Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjani — Home helpers

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13950 u t-tweġiba, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm (numru) ta' każi ġew irrapportati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull każ jiġi ttrattat fuq il-mertu ndividwali tiegħu u għalhekk kull informazzjoni tinsab fil-"personal file" ta' l-individwu.

SVDP — Social workers

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm suppost ikun il-complement ta' social workers li jaħdmu ma' l-anzjani f'St Vincent de Paule u fir-residential homes l-oħra tal-gvern? Ir-residential homes privati għall-anzjani għandhom is-servizzi ta' social worker available għar-residenti tagħhom? X'qiegħed jagħmel il-gvern biex jara li dan is-servizz jingħata b'mod effiċjenti, kemm fir-residential homes tal-gvern, kif ukoll f'dawk privati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġibiet li kienu ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 13951 u 14418 fejn kien ġie spjegat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani għandu pool ċentrali ta' Social Workers li jindirizzaw kull każ li jiġi referut u li jirrigwarda lil xi persuna anzjana. Għaldaqstant m'hemm ebda social worker tad-Dipartiment li hu assenjat speċifikament għal xi ċentru residenzjali ta' l-istat jew privat.

Anzjani — Head of homes

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 13947 li għamilt fl-14 ta' Frar, 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-kriterji li ser jiġu kkunsidrati u l-ordni ta' prijorita' huma: Related Knowledge - 30 Relevant Experience - 25 Leadership Abilities - 20 Qualifications - 15 Personal Qualities - 10 Total - 100 marks Pass - 50 marks

SVDP — Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 13949 li għamilt fl-14 ta' Frar, 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kriterji li jitqiesu biex anzjani jidħlu f'San Vinċenz de Paule huma hekk: i. dawk li m'għandhomx "carers"; ii. każi soċjali li qed jokkupaw sodod fl-Isptar ta' San Luqa; iii. persuni fil-komunita' li t-tobba jew "Social Workers" jindikaw li huma każi ta' urġenza; iv. persuni li għandhom aktar minn 75 sena; v. każi li l-Bord ta' l-Ammissjoni jiddikjara li l-każ huwa ġenwin u jirrikjedi ammissjoni urġenti. Il-kriterji li jitqiesu biex anzjani jidħlu f'id-Djar Residenzjali huma hekk: i. persuni li jkollhom 'l fuq minn 60 sena. Prijorita' tingħata lil dawk li għandhom eta' avvanzata; ii. "Homeless" (meta ma jkunx hemm alternattiva oħra); iii. kundizzjonijiet mediċi u/jew soċjali li jqiegħdu l-applikant fi stat ta' riskju; iv. meta l-applikant ikollu ftit jew xejn "caring support" u/jew meta l-"carers" ma jistgħux ikomplu jieħdu ħsieb l-applikant; v. kundizzjoni tad-dar ta' l-applikant tkun fi stat perikoluż jew "substandard". Il-kriterji li jitqiesu biex anzjani jingħataw is-servizz tal-"Home Help" huma hekk: i. persuni li jkollhom 'l fuq minn 60 sena. Prijorita' tingħata lill dawk li għandhom eta' ta' 85 il fuq; ii. persuni li jgħixu waħedhom; iii. persuni li m'għandhomx "support" adegwat tal-familja; iv. persuni b'diżabilita' u persuni b'mard terminali (cancer). Il-"waiting lists" huma hekk: San Vinċenz de Paule 490 Djar Residenzjali 699 Servizz tal-"Home Help" 92

Organizzazzjonijiet non Governattivi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ħjiel meta se titressaq liġi li fost affarijiet oħra tobbliga organizzazzjonijiet non-governattivi jippubblikaw rendikont awditjat tal-fondi li jiġbru mingħand il-pubbliku kif ukoll rapport dettaljat kif dawn jintnefqu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ix-xogħol marbut mal-liġi li qed jirreferi għaliha l-Onor Interpellant jinsab fi stadju avanzat. Nixtieq iżda nirrimarka li l-promozzjoni tal-volontarjat huwa fost l-għanijiet prinċipali tal-liġi.

Ta' Ġiorni — Qasam residenzjali - proġett

Question

Peress li l-kunsill lokali ta' San Ġiljan, ċirka l-1995 ċeda bi ftehim mad-Dipartiment tal-Bini u Kostruzzjoni fi ħdan id-Dipartiment tad-Djar art fil-qasam residenzjali ta' Ta' Giorni biex minflok il-kunsill lokali jagħmel il-proġett li diġa' kellu proġettat li jagħmel, isir bini ta' appartamenti mid-dipartiment imsemmi, u peress li bi skambju ta' dan il-ġest id-dipartiment imsemmi hawn fuq intrabat u ftiehem bil-miktub li l-proġett li kellu l-kunsill għall-playing field li tinsab ftit metri bogħod minn fejn il-kunsill ċeda l-art kien se jagħmlu hu (jiġifieri d-dipartiment tal-bini u kostruzzjoni fi ħdan id-dipartiment tad-djar) bi spejjeż għalih, u peress li llum il-kunsill ta' San Ġiljan għandu l-permessi kollha meħtieġa biex dan il-proġett ikun jista' jinbeda, jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex dan il-ftehim jiġi onorat u x-xogħol fuq l-imsemmija playing field jibda mill-aktar fis possibbli u dan primarjament għall-ġid tar-residenti tal-qasam tad-djar imsemmi hawn fuq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar qatt ma ġie nfurmat li l-permess kien ħiereġ. Anzi sal-ġimgħa l-oħra stess, il-perit konsulent tal-Kunsill informa lid-Dipartiment li kien għad kellu xi problemi ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex joħroġ il-permess. Jien infurmat li d-Dipartiment se jsegwi l-każ għal aktar żviluppi.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Riċecimenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'riċevimenti mill-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu bejn l-1987 u l-1996 sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Diġa' kelli l-okkażjoni nirrispondi li f'dan it-tip ta' mistoqsijiet, sakemm ma ningħatax raġuni 'l-għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni li f'dan il-każ tkopri disa' snin.

Djar — Stallazzjoni ta' lifts

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jsir stħarriġ sabiex ikun stabbilit kemm tiswa iċ-ċifra ta' flus fl-istallazzjoni ta' lifts fil-qasam tad-djar ta' San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u l-Imġarr? Jista' l-Ministru jikkonsidra li jsiru l-lifts f'dawn il-HE għallinqas fejn hemm anzjani u/jew persuni b'diżabilita' li għadhom ma sabux appartamenti fis-sular ta' isfel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wara li jsir l-istudju fuq blokki/entraturi li residenti tagħhom applikaw taħt l-Iskema tal-'lifts', ċioe' Skema V, hemm il-pjan li din l-Iskema tiġi estiża għall-lokalitajiet oħra f'Malta u Għawdex. Meta jsir dan, l-Awtorita' tad-Djar tkun tista' tagħti l-informazzjoni mitluba. Fl-okkażjoni tal-Ġimgħa għall-Persuni b'Diżabilita' tas-sena 1999 l-Iskema tal-'lifts' ġiet estiża għal dawk il-blokki/entraturi proprjeta' tal-Gvern fil-lokalitajiet ta' Malta u Għawdex li fihom jgħixu persuni b'diżabilita' ta' mobilta'. Dawn il-persuni kellhom il-faċilita' li japplikaw dak in-nhar.

Anzjani — Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk id-djar ta' l-anzjani li bħalissa għandhom il-liċenzja joperaw f'pajjiżna? Matul din is-sena kemm-il darba u meta saru spezzjonijiet mill-awtoritajiet u f'liema djar ta' l-anzjani biex jiġi żgurat livell tajjeb ta' servizz lill-anzjani u li qed jinżammu f'ambjent uman u dinjituż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-liċenzji għad-djar ta' l-anzjani għas-sena 2000 qed jiġu pproċessati. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista fejn jidhru l-postijiet kollha li kienu liċenzjati biex joperaw bħala djar residenzjali għall-anzjani, sal-31 ta' Diċembru 1999. Kull dar tiġi spezzjonata ta' l-anqas darba f'sena b'konnessjoni mat-tiġdid tal-liċenzja. Minn żmien għall-żmien isiru spezzjonijiet f'dawn id-djar fejn ikunu nstabu nuqqasijiet sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rakkomandazzjonijiet tal-Gvern ġewx implementati. Isiru spezzjonijiet ukoll meta jkun hemm xi rapport/insinwazzjonijiet ta' kura inadegwata. Isiru wkoll spezzjonijiet regolari biex ikun aċċertat livell ta' iġene fil-kċina.

Djar — Furjana - Riccardo Cesare

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsijiet li għamiltlu li jikkonċernaw il-każ ta' Riccardo Cesare? Fid-dawl taċ-ċirkostanzi traġiċi ta' dan l-inċident, jista' jirrispondi d-domandi leġittimi tiegħi? Il-mistoqsijiet kienu numri 13113 u 13887 li saru fl-24 ta' Jannar, 2000 u fid-9 ta' Frar, 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kelli diversi okkażjonijiet fejn spjegajt fid-dettal x'kienu d-diffikultajiet tal-Gvern sabiex dan il-bini in kwestjoni jaqa'. Fil-fatt minn dawk kollha reġistrata f'din il-kerrejja, kienu biss tlett inkwilini li ngħataw post alternattiv wara l-inċident fatali li fih miet is-Sur Riccardo Cesare.

Djar — Ta' Ġiorni - Manutenzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa u mmedjati biex permezz tad-dipartiment tat-tiswija u manutenzjoni tad-dipartiment tad-djar, il-bitħa li tifforma ix-shaft, kif ukoll l-istess shaft ta' Block 1, Triq William Hardman u Triq Francesco Balbi, f'Ta' Ġiorni jiġu mkaħħla mill-ġdid peress li jinsabu fi stat ferm ħażin u konsegwenza ta' hekk qed issir ħafna ħsara fl-istrutturi tal-bini?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Għaqdiet tal-Pensjonanti

Question

Peress li kemm il-GWU kif ukoll il-UHM u l-MUT u l-għaqdiet tal-pensjonijiet ddikjaraw li l-miżuri tal-budget qed jolqtu ħażin lill-ħaddiema li d-dħul tagħhom jiddependi mill-pagi u/jew mill-benefiċċji soċjali, jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex investigat mill-gvern kif dawn il-miżuri qed jgħollu l-ħajja għall-familji Maltin u Għawdxin? Jekk iva, x'kienu l-konklużjonijiet ta' dan l-istħarriġ? Jekk le, jista' jara li jsir stħarriġ u jinkludi t-tfal li jirriżulta li wkoll qed jispiċċaw jiffaċċjaw din il-problema li naturalment qed jiffaċċjaw il-familji tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Numru 13555.

Għajnuna soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara kif se tissolva problema ta' koppja anzjana, li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, li wieħed mill-partijiet huwa marid serjament u għandhom problema kbira ta' drenaġġ? Jista' jara li din il-problema tiġi solvuta għal ġid ta' l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtiega.

Impjiegi — Gainfully occupied

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10232?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni li kienu reġistrati bħala 'Gainfully Occupied' f'Awissu 1999 kien ta' 138,371. Minn dan in-numru 4,020 persuna kienu ta' 60 sena u aktar. Dawn jinqasmu fi 819 il-persuna li kienu jaħdmu fis-settur pubbliku u 3,201 jaħdmu fis-settur privat. Fost it-3,201 hemm 1,545 li huma 'self employed'.

Għajnuna soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11853?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat mid-Dipartiment li matul ix-xahar ta' Novembru 1999, kien hemm madwar 22 cheque ta' pensjonanti ta' pensjoni kontributorja li ġew ritornati lura mit-Taqsima tal-Posta tal-Mellieħa. Wara investigazzjoni nstab li kien hemm tibdil fin-numri tal-bibien li ma ġiex rappurtat lid-Dipartiment mill-pensjonanti. It-taqsima tal-Posta tal-Mellieħa rrifjutat li tqassam dawn iċ-ċekkijiet jekk ma jsirx it-tibdil fl-indirizz. Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, wara l-investigazzjonijiet neċessarji, għamel it-tibdil fl-indirizzi u l-maġġoranza taċ-ċekkijiet ntbagħtu lura fl-10 ta' Novembru 1999 lil pensjonanti. Ta' min jgħid li ċ-ċekkijiet kienu datati t-13 ta' Novembru 1999.