Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #1525 Sitting 22 1998-12-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Talbiet mill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet quddiem l-awtoritajiet tal-Pulizija mill-kunsilli lokali għal: 1) ftuħ ta' għases fejn bħalissa m'hemmx jew mhux qed jinfetħu; 2) ftuħ ta' għases fuq bażi permanenti fejn illum qed jinfetħu għal xi sigħat biss; 3) stazzjonar ta' aktar pulizija fid-distrett tagħhom; u mil-liema kunsill lokali saru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn żmien għal żmien il-Pulizija tirċievi talbiet dwar is-suġġett tal-Mistoqsija li jiġu kkunsidrati skond ir-riżorsi disponibbli u l-esiġenzi tas-servizz fiż-żmien li ssir it-talba. 07.12.98
Leg 9 PQ #1530 Sitting 22 1998-12-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Oġġezzjonijiet mill-kunsilli lokali

Question

Matul din is-sena, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm oġġezzjonijiet mill-kunsilli lokali għall-bini/estensjonijiet jew xort'oħra fil-belt/raħal taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? F'liema lokalitajiet kienu u dwar xiex kienu dawn l-oġġezzjonijiet? Kemm minn dawn intlaqgħu mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Kemm hemm pendenti? Kemm ġew irtirati?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li ma jeżistux oġġezzjonijiet pendenti jew milqugħa. Kull oġġezzjoni li l-Awtorita` ta` fuq applikazzjonijet għal żvilupp, tiġi kkunsidrata waqt l-evalwazzjoni ta` l-iżvilupp propost. Għaldaqstant jeżistu biss applikazzjonijiet pendenti jew milqugħa. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li tirreferi għall-oġġezzjonijiet li saru fuq applikazzjonijiet għal żvilupp li saru fl-1998. 07.12.98
Leg 9 PQ #1833 Sitting 22 1998-12-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Mellieħa — Ristorant Rebecca

Question

Jistgħu jittieħdu passi mill-pulizija biex ma jħallux il-bougamvilla ta' barra r-ristorant (Rebecca) fi Triq it-Tagħam, fil-Mellieħa tkompli tingombra l-bankina u toħloq inkonvenjent għal min jgħaddi u għal ġirien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ttieħdu l-passi meħtiega biex dan l-inkonvenjent jitneħħa. 07.12.98
Leg 9 PQ #2088 Sitting 22 1998-12-07 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rapportati reati ġewwa Paceville u San Ġiljan din is-sena? X'tip ta' reati kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub hu kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 07.12.98
Leg 9 PQ #2089 Sitting 22 1998-12-07 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Qorti — Tfal taħt is-16-il sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu tfal taħt is-16-il sena l-qorti, sena b'sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta` persuni taħt is-sittax-il sena li ttelgħu l-Qorti, sena b`sena, bejn l-1989 u s-26 t`Ottubru, 1998 kien kif ġej:- Sena Numru Ta` Persuni ____ _________________ 1989 74 1990 87 1991 110 1992 89 1993 116 1994 118 1995 108 1996 121 1997 41 1998 146 07.12.98
Leg 9 PQ #2163 Sitting 22 1998-12-07 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru, għall-perijodu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-1 ta' Diċembru, 1998, jagħti lista tal-kuntratti li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt: (a) jindika x'kien il-kuntratt; (b) min għamel l-ispecifications; (ċ) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (d) lil min intalbu l-quotations; (e) kemm kienet kull quote; (f) min rebaħ il-kuntratti; (g) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali; u (h) kemm kien il-valur totali tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata fxi seduta oħra. 07.12.98
Leg 9 PQ #2189 Sitting 22 1998-12-07 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni maqbuda b'senter bla permess

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies b'senter bla permess mill-5 ta' Settembru, 1998?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant għall-perijodu 5 ta` Settembru, 1998, sat-30 ta Novembru, 1998, kien kif ġej:- Settembru 12 Ottubru 1 Novembru 8 07.12.98
Leg 9 PQ #2201 Sitting 22 1998-12-07 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Proprjeta' b'Ref. No. 253/97

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju li fil-Gudja hemm post li ġie ddikjarat bħala proprjeta' skedata b'Ref. No. 253/97 u bħala konsegwenza Triq San Mark li kienet twessgħet fi żmien Gvern Nazzjonalista reġgħet djieqet fl-Amministrazzjoni Laburista bir-riżultat li issa t-triq hija idjaq minn żewġ metri? Il-Ministru huwa konxju li r-residenti oġġezzjonaw għal aktar minn darba għal dan l-iskedar bla bażi, anke qabel ma ġiet sketata permanentement,iżda ma kellhomx il-mezzi biex jagħmlu appell bl-ispiża ta' Lm80? Jikkonsidra l-Ministru li l-provvediment li biex wieħed jappella minn deċiżjoni ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, fejn wieħed irid iħallas is-somma ta' Lm80 jmurx kontra id-drittijiet tal-bnedmin u li qed ikun hemm ċirkostanzi fejn minħabba din ir-restrizzjoni il-ġustizzja qed tiġi mxekkla? Jikkonsidrax ukoll il-Ministru jekk, fejn kien hemm każi li ma ġewx appellati minħabba dan il-provvediment, għandhomx jiġu kkonsidrati mill-ġdid?

Response (BORG, TONIO)

Din il-parti tat-Triq baqgħet fl-istat oriġinali tagħha u hija triq karatteristika bħal toroq oħra fir-raħal tal-Gudja. Din it-triq hija iżjed wiesgħa minn żewġ metri u fil-fatt tintuża mit-traffiku bħala one way. Skond l-informazzjoni li għandha l-Awtorita`, l-unika oġġezzjoni għal dan l-iskedar (li ġie meqjus bħala rikonsiderazzjoni) sar minn terza persuna li toqgħod f`din il-parti tat-triq. L-iskedar ta` din il-proprjeta` mhux bla bażi u fil-fatt kull skedar isir fuq il-Policy Guidelines u l-livelli ta` protezzjoni indikati fil-Pjan ta` Struttura. Din l-istruttura ġiet skedata bħala Grad 2 minħabba dan li ġej: (i) minħabba l-karatteristiċi ta` l-arkitettura vernakulari (ii) minħabba li tagħmel parti mill-qalba tar-raħal Fuq it-tieni punt ta` min jgħid illi hija karatteristika tar-raħal Malti li jkollok toroq b`dawn il-karatteristiċi li bla dubju jagħtu d-dimensjoni storika ta` l-ispazju u tessitura urbana. Minħabba dawn il-kwalitajiet, it-talbiet ta` din it-terza persuna twieżnu u nstabu li huma bla bażi. L-Awtorita` ta` l-Ippjanar, minkejja l-provvedimenti tal-liġi, ikkunsidrat l-oġġezzjoni tat-terza persuna bħala rikonsiderazzjoni mingħajr ebda ħlas. Izda ta` min jgħid li t-terza persuna ma` tista` bl-ebda mod toġġezzjoni għall-iskedar u terza persuna tista` biss tappella skond Att Nru I ta` l-1992. Is-sistema u proċedura preżenti tipprevedi li jkun hemm żewġ possibbilitajiet sabiex wieħed joġġezzjoni għall-iskedar (a) b`rikonsiderazzjoni (bla ħlas) u (b) b`appell għad-deċiżjoni tal-Bord ta` l-Ippjanar (tmenin lira). Il-ħlas ta` appell huwa stabbilit bil-liġi u hija proċedura tal-Qrati. L-Awtorita` ta` l-Ippjanar dejjem tikkunsidra kull talba minħabba li l-konsultazzjoni hija fundamentali fil-proċess ta` l-Ippjanar. Kemm-il darba li l-Awtorita` ma taqbilx ma talbiet proposti ma jfissirx li qed tinjora dawn it-talbiet. 07.12.98
Leg 9 PQ #2263 Sitting 22 1998-12-07 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Scrapyard

Question

B'riferenza għall-kopja ta' ittra, li qed tintbagħat separatament jista' l-Ministru jgħid jekk din l-iscrapyard hijiex qed topera bla permess? Jekk fl-affermattiv, x'passi ttieħdu min-naħa tal-Ministru u x'passi ttieħdu min-naħa ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Ittieħdu passi mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar kontra s-sidien ta` kull scrapyard li hija bla permess f`Birebbuġia. Inħarġu Enforcement Notices, u l-kwestjoni hija quddiem il-Bord ta` l-Appell dwar l-Ippjanar. 07.12.98
Leg 9 PQ #1914 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu ngaġġati nies minn barra biex jaħdmu fuq opri tal-baħar li għandu jew se jkollu fil-futur qarib id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li qed isiru diskussjonijiet dwar is-suġġett tal-Mistoqsija ma` l-Armata u aġenziji oħra biex jiġi stabbilit jekk il-Gvern jistax jinqeda bir-riżorsi eżistenti. Skond l-eżitu ta` dawn id-diskussjonijiet jiġi deċiż jekk jinfetaħx l-ingaġġ għal nies minn mal-Gvern kif ukoll minn barra. 04.12.98
Leg 9 PQ #2082 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Permessi għal rave parties

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1437 u r-risposta li ngħatat, jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rave parties li saru Għawdex kellhomx bżonn ta' permess mill-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-post fejn saru dawn iż-żewġ rave parties, li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant, huwa liċenzjat biex isiru disco dances matul is-sena kollha u allura ma kellhomx bżonn permess ieħor. 04.12.98
Leg 9 PQ #2123 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Ombudsman — Każ Nru. 1855

Question

In vista tar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 1491, jista' l-Ministru jgħid fiex fil-prattika u fid-dettall, kienu jikkonsistu l-passi li ħadet l-Awtorita' ta' l-Ipjanar biex twettqu r-rakkmandazzjonijiet ta' l-Ombudsman fil-każ Nru. 1855? Jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar laqgħet tali rakkmandazzjonijiet, sa meta se jittieħdu l-passi idonei sabiex tiġi rattifikata l-inġustizzja konnessa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna konċernata ngħatat il-ħatra b`effett mill-1 t`Ottubru, 1996. L-arretrati dovuti jitħallsu mas-salarju ta` Diċembru, 1998. 04.12.98
Leg 9 PQ #2124 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Għargħur — Triq Dun Salv Zarb

Question

Jista' l-Ministru jara li t-Triq Dun Salv Zarb, Għargħur fejn parti minnha hija għalqa f'nofs it-triq, tiġi minnufih esproprjata u b'hekk tinfetaħ it-triq sew u jkunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet neċessarji u t-triq tkun miftuħa bħala waħda regolari peress li din it-triq hija kollha mibnija u fiha numru kbir ta' residenti?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat, u ċioe` lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tat-Toroq, peress li esproprijazzjoni tat-tip imsemmija fid-Domanda, isiru biss fuq talba tad-Dipartiment fuq indikat. 04.12.98
Leg 9 PQ #2142 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

ALE — Tneħħija ta' karozzi abbandunati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lil ALE milli twettaq il-ħidma tagħha f'dik li hi t-tneħħija ta' karozzi abbandunati mit-toroq ta' l-ibliet u rħula tagħna bir-riżultat li dawn qed joħolqu problemi kbar għar-residenti, kif ukoll għal kunsilli lokali li, minkejja rapporti għal xhur sħaħ mhux qed jirnexxilhom isibu ko-operazzjoni mingħand min għandu r-responsabbilta' li jwarrab dan l-inkonvenjent?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minkejja d-diffikultajiet loġistiċi u n-nuqqas ta` trasport speċjali meħtieġ, il-Pulizija kontinwament tneħħi vetturi abbandunati fit-toroq, tant li din is-sena, sat-23 ta` Novembru, tneħħew 182 vettura ta` dan it-tip. Ninsab infurmat ukoll, li kien hemm każijiet fejn intlaħaq ftehim bejn il-Kunsilli Lokali u l-Pulizija biex vetturi abbandunati jitneħħew mill-Kunsill taħt is-sorveljanza tal-Pulizija. Qed isiru diskussjonijiet biex tiġi eżaminata l-possibilita` li dan ix-xogħol ikun jista`, bħal fil-każ tat-towing / clamping, isir mill-privat taħt is-sorveljanza tal-pulizija. 04.12.98
Leg 9 PQ #2146 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każ ta' parker

Question

Peress li persuna li isimha qed jintbagħat separatament u li ottjeniet permess biex taħdem ta' parker permezz ta' frodi fl-applikazzjoni tant li kontriha qed jittieħdu proċeduri kriminali, jista' l-Ministru jgħid għaliex din qed titħalla taħdem għad-detriment ta' ħaddieħor li għandu permess regolari? Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-liċenzja ta' din il-persuna ma ġietx sospiża kif soltu jsir?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dan il-każ għadu sub judice. Dwar is-sospensjoni, kanċellament jew nuqqas ta` tiġdid tal-liċenzja, qed jiġi investigat il-każ, u tittieħed deċiżjoni skond il-parir legali. 04.12.98
Leg 9 PQ #621 Sitting 20 1998-12-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Barranin li kellhom working permit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni barranin li kellhom working permit f'pajjiżna matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? X'karigi kellhom dawk il-persuni u ta'liema nazzjonalita' kienu? Kemm-il talba simili ġiet rifjutata matul l-istess perijodu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni barranin li kellhom liċenzja ta' mpjieg (employment licence) biex jaħdmu f'pajjiżna u n-numru ta' talbiet li ġew rifjutati matul dawn l-aħħar ħames snin huma kif jidher hawn taħt: LIĊENZJA MAĦRUĠA TALBIET MIĊĦUDA ---------------- --------------- 1994 2,470 287 1995 3,416 340 1996 3,377 289 1997 3,036 326 1998 * 2,421 431 * sal-31 ta' Ottubru Ninsab infurmat ukoll li lista ta' dawn il-persuni tiġi ppublikata l-ewwel Tnejn ta' kull xahar mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni u fiha wieħed jista' jsib l-isem tal-persuna barranija, il-professjoni jew xogħol li jagħmel, ma' min jaħdem u d-data sa' meta hi valida l-liċenzja. Ta' min isemmi f'dan ir-rigward li f'din il-lista ma jidhrux l-ismijiet ta' dawk il-persuni li l-liċenzja tagħhom tkun valida għal anqas minn xahar. 03.12.98
Leg 9 PQ #624 Sitting 20 1998-12-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Reklamazzjoni ta' Xagħri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' talbiet pendenti li għandhom fil-mument id-Dipartiment ta' l-Artijiet u l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għar-reklamazzjoni ta' Xagħri tal-Gvern? Kemm huwa n-numru ta' tmiem ta' xagħri f'dawn it-talbiet globalment? Kemm minn dawn it-talbiet huma ta' bdiewa/raħħala fulltime u part-time? Jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi tat-talba 4460/98 u ċioe' meta se tiġi ttrattata u rimedjata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għandha tlettax-il talba għar-riklamazzjoni ta` xagħri għat-total ta` 517 tomna. Minn dawn l-applikazzjonijiet tlieta saru minn bdiewa li huma reġistrati bħala part-time. Ninsab infurmat ukoll li t-talba 4460/98 għandha tiġi determinata sat-3 ta` Marzu, 1999, kif kien avżat l-applikant stess wara li ġew konklużi l-konsultazzjonijet kollha meħtieġa mad-Dipartimenti konċernati. 03.12.98
Leg 9 PQ #625 Sitting 20 1998-12-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Każ b'Ack No.11401/file L 248/97

Question

B'referenza għat-talba pendenti Ack. Nru.11401/File L 248/97, jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi tat-talba u ċioe' meta se tiġi rimedjata? Jekk fl-affermattiv meta? Jekk mhux fl-affermattiv għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minbarra l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, hemm talba oħra għar-reklamar ta' l-istess art. Dawn l-applikazzjonijiet għadhom qed jiġu kkunsidrati. 03.12.98
Leg 9 PQ #1072 Sitting 20 1998-12-03 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ilbies ta' seat belts

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni kemm saru ċitazzjonijiet bħala kontravenzjoni ta' l-ilbies taċ-ċinturini tas-sigurezza minn mindu bdiet fis-seħħ il-liġi? Kemm tressqu l-Qorti? Kemm minnhom instabu ħatja u x'multi ngħataw?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' ċitazzjonijiet li nħarġu mill-Pulizija għal-kontravenzjonijet dwar is-seat belts, minn mindu daħlet fis-seħħ il-liġi, kien ta' 17,186. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-Pulizija ma żżommx statistika dwar it-tagħrif mitlub. 03.12.98
Leg 9 PQ #1124 Sitting 20 1998-12-03 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Patrols

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru patrols mill-pulizija, meta u f'liema lokalitajiet, kontra l-abbuż tal-prostituzzjoni mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu l-patrols f'dan ir-rigward?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tagħmel, u ser tibqa' tagħmel, kemm ronda mill-Pulizija tad-Distrett kif ukoll raids mill-vice squad kontra l-prostituzzjoni, fuq bażi regolari madwar Malta u Għawdex, fosthom fil-Belt, f'Ħal Qormi, il-Kottonera, il-Marsa, l-Imsida, il-Gżira u Ta' Xbiex. Skond ma jien infurmat, mill-5 ta' Settembru, 1998, sas-16 ta' Novembru, 1998, inqabdu 31 persuna in konnessjoni ma' dan it-tip ta' reat. 03.12.98