Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi lill-kumpanija li l-isem tagħha qed jintbagħat separatament, mill-1998 sa Marzu 2013, mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ u għal liema raġuni ngħata x-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li mill-1998 sa Marzu 2013 il-kumpanija li d-dettalji dwarha ingħataw separatament ingħata xogħol ta’ konsulenza għall-valur globali ta’ €3,400.05. Dan ix-xogħol ingħata lil Transport Malta fis-sena 2010 u fis-sena 2013. Madankollu nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi wkoll għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2106. Sena b’sena ix-xogħol u l-valur kien maqsum kif ġej: Transport Malta Sena € 2013 3,118.91 2012 Nil 2011 Nil 2010 281.14 ex-ADT Sena € 1998 – 2009 Nil ex-MMA Sena 1998 – 2009 Nil ex-DCA Sena 1998 – 2009 Nil Ninsab infurmat li Transport Malta ma sabet ebda document li jikkonferma jekk ix-xogħol ta’ konsulenza imsemmi ingħatax b’tender jew direct order.

Wied iż-Żurrieq – trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb illi t-trasport pubbliku għal Wied iż-Żurrieq isirx aktar frekwenti speċjalment bejn Mejju u Settembru peress illi dan il-post turistiku hu frekwentat ħafna kemm mit-turisti kif ukoll mill-Maltin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-talba sabiex is-servizz tat-trasport pubbliku għal Wied iż-Żurrieq isir aktar frekwenti qed tiġi kkunsidrata bħala parti mit-tibdil fir-rotot li preżentament qed jiġu diskussi.

Iż-Żurrieq — stage tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli illi l-istage li hemm qabel ma taqbad in-niżla għal Wied iż-Żurrieq int u nieżel miż-Żurrieq jitressaq b' xi 10 metri lura għax preżentament hekk kif tieqaf ix-xarabank quddiemu qed tkun ostakolata l-viżibilità tal-vetturi li jużaw din it-triq u peress illi l-bankina fejn qiegħed dan l-istage mhix kbira biżżejjed biex l-ammont ta' nies li jużaw it-trasport pubbliku joqogħdu fuqha, dawn qed jispiċċaw jistennew it-trasport pubbliku fit-triq minflok fuq il-bankina? .

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-talba sabiex jitressaq lura l-istage li hemm qabel ma taqbad in-niżla għal Wied iż-Żurrieq int u nieżel miż-Żurrieq ser tiġi diskussa mal-kunsill lokali kkonċernat sabiex jiġi determinat post aħjar u aktar sigur.

Iż-Żurrieq – għargħar

Question

Peress illi minn Triq San Mikiel u min Triq il-Bronja fiż-Żurrieq jinżel ammont kbir ta' ilma tax-xita għal Misraħ ir-Repubblika u Triq PP Saydon kull darba li tagħmel ix-xita, bil-konsegwenza illi qed jegħrqu diversi residenzi ta' nies li joqogħdu f'dawn it-toroq u toroq oħra fil-viċinanzi, jista’ l-Ministru jagħmel pjan ħolistiku kontra l-għargħar biex issir sistema ta' water culverts ħalli din il-problema tiġi eliminata?

Response (MIZZI, JOE)

Ser isir studji mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u Servizzi fuq il-problema tal-għargħar fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Nterpellant .

Ħal Għaxaq – Triq il-Garakol — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq Triq il-Garakol ġewwa Ħal Għaxaq, peress li r-residenti ilhom jgħixu ġo triq fi stat diżastruż 25 sena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq il-Garakol, ġewwa Ħal Għaxaq, hija triq li l-maġġoranza tagħha taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-kunsill lokali minbarra parti żgħira li ġiet iffurmata reċentement u għaldaqstant jonqosha tiġi asfaltata minn Transport Malta. Din il-parti tat-triq tinsab fil-lista ta’ xogħlijiet li jridu jsiru minn Transport Malta.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — ingaġġ ta’ konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti ingaġġati fil-Ministeru u kemm tħallsu f’konsulenzi s’issa mid-9 ta’ Marzu 2013 ’l hawn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li fi ħdan il-Ministeru tiegħi hemm dawn il-konsulenti : 1. Tlett (3) konsulenti li jagħmlu parti mill- Strategic & Priorities Unit u sa issa tħallsu is-somma ta’ €38,267 2. Hemm tminn (8) konsulenti oħra fi ħdan il-Ministeru / Dipartimenti li tħallsu is-somma ta’ €131,450. Erbgħa (4) minn dawn il-konsulenti kienu ġew ingaġġati mill-Ministru preċedenti 3. Hemm tlett (3) konsulenti li l-kuntratt tagħhom ġie effettiv mis- 16 / 23 ta’ Settembru, 2013 u b’hekk għadu ma sarilhom l-ebda ħlas.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – spejjeż ta’ media events

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Ministeru tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

V-18 – pavimentar ta’ toroq fil-Belt Valletta

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W53, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħol ta' pavimentar ta' toroq fil-Belt Valletta li kien ippjanat li jsir qabel il-V18 hux se jsir jew le? Jista’ jagħti lista ta' toroq li se jiġu pavimentati fil-Belt Valletta minn issa sal-V18, inkluż l-istima ta' kemm se tiswa kull triq, u meta hu mistenni li jibda u jispiċċa x-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru W53.

Traffic Lights — Tiswijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-tiswija ta’ traffic lights qed iddum ħafna aktar milli qatt kienet iddum qabel Marzu 2013, meta traffic lights kienu jissewwew f’ferm anqas minn 24 siegħa, u llum qed idumu l-ġranet u f’ċerti każijiet ġimgħat, b’periklu għas-sewwieqa u l-pedestrians?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħsarat li jiġu irrappurtati jissewwew f’qasir żmien, fejn ikun possibli din il-ħsara tissewwa fi żmien 24 siegħa. Meta ħadt ir-responsabilta’ ta’ Ministru sibt sitwazzjoni fejn kien hemm nuqqas kbir ta’ spare parts kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-lights kienu obsoliti. Ħafna minnhom kienu jirrikjedu li jsirilhom xogħol drastiku. Tender li kienet ħarġet mill-Gvern preċedenti għal spare parts instab li kienet ivvizzjata u għalhekk kellha tinħareġ tender oħra mill-ġdid. Sadanittant inġiebu xi parts minn barra biex it-tiswijiet setgħu jiġu irranġati immedjatament. Meta jintemm il-proċess kollu tat-tendering inkunu f’pożizzjoni li nirkupraw problemi pendenti li inħolqu ta’ ħsarat fit- traffic lights u jsir program serju ta’ manutenzjoni u tiswijiet neċessarji. Fejn ġie riferut li qabel Marzu 2013 it- traffic lights kienu jissewwew f’ferm inqas minn 24 siegħa, il-fatti juru mod ieħor. Ninsab infurmat li ma teżisti l-ebda statistika li tikkonferma dak li qed jgħid l- Onor. Interpellant, anzi l-informazzjoni li għandi qed tgħid kompletament il-kontra.

San Pawl il-Baħar — Triq Ġulju - Trasport Pubbliku

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4467, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk meta Triq Ġulju f'San Pawl il-Baħar, ġiet magħluqa matul ix-xahar ta' Settembru 2013, Trasport Malta tatx permessi biex il-karozzi tal-linja jgħaddu minn xi mkien ieħor? Minn fejn għaddew tal-linja f'dawn l-okkażjonijiet meta Triq Ġulju kienet magħluqa? Jista' jagħti tagħrif dwar okkażjonijiet simili meta t-triq bejn il-Gillieru Restaurant u l-moll kienet magħluqa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi fix-xahar ta’ Settembru kien hemm okkażjoni waħda fejn Transport Malta approvat l-għeluq temporarju ta’ Triq Ġulju minħabba l-attivita’ organizzata mill-Kunsill Lokali in konnessjoni mal-European Mobility Week. F’din l-okkażżjoni s-servizz tat-trasport pubbliku ġie devjat sabiex jgħaddi minn Triq Toni Bajada u Dawret il-Gżejjer. Infurmat ukoll illi f’Settembru l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar organizza Festa Marittima fejn minħabba din l-attivita’ ngħalqet Dawret il-Gżejjer. Minħabba li t-triq kienet magħluqa, s-servizz tat-trasport pubbliku ġie devjat minn Triq Ġulju u Dawret il-Gżejjer. Infurmat ukoll li fil-bidu t’Ottubru ġiet organizzata attivita’ fil-pjazza ta’ Buġibba li minħabba f’hekk is-servizz tat-trasport pubbliku kellu jiġi devjat minn Triq il-Wileġ għal Dawret il-Qawra.

San Pawl il-Baħar — Triq ir-Rebbiegħa – reserved parking spaces

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex fir-risposta li ngħatajt għall-mistoqsija parlamentari 4471 dwar reserved parking spaces f'San Pawl il-Baħar intqal li fi Triq ir-Rebbiegħa kien hemm kaxxa waħda li ġiet approvata? Jista' jordna li ssir spezzjoni f'din l-istess triq biex jiġi aċċertat li fil-fatt ma saritx iktar minn kaxxa waħda? Jista' wara tali spezzjoni jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-kaxxi l-oħra li hemm miżbugħa fl-istess triq? Min żeba' dawn il-kaxxi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont ir-rekords ta’ Transport Malta, hemm tlett kaxxi tal-parkeġġ għall-persuni b’diżabbilta’ approvati fi Triq il-Rebbiegħa, San Pawl il-Baħar, fejn waħda minnhom biss ġiet approvata matul din is-sena. Nitlob lill-Onor. Interpellant jerġa’ jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 4471 fejn tali mistoqsija kienet talbet informazzjoni dwar approvazzjonijiet għal kaxxi riservati għall-persuni b’diżabbilta’ li ġew approvati matul din is-sena u mhux kemm kien hemm approvati bħala total matul is-snin li għaddew. Uffiċċjali ta’ Transport Malta għamlu spezzjoni f’din it-triq u kkonfermaw li t-tlett kaxxi riservati li hemm fuq il-post huma kollha approvati u li tali kaxxi kienu ġew implimentati mill-Awtorita’ stess skont il-proċedura.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — konferenzi u laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-konferenzi u laqgħat li attenda barra minn Malta f’dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li attendejt għal dawn il-konferenzi u laqgħat kif ġej: 12 – 14 / 05 / 2013: Laqgħa Trilaterali għall-Ministri għall-Affarijiet Marittimi ġewwa Ateni, il-Greċja . 03 – 06 / 06 / 2013: Agenda Offshore Conference, Nor-Shipping Maritime Fair, fin-Norveġja – Il-punti prinċipali li ġew diskussi waqt l- Agenda Offshore Conference kienu l-industrija marittima b’enfasi fuq is-servizzi offshore, fejn fl-isfond tax-xejriet preżenti din l-industrija qed isservi dejjem iktar is-swieq tal-gas u ż-żejt. Waqt in- Nor-Shipping Maritime Fair kelli l-opportunita’ sabiex niltaqa’ ma’ diversi stakeholders fl-industrija Marittima Norveġiża. 26 – 28 / 07 / 2013: Iffirmar tal- Ftehim tal- Electro Mobility Cars, f’Pariġi, fi Franza. 05 – 07 / 09 / 2013: 11th Transport, Maritime Affairs & Communications Forum, F’Istanbul, it-Turkija – Waqt dan il- Forum kelli l-okkażżjoni li nindirizza lill- Ministri preżenti. 25 – 28 / 09 / 2013: Żjara f’Monako – fejn kelli laqgħat bilaterali ma’ rappreżentanti ta’ Super Yachts u kumpaniji li għandhom reġistrazzjoni ta’ bastimenti taħt il-bandiera Maltija. Waqt din iż-żjara attendejt ukoll għall- Monaco Yacht Show.

Birkirkara — ilqugħ mal-bus shelter

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-bus shelter li jinsab fil-bypass ta' Birkirkara jitwaħħlulu xi forma tal-lqugħ għall-ilma li jittajjar mill-karozzi għal fuq il-persuni li jkunu qed jistennew il-karozzi tal-linja?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jindika għal-liema bus shelter qiegħed jirreferi minħabba illi fit-triq imsemmija hemm numru ta’ bus shelters stallati.

Santa Venera — toroq one way

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huxiex jiġi kkunsidrat li t-toroq bejn Triq Salvu Psaila u Triq il-Parilja (Santa Venera) isiru one way kif sar fi Triq ix-Xarretta biex jiġu evitati ħafna inċidenti ¿għar li jsiru kuljum?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat minn Transport Malta, li m’hemm l-ebda talba sabiex it-traffiku fit-toroq ta’ bejn Triq Salvu Psaila u Triq Parilja jsir f’direzzjoni waħda.

Birkirkara — zebra crossing jew pelican lights fi Triq in-Naxxar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru pelican lights jew zebra crossing ħdejn il-Mitħna fi Triq in-Naxxar f'Birkirkara minħabba l-volum kbir ta' karozzi li jgħaddu minn hemm?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant pelican crossing fil-lokalita’ msemmija ġiet approvata u għaldaqstant qiegħda fil-lista ta’ xogħlijiet ta’ Transport Malta.

Sptar Mater Dei — tkabbir ta' bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-bus shelters ta' quddiem il-bieb prinċipali tal-Isptar Mater Dei jitkabbru għax dawn fil-preżent mhumiex kbar biżżejjed biex jagħtu kenn mix-xemx u x-xita lil dawk in-nies kollha li jiffrekwentaw l-Isptar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta diġa’ ħarġet tender għall-istallazzjoni ta’canopy quddiem il-bieb prinċipali tal-Isptar Mater Dei, bi speċifikazzjonijiet simili għal dawk li twaħħlu fil-Marsa Park and Ride, l-Ajruport u l-venda tar-Rabat ġewwa Għawdex. Infurmat ukoll li fil-preżent dan ittender qiegħed jiġi evalwat.

Birkirkara — twaħħil ta' bus shelter ħdejn il-BOV

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitwaħħal bus shelter fil-venda ta' Birkirkara ta' ħdejn il-BOV biex in-nies ikunu jistgħu jistkennu mill-elementi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Transport Malta diġà applikat u ġabet il-permess mill-MEPA sabiex jitwaħħal bus shelter fis-sit imsemmi. Infurmat ukoll li dan il-bus shelter se jitwaħħal mill-aktar fis possibbli.

Iż-Żurrieq – Triq Ħal Far – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Ħal Far fiż-Żurrieq, li hi triq prinċipali, hux se tkun inkluża fil-programm ta' resurfacing tal-Gvern peress illi din hi l-unika ħruġ għar-residenti li joqogħdu wara l-mini f'każ ta' aċċident fil-mini ta' wara l-ajruport? Jekk fl-affermattiv, meta se jibda u jispiċċa x-xogħol fuq din it-triq? Jista’ l-alignment ta' din it-triq jiġi ddisinjat mill-ġdid biex jiġu eliminati liwjiet perikolużi li jinsabu f'din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq msemmija ma taqax taħt ir-responsabbiltà ta’ Transport Malta minħabba l-fatt li din hija triq rurali barra mill-iskema tal-bini. Madankollu bħal ma jsir f’kull każ, lest li nagħti il-kontribut sħiħ tiegħi u niġbed l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati biex nara li s-sitwazzjoni titranġa.

Iż-Żurrieq — bini mill-ġdid ta' toroq - Triq Fra Ġan Mari Zammit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Fra Ġan Mari Zammit fiż-Żurrieq hijiex imdaħħla fil-programm ta' bini mill-ġdid ta' toroq li se jsiru fiż-Żurrieq? Jekk fl-affermattiv, meta se jibda u jispiċċa x-xogħol fuq din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq Ġan Mari Zammit, fiż-Żurrieq qiegħda nkluża fil-lista ta’ toroq li jridu jsiru minn Transport Malta ladarba jitlesta l-iżvilupp li hemm għaddej bħalissa.

Iż-Żurrieq – bini mill-ġdid ta' toroq — Triq il-Pluvieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq il-Pluvieri fiż-Żurrieq hijiex imdaħħla fil-programm ta’ bini mill-ġdid ta' toroq li se jsiru fiż-Żurrieq? Jekk fl-affermattiv, meta se jibda u jispiċċa x-xogħol fuq din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni li ġiet mgħoddija lili, din it-triq ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta. Minkejja dan il-fatt, ninsab infurmat li ftit jiem biss qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali wieħed ingħata x’jifhem li kien ser jinbeda ix-xogħol fuq din l-istess triq.