bejn Ottubru u Mejju; · Il-persuna b’diżabbilta’ ma tkunx tista’ timxi jew ikollha diffikulta’ severa biex timxi; · Il-persuna b’diżabbilta’ għandha tkun ix-xufier/a tal-vettura, jew f’każ li l-persuna tuża’ siġġu tar-roti b’mod regolari jew għandha inqas minn tmittax-il sena, il-vettura trid tkun reġistrata fl-istess indirizz tar-residenza li għaliha qed issir it-talba; · Il-vettura għandha tkun reġistrata fl-istess indirizz tal-parkeġġ riservat; · Il-persuna b’diżabbilta’ għandha tkun Blue Badge holder; · Il-persuna b’diżabbilta’ trid tkun residenti f’Malta mhux inqas minn tliet mija u ħamsa u tletin ġurnata fis-sena; · Bħala regola ġenerali, kull permess għal parkeġġ riservat jiġi rivedut kull sena, madankollu l-bord jirriserva d-dritt li jirrevedi kull każ skont l-esiġenzi; · Id-deċiżjoni tal-Bord tista’ tigi appellata fir-Review Panel, li jinsab fil-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilta’, Hamrun High Street, St. Venera, fi żmien tletin ġurnata mid-deċiżjoni tal-Bord; · F’każ fejn il-parkeġġ riservat jintalab f’każ fejn ikun hemm diffikulta’ għall-aċċess tal-garaxx fir-residenza tal-applikant, u jekk l-applikant huwa eliġibli għal tali parkeġġ, din il-kaxxa riservata tiġi mmarkata quddiem dan il-garaxx. F’din l-aħħar sena ġew approvati sittax-il kaxxa riservata għall-persuni b’diżabbilta’ kif ġej: Kaxxi Riservati għall-Persuni b’Diżabbilta’ għal perjodu ta’ sena li tiġġedded huma fi: Triq San Publiju Triq Sir Luigi Preziosi Triq il-Ħġejjeġ Triq Parades Triq ir-Rebbiegħa Triq it-Torri Triq il-Villeġġatura Kaxxi Riservati għall-Persuni b’Diżabbilta’ għal perjodu ta’ erba’ xhur minn Ġunju sa Settembru huma fi: Triq it-Turisti Triq il-Katidral Triq il-Knisja Triq Għawdex Plajjet Bognor Triq San Ġwann Battista Triq ta’ Żandu Triq San Ġużepp Triq in-Nawfraġju

Grand Harbour Regeneration Project – kuntratt taċ-Chairman il-ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt taċ-chairman il-ġdid tal-Grand Harbour Regeneration Project li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid jekk dan il-kuntratt jinkludix l-użu ta’ karozza u/jew xufier?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt taċ-chairman il-ġdid tal-Grand Harbour Regeneration Project. B’referenza għall-artiklu 7 tal-istess kuntratt nixtieq nirrimarka li l-vettura msemmija qed tintuża għall-ħtiġijiet tal-GHRC u mhux għall-użu taċ - chairman biss.

Transport Malta – Kap Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt tal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid jekk dan il-kuntratt jinkludix l-użu ta’ karozza u/jew xufier?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta ma huwa qed jitħallas xejn aktar minn kemm kien jitħallas il-Kap Eżekuttiv ta’ qablu. Sadanittant huwa qed jassumi wkoll ir-rwol u r-responsabbiltajiet ta’ Chairman tal-Bord u ta’ dan ir-rwol ma huwa qed jieħu ebda ħlas.

Liċenzja tas-sewqan – kriterji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji toħroġ liċenzja tas-sewqan meta l-persuna li tkun għaddiet mill-eżami tas-sewqan: 1. Tkun trid tilbes in-nuċċali tal-vista; u 2. Tkun bla smigħ u ma titkellimx? Ikun hemm xi impożizzjonijiet oħra li jridu jiġu osservati kemm-il darba tinħareġ il-liċenzja tas-sewqan fuq tali persuna/i fiż-żewġ każijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kriterji li fuqhom tinħareġ liċenzja tas-sewqan wara li persuna tkun għaddiet mill-eżami tas-sewqan huma skont kif stipulat fil-Liġi Sussidjarja 65.18, marbuta wkoll mat-Tmien Skeda fejn tindika il-kriterji medici li jridu jintlaħqu. L-applikazzjoni għall-liċenzja tas-sewqan tinkludi fiha dikjarazzjoni mit-tabib mediku fuq kriterji partikolari li għandhom ikunu nnutati fuq il-liċenza ladarba wieħed jgħaddi mit-test prattiku. Dawn il-kriterji jiġu mmarkati fuq wara tal-liċenza tas-sewqan permezz ta’ kodiċi hekk kif indikati fis-Seba’ Skeda ta’ l-istess Liġi. Il-kodiċi huma hekk kif ġej: 1. Fil-każ ta’ nuċċali tal-vista wieħed isib kodici 01.06 2. Fil-każ ta smiegħ wieħed isib kodiċi 02, 02.01 jew 02.02 3. Fil-każ fejn wieħed ma jitkellimx, ma teżisti l-ebda restrizzjoni fuq il-liċenza tas-sewqan. F’każ fejn ikun hemm xi tibdil fil-kundizzjoni medika tas-sewwieq, l-istess sewwieq huwa obbligat li jinforma lil Transport Malta immedjatament. Anke meta persuna ma jkunx għad għandha bżonn ta’ l-użu tan-nuċċali, din tkun tista tippreżenta ċertifikat mediku sabiex il-kodiċi restrittiva titneħħa minn fuq il-liċenza tas-sewqan tagħha.

Il-Gudja – stat ħażin ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jara li titranġa t-triq fejn tirrisjedi l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li toqgħod qalb ir-raba’ u kull meta tagħmel ix-xita ma jkunux jistgħu jidħlu f’darhom minħabba l-istat ħażin tat-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-parti tat-Triq Birżebbuġa, Gudja li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija triq rurali li taqa' taħt ir-responsabilta` tal-Kunsill Lokali tal-Gudja. Madanakollu bħal ma jsir f’kull każ, lest li nagħti il-kontribut sħiħ tiegħi u niġbed l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati biex nara li is-sitwazzjoni titranġa.

Ir-Rabat – Vjal il-Ħaddiem — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fuq Vjal il-Ħaddiem, ir-Rabat? X'inhi r-raġuni li t-tender relatata max-xogħol għadha ma ħarġitx?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq msemmija ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta, iżda tal-kunsill lokali kkonċernat. Madanakollu bħal ma jsir f’kull każ, lest li nagħti il-kontribut sħiħ tiegħi u niġbed l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati biex nara li is-sitwazzjoni titranġa.

xufiera – temporary tags

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu temporary tags għax-xufiera tat-taxis il-bojod, chauffeur driven cars u għal kull mezz ieħor ta' trasport ta' passiġġieri mit-12 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi mit-12 ta’ Marzu tal-2013 sal-20 ta’ Settembru tal-2013, Transport Malta ħarġet 227 tag proviżorja għax-xufiera tal-mezzi kollha tal-ġarr ta’ passiġġieri.

xufiera – temporary tags

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-temporary tags għax-xufiera tad-diversi mezzi ta' trasport ta' passiġġieri li ħarġu mit-12 ta' Marzu 2013 ’il hawn humiex qed joħorġu skont il-passenger transport regulations?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi tags proviżorji ilhom jinħarġu minn Transport Malta sa minn meta daħlu fis-seħħ ir-Regolamenti dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri; jiġifieri mis-sena 2009. It-tags proviżorji jinħarġu għal żmien limitat ta’ tlett xhur lil dawk ix-xufiera li jkunu waslu biex iġeddu jew li jkun skadielhom il-permess ta’ xufier u t-tag tagħhom, sakemm jinkiseb ċertifikat maħruġ mill-Pulizija li juri r-reati kriminali u / jew kontravenzjonjiet li għalihom tali xufiera setgħu ngħataw sentenza kif ukoll il-piena marbuta magħhom. It-tag proviżorja tinħareġ minħabba li tali ċertifikat jista’ jieħu tul ta’ żmien sakemm jinħareġ u jiġi pproċessat u b’hekk dawk ix-xufiera li jkun skadielhom il-permess ta’ xufier u t-tag tagħhom ikunu jistgħu ikomplu jaqilgħu l-għixien tagħhom. Ladarba dan iċ-ċertifikat jingħata, Transport Malta tivverifika jekk dak ix-xufier għadux jissodisfa r-rekwiżit ta’ reputazzjoni u kondotta tajba skont il-provedimenti tal-istess regolamenti, u jekk fl-affermattiv jiġġeddidlu l-permess ta’ xufier u t-tag proviżorja tinbidel ma’ waħda valida għall- perjodu ta’ ħames snin.