Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-pensjonanti li spiċċaw bl-early retirement scheme se jirċievu l-pensjoni mid-dockyard, se jirċievu ż-żieda ta' l-għoli tal-ħajja u l-arretrati, issa li għaddew diġa' tliet xhur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li x-xogħol fuq ir-reviżjonijiet dovuti tlestew mid-Dipartiment u r-rati reveduti tal-pensjonijiet taħt l-Early Retirement Scheme ntbagħtu lit-Tarzna. Skond l-aħħar informazzjoni li għandu d-Dipartiment l-arretrati u r-rati dovuti ser jitħallsu mit-Tarzna dalwaqt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk hux il-każ li l-ambaxxata Ingliża kienet involuta fix-xiri ta' vettura li l-użu tagħha kien express u diskuss mal-ambaxxatur Ingliż li għen biex din tinxtara fir-Renju Unit u tinġieb f'Malta?
Għaliex il-bniedem li għamel konverzjoni ta' din il-vettura għal użu tan-night warden baqa' ma tħallasx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hu minnu 'lli l-Ambaxxata Ingliża kienet involuta fix-xiri ta' vettura li kienet inxtrat mir-Renju Unit fuq inizzjattiva tas-Segretarjat ta' l-Anzjani.
Għat-tieni parti tal-Mistoqsija nixtieq iktar informazzjoni biex wieħed ikun f'pożizzjoni li jagħti Tweġiba eżatta.
Peress li mill-interim report imħejji mill-Kummissjoni Nazzjonali għar-Riforma fil-Welfare, jidher li ġew analizzati dawn ir-rapporti u/jew dokumenti:
Towards sustainable welfare programmes and pensions in Malta - Delia E.P.
Social security in Malta. A Synopsis - Department of Social Security
The Pensions dilemma - KPMG
Averting the Pensions Crisis - The case of Malta - MCED Committee
Pension Provision in Malta - Watson Wyatt, Worldwide u
Averting the Old Age Cris - World Bank
Pubblikazzjonijiet oħra;
Jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti u/jew dokumenti li din il-kummissjoni analizzat fil-proċess tax-xogħol li għamlet, biex wasslet għal interim report li ġie ppubblikat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'sar mill-idea li tinbena dar għall-anzjani fuq art tal-Knisja, fi Triq San Edwardu, wara l-health centre f'Ħal Qormi? Din l-art għadha available jew inbiegħet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Anzjani ma jaf bl-ebda idea dwar dar għall-anzjani fuq art tal-Knisja fi Triq San Dwardu, Ħal-Qormi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ ta' housing soċjali, tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħatu separatament, li qed tgħix f'post li fl-1991 ġie kkundannat u li ġie mogħti lill-istess persuna, mill-Housing Department fl-1995, bil-konsegwenza li jkollha tgħix f'periklu kontinwu għal ħajjitha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-risposta għall-Mistoqsija Numru 15821 tingħata f'Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet meta post tal-gvern jista' jittieħed lura mingħand il-kerrej? Jista' jgħid kemm hemm postijiet tal-gvern magħluqa għax il-kerrej rikonoxxut ikun daħal f'xi home tal-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Postijiet tal-Gvern jittieħdu lura meta jinstab li l-inkwilin ma jkunx qed jagħmel użu mill-post jew għandu post ieħor tiegħu li jista' jużah għar-residenza tiegħu. Id-Dipartiment m'għandux statistika dwar kemm hemm inkwilini ta' postijiet tal-Gvern li qed joqgħodu f'xi dar ta' l-anzjani.
Skond l-emendi għal-liġi tas-sigurta' soċjali hekk kif imfassla mill-Gvern Laburista bħala parti mill-politika ta' għajnuna għal dawk il-ġenituri li jaħdmu u għandhom tfal taħt it-tliet snin, u kif mgħoddija minn din l-amministrazzjoni, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta ġenituri li jibagħtu lit-tfal tagħhom taħt it-tliet snin f'nurseries privati se jibdew jibbenefikaw - dawk li jikkwalifikaw - minn sussidju fuq il-miżati li jħallsu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dan il-Ministeru qiegħed fi proċess ta' diskussjoni biex jiġu pubblikati regolamenti kif provdut taħt l-emenda msemmija mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għalfejn iż-żewġ rappreżentanti (tal-GWU u tal-FOI) fuq il-kummissjoni tas-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol mhumiex se jattendu għall-konferenza ta' Birmingham bejn it-8 u l-11 ta' Mejju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li r-raġuni għaliex iż-żewġ delegati fuq il-Kummissjoni għal-Promozzjoni tas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol, wieħed mill-GWU u l-ieħor mill-FOI, m'humiex ser jattendu għal konferenza ta' Birmingham hija waħda finanzjarja, minħabba li l-biċċa l-kbira tal-fondi li hemm ivvutati għall-Kummissjoni għal Promozzjoni tas-Saħħa u Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol ser jiġu utiliżżati għal bżonnijiet ta' l-Awtorita' li għandha titwaqqaf fi żmien qarib.
Il-President tal-Kummissjoni għal Promozzjoni tas-Saħħa u Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol ser jattendi għal l-laqgħa msemmija hawn fuq.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif se tiġi milquta l-qagħda tal-pensjonanti tal-gvern wara li jiġi fis-seħħ il-ftehim ta' Jannar, 2001, wara li l-lump sum tkun daħlet fil-pagi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond kif jipprovdi l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318), b'effett mill-ewwel Sibt ta' Jannar ta' kull sena trid issir stima mill-ġdid tad-dħul pensjonabbli li fuqu tinħadem ir-rata tal-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali ta' kull pensjonant. F'din ir-reviżjoni, fost ħwejjeġ oħra, jiġu kkunsidrati dawk iż-żidiet li jkun hemm fis-salarji bażiċi tal-post li fuqu jkun inħadem id-dħul pensjonabbli oriġinali. Dan japplika għall-istruttura tal-pagi ġdida b'seħħ minn Jannar, 2001, nkluż kull ammont li dik l-istruttura tkun tinkludi fiha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid post, li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament, ta' min hu jekk huwiex tal-privat, tal-gvern jew allokat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-post indikat ma hux tal-Gvern u mhux f'idejn id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se joħroġ is-sussidju ta' child carer lis-sorijiet ta' l-Ursolini ta' Angela House, Gwardmanga, peress li issa hemm madwar 67 tarbija/tfal u kif jaf hu stess dawn is-sorijiet qegħdin jagħtu kontribut kbir għall-ġid tal-komunita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Twaqqfet Kummissjoni li qegħda tistudja s-sitwazzjoni taċ-'Child Care' f'Malta li fosthom jidħlu wkoll id-djar immexxija mill-Ursulini. Fost affarijiet oħra qed jiġi ssuġerit x'personnel fosthom 'Child Carers' għandhom bżonn dawn il-faċilitajiet residenzjali sabiex ikunu f'pożizzjoni li jiżvolġi x-xogħol tagħhom b'mod adegwat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi drittijiet u benefiċċji għandha persuna ta' 20 sena li hi unemployed, hi reġistrata bħala permanent disabled mal-kummissjoni nazzjonali persuni bi bżonnijiet speċjali,u li tgħix ma missierha għax ommha mejta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna li għandha ċ-ċirkostanzi msemmija tista' tkun intitolata għall-Pensjoni għal Persuni b'Diżabilita jekk tbati minn xi waħda mill-kundizzjonijiet indikati fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.
Għaldaqstant il-persuna kkonċernata jew l-amministratur tagħha għandha tingħata parir li tagħmel applikazzjoni għal din il-Pensjoni fl-eqreb Uffiċċji Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li ħaddiema tad-dipartiment tal-housing jibdlu l-madum ta' flat, li partikolaritajiet dwaru qed jintbagħtu separatament, wara li sar xi xogħol mill-Water Services Corporation?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Billi d-drenaġġ qed jiskula għal ġo Triq Abate Rigord, Ta' Xbiex, minn taħt BkE/5 jew BkE/4, jista' l-Viċi Prim Ministru jara illi din il-ħsara tiġi individwata u rranġata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu nies fuq il-post tax-xogħol, xahar b'xahar u sena b'sena mill-1990-2000?
Minn liema industrija seħħew dawn l-inċidenti? X'kien ir-riżultat fuq il-morbidita' tan-nies involuti f'dawn l-inċidenti? Kemm minnhom tilfu ħajjithom, kemm minnhom weġġgħu serjament tant illi spiċċaw b'diżabilita' serja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Id-dettalji mitluba kemm weġġgħu u kemm mietu nies fuq ix-xogħol hija markata bħala Dokument 'A'. Wieħed jista' jsib l-istatistika f'liema industrija seħħew l-inċidenti ta' korriment fuq ix-xogħol bejn l-1990 u l-1997 fuq it-tabella ta' analiżi ippublikata fl-'Annual Abstract of Statistics'. Qed nagħti l-kopja oriġinali tad-Dipartiment mis-sena 1990 sas-sena 1999 Dok. B1 sa Dok. B10.
L-informazzjoni kemm weġġgħu nies serjament tinsab f'Dok. 'C'.
Ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika fuq morbidita' tan-nies involuti f'dawn l-inċidenti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jiġu mgħajta dawk il-care workers li għamlu l-interview xhur ilu, meta tant hawn nuqqas tagħhom?
Jista' jikkonferma li qed jingħajtu casual care workers mislufa minn Dar il-Wens?
Kemm hemm casual care workers f'Malta u Għawdex mislufa minn Dar il-Wens f'kull ċentru tat-taħriġ u f'liema ċentri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
a) F'Settembru 1999, ġie ppublikat ir-riżultat għas-sejħa ta' Careworkers maċ-Ċentri ta' matul il-Jum li l-Ministeru għandu f'Malta. Il-Ministeru diġa' bagħat għall-ewwel 34 careworkers skond dan ir-riżultat. Sitta minnhom ma aċċettawx dan l-impjieg waqt li numru minnhom kienu diġa' jaħdmu f'dawn iċ-Ċentri imma mhux fil-grad ta' careworkers. Fil-preżent saret talba lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku biex jidħlu s-sitta li jmiss.
b) Minħabba li l-proċess biex jiġu ngaġġati dawn il-Careworkers twal ħafna u minħabba l-bżonn kbir li ċ-Ċentri kellhom għas-servizz ta' dawn il-ħaddiema, il-Ministeru talab l-għajnuna ta' Dar il-Wens. Din l-organiżżazzjoni mhux governattiva pprovdiet lill-Ministeru 10 casual careworkers għal tlett xhur, liema żmien seta' jiġi mġedded. Fil-preżent dawn l-għaxar casual careworkes fil-fatt għadhom jaħdmu f'dawn iċ-Ċentri.
c) Fil-preżent hemm 10 casual careworkers mislufa minn Dar il-Wens u li kollha qed jaħdmu fiċ-Ċentri ta' Matul il-Jum li l-Ministeru għandu f'Malta. Dawn huma mqassmin hekk:
Ċentru ta' Ħal Far - 3 Casual Careworkers
Ċentru ta' l-Imtarfa - 2 Casual Careworkers
Ċentru ta' M'Scala - 2 Casual Careworkers
Ċentru ta' Santa Venera - 3 Casual Careworkers
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi talbiet biex jinxtraw coaches bit-tail lift biex jinġarru wheelchair cases? Jista' jikkonferma jekk għandux ħsieb jinkrew xi coaches bit-tail lifter?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma kien hemm l-ebda talba biex jinxtraw 'coaches' bit-'tail-lift' biex jinġarru 'wheelchair cases'. Fil-fatt kull Ċentru tat-Taħriġ għandu 'coaches' biżżejjed biex jinqeda għalissa. L-aħħar 'coach' bit-'tail-lift' li nxtara wasal f'Jannar li għadda u ingħata liċ-Ċentru ta' Fleur-de-Lys.
M'hemmx ħsieb li jinkrew 'coaches' bit-'tail-lift' ħlief meta xi 'coach' tal-Gvern tkun bil-ħsara għal żmien twil.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-ikel li qed jitqassam fiċ-ċentri kollha ta' Malta lill-persuni b'diżabilita' hux garantit għal ġranet fil-futur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali għadu kemm ħatar Assistent Direttur responsabbli mill-ħames Ċentri ta' Matul il-Jum għall-Persuni b'Diżabilita' li l-Ministeru għandu. Bħala wieħed mill-ewwel inkarigu li dan l-uffiċjali ngħata hu li jagħmel studju tas-servizzi li dawn iċ-ċentri qed joffru biex dak li hu tajjeb inkomplu niżviluppawh, dak li hu inqas tajjeb ntejbuh waqt li dak li mhux tajjeb jew li mhemmx bżonnu nwarbuh. Fil-preżent, il-Ministeru qiegħed f'dan l-istadju ta' studju u għadhom ma ttieħdu l-ebda deċiżjoni.
Dan l-istudju jinkludi ukoll is-servizz ta' ikla żgħira li ċ-Ċentri jipprovdu lill-persuni b'diżabilita' li jattendu fihom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma l-persuni nkarigati biex jiffirmaw il-karti meta jidħol il-ħalib fiċ-ċentri tal-persuni b'diżabilita', ċentru ċentru? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji bil-firem tal-persuni li ddikjaraw id-dħul tal-ħalib fiċ-ċentri, tax-xhur ta' Frar u Marzu kollu, ġurnata ġurnata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuni fiċ-Ċentri tat-Taħriġ għall-Adulti, li jiddikjaraw id-dħul tal-ħalib fiċ-Ċentri, matul ix-xhur ta' Frar u Marzu huma kif indikat fit-tabella hawn taħt:
Ċentri ta' Fleur-de-Lys Is-Sur Emy Debono, Kap taċ-Ċentru
Is-Sur Paul Scerri, Assistent Kap
Ċentru ta' l-Imtarfa Is-Sinjorina Agatha Dimech, Ass. Careworker
Is-Sinjorina Carmen Ebejer, Ass. Careworker
Ċentru ta' Wied il-Għajn Is-Sur Frans Spiteri, Kap taċ-Ċentru
Is-Sur Charles Pace, Assistent Kap
Ċentru ta' Taħriġ għall- Is-Sinjura Maria Azzopardi, Kap taċ-Ċentru
Persuni Neqsin mid-Dawl Is-Sinjura Antonia Chambers, Assistent Kap
Sta Venera Is-Sinjura L Friggieri, Cleaner
Ċentru ta' Ħal Far Ma kienux qed jiġu ffirmati karti ta' dħul ta'
ħalib
Ċentru ta' Għajnsielem, Is-Sur John Camilleri, Kap taċ-Ċentru
Għawdex
Dwar iċ-Ċentru ta' Ħal Far, l-Assistant Kap, is-Sur Godfrey Darmanin spjega li d-'delivery man' idaħħal il-ħalib fiċ-Ċentru fil-preżenza tiegħu, u kull meta kien bil-'leave' fil-preżenza tal-Kap taċ-Ċentru.
Ma jidhirlix li hemm għalfejn inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji bil-firem ta' kull persuna. Madanakollu jekk l-Onor. Interpellant tixtieq tivverifika personalment dawn id-dokumenti, lest li nagħmel l-arranġamenti neċessarji.
Jista' l-Viċi Prim MInistru jgħid kemm hemm vannijiet fiċ-ċentru persuni b'diżabilita' ta' Ħal Far? Kemm minnhom qed jiffunzjonaw? Jista' jikkonferma li hemm vann li għandu bżonn maintenance fuq il-brejkijiet u xorta qed jaħdem?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Hemm żewġ vannijiet fiċ-Ċentru tat-Taħriġ ta' Ħal Far biex iġorru persuni b'diżabilita' li qegħdin f'"wheelchairs".
Qiegħed jiffunzjona wieħed minnhom, l-ieħor qiegħed għat-tiswija. Sadanittant inkera van mingħand ditta privata.