Legislature:
Category:
Reset
Active:

ETC — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 13883?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-membri tal-Bord tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tal-liġijiet tal-kera huma: Dr J R Micallef - Chairman Dr Philip Sciberras Perit Alfred Valentino Dr Peter Grech Dr Tonio Mallia Ms Maria Camilleri Dr Evelyn Caruana Demajo Iltqajt kemm il-darba maċ-Chairman ta' din il-Kummissjoni u l-istess Chairman infurmani li r-rapport finali ser jiġi ppreżentat lili fil-futur.

Impjiegi — Ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13745?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba minn Settembru sa Jannar 2000 maqsuma fuq bażi ta': (i) full time jew part time u (ii) fi rġiel u nisa. Din it-tabella teskludi nies li jaħdmu mal-Gvern. Rigward il-figuri ta' nies li jaħdmu mal-gvern, din tista' tinġabar mill-Management and Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Djar — Kera

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fuq liema kriterju ġiet miżjuda l-kera għal Flat 5, Block A, Triq il-Plejju, Imġarr minn Lm60 għal Lm100 fis-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-sussidju tal-kera tal-post indikat ġie rivedut skond il-kuntratt ta' kiri ta' l-4 ta' Mejju 1994 li ffirma l-inkwilin meta ġie allokat il-post.

Għajnuna soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li ħaddiema tad-dipartiment tax-xogħlijiet jagħmlu spezjoni fuq gallarija fis-sit, li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament, minħabba li hija perikoluża ħafna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Saħħa u Sigurta' — Uffiċjali

Question

Xi spezzjonijiet saru s'issa minn uffiċjali nkarigati mill-ħarsien tas-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol biex jiġi stabbilit jekk hemmx xi kimika ta' periklu għas-saħħa ta' dawk li jużaw l-iskola sekondarja Sir Temi Zammit ta' l-Imtarfa, liema kimika qed tintuża fit-tkabbir tal-faqqiegħ taħt l-iskola?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Saret spezzjoni għall-għarrieda fl-istabbiliment imsemmi, kif ukoll saret laqgħa biex tinġabar informazzjoni mingħand l-amministraturi tal-iskola. Il-każ għadu qed ikun investigat. L-amministraturi kienu mitluba jinfurmaw lill-ispetturi tas-saħħa u s-sigurta' hekk kif jindunaw b'xi riħa li tista' tkun ġejja mill-post imsemmi jew jekk ikun hemm xi ħadd li jsofri xi sintomi.

Djar — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani bil-programm ta' manutenzjoni li se jagħmel id-Dipartiment tal-Housing fl-appartamenti u l-bini mikri lir-residenti li hemm fl-Imtarfa matul din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li qed nagħti għall- Mistoqsija Parlamentari Numru 15356.

Rabat — Għeriexem - Manutenzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani bil-programm ta' manutenzjoni li se ssir fuq il-Housing Estate ta' l-Għeriexem fir-Rabat? Jista' jara li jsir stħarriġ dwar kemm jiswa l-iżvilupp ta' l-istallazzjoni tal-lifts f'dan il-qasam tad-djar peress li l-eta'medja tar-residenti qiegħda dejjem tiżdied?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li qed nagħti għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15356.

Rabat — Għajn Qajjed - Manutenzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani bil-programm ta' manutenzjoni li se jsir mid-dipartiment fil-qasam tad-djar ta' Għajn Qajjed ir-Rabat, Malta matul din is-sena? Jista' jikkonsidra li fl-estimi tas-sena 2001 jinkludi l-istima għall-iżvilupp tal-lifts f'dan il-qasam tad-djar? Jista'jara li jsir stħarriġ dwar kemm jiswa dan l-iżvilupp tal-lifts f'dawn il-housing estates?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena ser jitkomplew xogħolijiet skond it-talbiet li jkunu saru lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar. Il-programm tax-xogħolijiet jiġi aġġornat kull xahar. Kif ġa kelli okkażżjoni ngħid qabel, mhuwiex xieraq li wieħed jagħti dettalji ta'ismijiet u ndirizzi f'din it-Tweġiba; iżda jekk l-Onor. Interpellant għandu xi mistoqsija dwar xi blokki partikolari jista' jikkontattja direttament lid-Dipartiment jew jgħaddili l-informazzjoni. Dwar l-istallar ta' 'lifts', li hija Skema ta' l-Awtorita' tad-Djar, irrid ngħid li wara li jsir l-istudju fuq blokki/entraturi li residenti tagħhom applikaw taħt din l-iSkema, hemm il-pjan li din l-iSkema tiġi estiża għall-lokalitajiet oħra f'Malta u Għawdex. Meta jsir dan, l-Awtorita' tad-Djar tkun tista' tagħti l-informazzjoni mitluba.

Impjiegi — Ħaddiema b'diżabbilita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 15209 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid x'inhu n-numru ta' ħaddiema mal-gvern ikklassifikati bħala disabled?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M'huwiex minnu li l-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15,209 ġiet riferuta mil-Prim Ministru lill-Ministru għall-Politika Soċjali. B'danakollu, nixtieq ninforma lill-Onor. Membru li: (i) għalkemm il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' żżomm Reġistru ta' persuni b'diżabilita', preżentement mhiex f'pożizzjoni li tindika kemm minn dawn il-persuni għandhom impjieg mal-Gvern; (ii) hemm kuntatti bejn il-Kummissjoni, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-'Management and Personnel Office' dwar il-possibilita' li din l-informazzjoni tinġabar.

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Arretrati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 15245 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jikkonferma jekk il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, hijiex se tieħu l-arretrati tal-ftehim kollettiv li sar mat-Tarzna ta' Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond informazzjoni mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata dwar l-arretrati dovuta lilha permezz ta' ittra li ġġib id-data tal-21 ta' Marsu 2000. F'din l-ittra l-persuna kienet nfurmata kemm dwar l-ammont dovut kif ukoll bid-data meta dawn l-arretrati kellhom jitħallsu. Id-Dipartiment ser jerġa' jibgħat kopja ta' din il-korrispondenza lil persuna konċernata.

Impjiegi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn nies li huma reġistrati bħala gainfully occupied bħalissa? Kemm minn dawn għandhom 'il fuq minn 60 sena? Kemm minn dawn jaħdmu fis-settur pubbliku? Kemm minn dawn jaħdmu fis-settur privat? Minn dawn ta' l-aħħar, kemm hemm li huma self-employed? Tista' din l-informazzjoni tingħata għas-snin 1996, 1997, 1998, 1999 u sa Frar 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Din il-Mistoqsija ser tiġi mwieġba aktar tard minħabba l-volum ta' xogħol li fiha.

Screening tal-liġijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-iscreening dwar il-liġijiet li jidhru hawn taħt huwiex diġa' lest? Jekk huwa lest, jista' jgħid liema klawsoli tal-liġijiet li għadni kif elenkajt iridu jiġu mibdula? Conditions of Employment (Regulations) Act 1952; Social Security Act 1987; Industrial Relations Act, 1976; Occupational Health and Safety (Promotion) Act 1994; Other Occupational Health and Safety Regulations.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nikkonferma li fil-proċess ta' l-'iscreening'ta' Kapitlu 2 (Free Movement of Persons) u Kapitlu 13 (Social Policy and Employment) ta' l-'acquis communautaire' ta' l-Unjoni Ewropeja ġie stabbilit li l-liġijiet lokali ndikati mill-Onor. Membru, ħlief għall-'Industrial Relations Act', 1976, għax ma jeżistux Direttivi dwar dan is-suġġett, jinħtieġ li jsirilhom ċertu tibdil. M'huwiex possibbli, iżda, f'dan l-istadju li jiġu ndikati l-klawsoli partikolari li hemm bżonn li jinbidlu, għalkemm, bħal ma naħseb li jaf l-Onor. Membru, ħlief għal-liġi dwar is-Sigurta' Soċjali, l-Gvern bi ħsiebu jressaq għall-konsiderazzjoni tal-Parlament liġijiet ġodda u mhux emendi tal-liġijiet preżenti. Il-bżonn ta' dan it-tiġdid ilu jinħass u huwa meħtieġ irrispettivament min-negozjati ta' Malta għad-dħul fl-Unjoni Ewropeja.

Korporazzjonijiet — NI

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jaġġorna mistoqsija parlamentari numru 3864 sad-data tal-15 ta' Marzu, 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li għal dak li jikkonċerna l-arretrati ta' kontribuzzjonijiet tat-taxxa tas-Sigurta' Soċjali dovuti minn korporazzjonijiet u kumpaniji li fihom il-Gvern għandu sehem, il-pożizzjoni għadha kif kienet, cioe' l-ammont dovut għadu ta' Lm45,000. Fir-rigward ta' arretrati dovuti minn kumpaniji privati l-ammont dovut issa huwa stmat għall Lm6.1m. Dan hu dovut għall-fatt li, minkejja li nġabru madwar Lm270,000 fl-1999, id-Dipartiment identifika kumpaniji oħra li għalhekk reġgħu għolew ċ-ċifra għall-ammont indikat.

Qormi — De La Crux Avenue - Tiswijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11329, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'sar mis-suġġeriment tiegħu lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar, dwar il-blokki ta' appartamenti f'De La Crux Avenue, peress li issa għaddew ta' lanqas erba' xhur, minn meta sar is-suġġeriment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar li s-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant ma jaqbilx li jsir għax toħnoq l-arja fit-tromba tat-taraġ.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hemm hu n-numru ta' persuni li qed jieħdu l-ogħla rata ta' pensjoni kontributorja marbuta mal-maximum pensionable income ta' Lm6241 u Lm6750?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' pensjonijiet kontributorji li jitħallsu bl-ogħla rata ta' pensjoni ta' żewġ terzi huma ta' 731.

Anzjani — Bormla

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista, lokal lokal, tal-waiting list ta' anzjani biex jidħlu fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Jista jgħid ukoll kemm hemm irġiel u nisa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-lista lokal lokal, ta' anzjani biex jidħlu fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla hija kif ġej: Birgu 10 B'Buġia 1 Bormla 31 Fgura 3 Ħamrun 2 Isla 3 Kalkara 4 Luqa 1 Marsa 3 M'Skala 2 Msida 1 Paola 3 Qawra 1 Qormi 1 Siġġiewi 3 Sta. Luċia 4 Tarxien 1 Żabbar 10 Żejtun 3 Żurrieq 2 Din il-lista tikkonsisti minn 27 raġel u 62 mara.

SVDP — Residenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista, lokal lokal, tal-waiting list ta' anzjani biex jidħlu f'St Vincent de Paule Residence? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom huma rġiel u kemm nisa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-'Waiting List' ta' anzjani li jixtiequ jidħlu fir Residenza ta' San Vinċenz de Paule tikkonsisti minn 143 raġel u 386 mara. L-informazzjoni ta' din il-lista lokal b'lokal tingħata iktar tard.