Jista' l-Ministru jekk jogħġbu jikkonsidra li terġa' tiġi proporta l-liġi li kellha "ssaħħaħ il-qagħda ta' l-Ilsien Malti u l-Identita' Nazzjonali Maltija li kienet tressqet għall-ewwel darba fis-17 ta' Ottubru 1989 u d-dibattitu fuqha kien twaqqaf fuq talba ta' l-oppożizzjoni ta' dak iż-żmien u mingħajr qatt ma tkompla?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-kwestjoni se tkun għall-attenzjoni tal-Bord rikostitwit dwar l-Ilsien Malti li hu presedut mill-Professur Albert Borg.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika s'issa kemm studenti ngħataw il-permess li jitilqu mill-iskola qabel is-16-il sena?
Minn liema skejjel kienu ġejjin dawn l-istudenti u f'liema lokalitajiet joqogħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji mitluba f'mistoqsija parlamentari numru 11907?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tul is-sena 2000 id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni sejra tkompli bix-xogħol tat-tkabbir tal-Kumpless Skolastiku tal-Fgura filwaqt li jingħata bidu għal xogħlijiet elettriċi u mekkaniċi u ta' finitura kemm fuq l-estensjoni kif ukoll fuq il-binja eżistenti. Sejrin jitlestew ukoll xogħlijiet li fadal fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar filwaqt li jitkomplew ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni, ta' servizzi mekkaniċi u elettriċi u ta' finitura fl-iskola primarja ta' Ħ'Attard partikolarment fuq is-sala l-ġdida. Sejjer jitkompla x-xogħol ta' servizzi mekkaniċi u elettriċi u ta' finitura fuq sular ġdid fl-iskola primarja ta' l-Imġarr filwaqt li jitlestew ix-xogħlijiet ta' riabilitazzjoni fis-sular t'isfel eżistenti, u jitkompla l-bini u xogħlijiet elettriċi, mekkaniċi u ta' finitura fuq is-sala l-ġidda. Tul din is-sena wkoll sejrin jiġu konklużi xogħlijiet fuq barra fl-iskola primarja tax-Xgħajra wara li fl-1999 saret estensjoni li tlestiet minn kollox u sar titjib fil-bini eżistenti. Sejjer isir xogħol ta' restawr u tindif tal-faċċata taċ-Ċentru għall-Qari f'Eta` Bikrija fis-Sala Robert Sammut fil-Furjana filwaqt li jingħata bidu għal xogħlijiet estensivi ta' titjib fuq ġewwa. Tul l-2000 sejjer jingħata bidu għat-tkabbir ta' l-Iskola Guardian Angel fil-Ħamrun filwaqt li sejrin isiru Environment Impact Statement u Traffic Impact Statement fiż-żona taż-Żokrija fil-Mosta bi preparazzjoni għal bini ta' skola primarja ġdida. Sejjer jinbeda wkoll ix-xogħol fuq l-estensjoni u r-riabilitazzjoni ta' l-iskejjel primarji f'Pembroke u f'Ħal-Luqa filwaqt li jingħata bidu għar-riabilitazzjoni estensiva ta' l-iskola primarja ta' tas-Sliema. Sejrin isiru xogħlijiet ta' landscaping fl-iskola primarja ta' San Ġwann filwaqt li jingħata bidu għal xogħol estensiv ta' tiġdid taċ-Ċentru tax-Xjenza f'Pembroke.
Informat ukoll li fil-qasam sekondarju sejjer jitkompla x-xogħol fuq it-tiġdid ta' l-iskola sekondarja ta' tas-Sliema, jitkompla x-xogħol ta' servizzi mekkaniċi u elettriċi u ta' finitura fuq il-blokka l-ġdida ta' laboratorji fil-Liċeo tal-Bniet f'Santa Luċija filwaqt li jiġu sottomessi l-pjanti lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar għall-bini ta' faċilitajiet sportivi fl-istess liċeo. Sejjer jitkompla x-xogħol ta' riabilitazzjoni estensiva fil-Liċeo tal-Bniet f'Pembroke biex bini eżistenti li qatt ma nbena bħala skola jiġi ttrasformat f'kumpless skolastiku modern. Sejrin jiġu ppreżentati l-pjanti lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar għall-bini ta' liċeo ġdid tas-Subien f'tal-Ħandaq, f'Ħal Qormi biex jieħu post dak eżistenti filwaqt li sejrin jitkomplew ix-xogħlijiet ta' tkabbir u r-riabilitazzjoni ta' l-iskola sekondarja tas-subien fil-Fortini, ġewwa l-Birgu. Tul l-2000 sejrin joħorġu l-offerti għal xogħlijiet fl-iskola tal-Hairdressing and Beauty Therapy f'Tas-Sliema li wieħed jittama li jinbdew fl-istess sena kif ukoll jinbeda xogħol estensiv fuq "storm water control system" fl-iskola Maria Assunta fil-Ħamrun.
Filwaqt li wieħed japprezza l-kontenut u l-kontribut u l-kultura li jiddissemina lis-semmiegħa tiegħu Radju FM Bronja, jista' l-Ministru jgħid kemm sewa l-istazzjoni bħala ħlasijiet lill-kontributuri tiegħu matul l-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li nemmen bis-sħiħ f'servizz ta' xandir pubbliku bħal dak li jagħti Radju FM Bronja li, fil-fehma tiegħi għandna nsaħħuħ u ntejjbuh biex jiġbed udjenza aktar popolari, ninsab informat li l-ħlasijiet lill-kontributuri ta' Radju Bronja matul is-sena 1999 ammontaw għal Lm14,732.70.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa l-Ministeru wara li rċieva petizzjoni ffirmata minn 309 persuna dwar talba biex titneħħa mobile phone antenna minn fuq il-bini ta' l-iskola primarja ta' Ħad-Dingli?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 15272 u 16578 fejn fost l-oħrajn għidt li bord governattiv ġie mwaqqaf apposta sabiex jindirizza din il-kwistjoni u jasal għall-konklużjonijiet tiegħu.
B'riferenza għat-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari numru 9003, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta' Dr Joseph A. Cannataci u tal-Perit Claude Busuttil li fl-istess tweġiba kien ingħad li s-salarju u l-benefiċċji oħra tagħhom kienu għadhom qegħdin jiġu negozjati? Jista' l-Ministru f'kull każ jgħid, jekk tali kuntratti għadhom ma ġewx konklużi x'inhu s-salarju u l-benefiċċji li dawn l-individwi qegħdin jistennew li jgawdu minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Nikkonferma li s-servizzi ta' Dr Joseph A. Cannataci u ta' Dott. Claude Busuttil qiegħdin jingħataw lill-istess Ministeru bħala parti minn pakkett ta' servizzi li l-Ministeru jingħata mill-Malta University Services Ltd.
Ir-remunerazzjoni mħallsa mill-MUS Ltd hi kif ġej:
Dr J. Cannataci - Lm15 fis-siegħa sa limitu ta' Lm15,000 fis-
sena, flimkien ma' allowance għal karozza
ta' Lm1200.
Claude Busuttil - Lm8,400 p.a. + bonus statutorju
Allowance tal-Petrol - Lm20 fil-ġimgħa.
Għalkemm taqa' taħt l-Universita`, l-MUS Ltd hija kumpannija kummerċjali u għaldaqstant mhix il-prassi li jsiru pubbliċi bil-mod kif qed jitlob l-Onor. Membru l-kuntratti li din il-kumpannija jkollha mal-persuni li tqabbad biex jagħti servizzi meħtieġa.
B'riferenza għall-avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tat-22 ta' Ġunju 1999 rigward il-ħtieġa ta' servizzi ta' periti privati jew soċjetajiet ta' periti, kif ukoll inġiniera elettriċi u mekkaniċi għad-disinn u superviżjoni, jista' l-Ministru jgħid min kienu l-individwi jew soċjetajiet li sal-lum tqabbdu mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex jagħtu tali servizzi billi jqiegħed kopja tal-kuntratti relattivi ma' dawn l-individwi jew soċjetajiet fuq il-Mejda tal-Kamra kif ukoll jgħid f'kull każ intalabx il-permess tal-Ministeru tal-Finanzi biex tali servizzi jingħataw? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tali approvazzjonijiet kif ukoll tat-tali talbiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni qabbad soċjeta` ta' periti, Mangion and Mangion, biex jagħtu s-servizzi tagħhom għal skola. Qabbad ukoll lis-soċjeta` ta' periti EMDP biex jagħmlu xogħol fuq uffiċċju fil-bini ċentrali tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Floriana.
Informat li l-ħlas li kien dovut ma kienx jirrikjedi li jintalab permess mill-Ministeru tal-Finanzi biex tali servizz jingħata.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sistema l-ġdida tal-orali li ġiet introdotta din is-sena fil-kors tal-BA (Legal and Hymanistic Studies) u tal-LLD peress illi hemm studenti li qed jibagħtu għalihom għall-orali u oħrajn li ma jafux jekk hux se jibagħtu għalihom jew le?
Jista' jgħid kemm fiha marki l-orali bħala perċentaġġ mit-total peress li ħadd mill-istudenti ma jaf x'inhu jiġri?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sistema ta' l-orali kif issa introdotta fil-fakulta` tal-liġi ġiet introdotta wara konsultazzjoni sħiħa ma' l-għalliema fil-fakulta`, ma l-istudenti tal-fakulta` u wara l-approvazzjoni tas-Senat. Din is-sistema tpoġġi l-eżamijiet li jsiru fil-fakulta` fuq l-istess binarju li jintuża fil-fakultajiet l-oħra.
Għalhekk l-orali ma għandux marki assenjati għalih, imma jintuża biex jiddetermina l-grad ta' student fejn l-eżaminaturi jkunu ndeċiżi fuq il-bażi ta' l-iskritt xi grad preċiż jista' jingħata.
Għalhekk l-istudent jista' biss jibbenefika mill-oral billi l-grad li jkun ġab fl-iskritt ma tkunx tista' titnaqqaslu. L-oral jintuża biss biex jiġi determinat il-grad ta' l-istudenti li jkunu każijiet borderline, per eżempju bejn F u D bejn l-average C u D+ jew fejn ikun ħa jġib grad għoli ħafna biex wieħed jiddeċiedi l-istudent ikunx verament ħaqqu dak l-għola grad.
Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proċess ta' l-istatementing board fuq il-każ tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li fid-29 ta' Ottubru, 1999 ġie infurmat mill-board li qed jiġi eżaminat il-każ tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif meħtieġ baqa' ma wasallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'effett kellu fuq is-servizzi offruti mill-ischools library service l-hekk imsejjaħ deployment ta' l-assistant librarian fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 15727?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija numru 17550.
Dipartiment ta' l-Arkitettura u Inġinerija — Lecturers
Question
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 17587, jista' l-Ministru jispjega min huma l-persuni li jokkupaw il-kariga ta' professur, senior lecturer, lecturer, assistant lecturer u research assistant, kemm dawk fulltime kif ukoll part-time?
Response (GALEA, LOUIS)
M'hiex il-prassi li tingħata informazzjoni dettaljata fuq individwi partikolari, filwaqt li l-Onor. Membru jista' jitlob kopja tal-Kalendarju ta' l-Universita` li jkun fih it-tagħrif dwar il-personal akkademiku tal-Fakoltajiet kollha.
Jikkonsidra l-Ministru li jiġi mnaddaf il-monument ta' Dante fil-Furjana miż-żebgħa li hemm fuqu? Il-Professur Guido Santi ġie kkummissjonat aktar xogħol ta' restawr fil-bronż? Liema huma dawn ix-xogħlijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol ta' tindif u preżentazzjoni aħjar tal-monument imsemmi qed jiġi konsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-għalliem li ismu qed jintbagħat separatament li jagħmel ukoll xogħol ta' librar fl-iskola sekondarja tas-subien ta' Sta. Venera ilu minn Novembru 1998 ma jitħallas l-allowance ta' librar? Meta se jingħata dak li għandu dritt għalih?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliem indikat mill-Onor. Membru fil-fatt jitħallas 'allowance' ta' Lm120 fis-sena li jkopru dmirijiet ta' 'special responsibility' inkluż xogħol ta' librar.
Dan skond kif inhu stipulat fil-ftehim bejn il-Gvern u l-M.U.T.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-aħħar xahar ir-rivisti The Economist u Time kienu nieqsa mill-Biblijoteka Nazzjonali u għalhekk ma setgħux jikkonsultawhom meta marru biex jarawhom dawk li jmorru l-Biblojoteka Nazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-deċiżjoni biex tiġi sospiża s-sottoskrizzjoni tar-rivisti msemmija isir dan il-waqfien ittieħdet f'Awissu 1999 waqt laqgħa bejn id-Direttur tal-Librerija u Uffiċjali tad-Dipartiment li jaħdmu direttament mal-pubbliku u oħrajn li jaħdmu fis-sezzjoni tas-subscriptions.
Is-sitwazzjoni ġiet mistħarrġa sewwa u din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba:
a) li t-talba għal dawn iż-żewġ rivisti mill-pubbliku u minn
riċerkaturi kienet waħda minima għall-aħħar; u
b) tnaqqis ta' fondi allokati għal subsriptions, u għalhekk
inħass il-bżonn li l-flus allokati jintużaw biex jinxtraw
rivisti li mhux faċli u li rarament wieħed jista' jara jew
jakkwista minn ħwienet tal-kotba u stationeries li għall-
kuntrarju lkoll ikollhom ir-rivisti The Economist u Time.
Beħsiebni nitlob il-parir tal-Kumitat dwar il-Libreriji Pubbliċi dwar id-deċiżjoni tad-Dipartiment konċernat.
Jistgħu l-awtoritajiet tal-Biblijoteka jirrispondu l-ittra li qed tintbagħat separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riċevuta datata 27 ta' April 2000 indirizzata lis-sur Nardu Balzan Imqareb għad-depożitu li hu għamel fil-Bibljoteka Nazzjonali tal-pubblikazzjoni tiegħu Take Interest And See How It Works in Practice: The Justice of Malta 5. L-ittra tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2000, sfortunatament inqabdet ma' xogħol ieħor u ma ġietx imwieġba. Ser isiru l-verifiki biex jiġi assigurat li l-irċevuta in kwestjoni tasal għand il-konsenjetarju tad-dokument imsemmi.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar il-petizzjoni ppreżentata mir-residenti tal-Qrendi li tesprimi tħassib dwar ħruq ta' nar ta' l-art ħdejn l-iskejjel tal-lokal? (Petizzjoni qed tintbagħat separatament)
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment ta' l-Operations kiteb lill-Kummissarju tal-Pulizija fejn elenka l-pożizzjoni tiegħu dwar ħruq ta' nar ta' l-art fi Triq Kurat Miżżi, Qrendi.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 15727 fejn il-Ministru qal li hu nfurmat li t-transfer sar għax l-Assistant Librarian konċernata ġiet deployed mad-Dipartiment tal-Libreriji u l-Arkivji wara li ħadet promotion, kien infurmat il-Ministru li: kull persuna li hemm fl-iSchool Library Service ġiet mid-Dipartiment tal-Libreriji u l-Arkivji; din il-persuna kienet diġa' ma' dan id-dipartiment anke meta kienet fl-iSchools Library Service u kienet tagħmel xogħol ta' grad ta' Assistant Librarian; li ntbagħtet f'din is-sezzjoni b'ordni ministerjali fl-1997 għax kienet l-unika mpjegata fid-Dipartiment tal-Libreriji u l-Arkivji li kienet segwiet kors speċjali bħala parti mid-diploma in library studies fuq il-libreriji fl-iskejjel; li hi l-unika mill-ħdax-il promozzjoni ta' assistant librarian li ntbagħtet taħdem f'ambjent totalment differenti minn dak li tgħallment sal-lum; li kważi kull min ħa promotion, kif jidher fir-risposta numru 14827, baqa' fejn kien, anke hemm min mhux f'librerija; bil-ħsara li saret lill-iSchools Library Service b'dan it-transfer? Jista' għalhekk il-Ministru jieħu azzjoni biex ma jinħeliex talent fix-xejn u jġedded l-ordni ministerjali ta' l-1997?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Library Assistant li ntbagħtet mill-iSchools Library Service wara li ħadet promozzjoni għal Assistnat Librarian qed tagħti servizz meħtieġ fid-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji skond il-kompetenzi li għandha.
Fl-iSchool Library Service hemm jaħdmu żewġ għalliema mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, wieħed li għandu l-kwalifiċi u l-esperjenza f'dan il-qasam u oħra li għandha esperjenzi fil-qasam tal-libreriji. Fl-iskejjel sekondarji hemm Teacher Librarians.
Informat ukoll li hemm proposti li qegħdin jiġu kkunsidrati mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex is-servizz ta' l-iSchool Library Service ikompli jissaħħaħ u jersaq aktar qrib lejn il-kurrikulu milli hu llum.
Wieħed irid jinnota wkoll li d-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji jagħti sehemu fis-servizz tal-qari u tiftix għat-tfal permezz ta' Libreriji Lokali u Libreriji Reġjonali kif ukoll bl-attivitajiet speċjalili joffri fil-Librerija Pubblika Ċentrali.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija biħsiebni niddiskuti l-każ mas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru biex niġi riassigurat li d-deċiżjonijiet amministrattivi li qed jittieħdu mill-Awtoritajiet kompetenti huma fl-aqwa interessi tas-servizz u tal-pubbliku inkluż it-tfal, u għaldaqstant fuq dan nittama li nkun nista' nwieġeb f'xi Seduta oħra.