Jista' l-Ministru jara li x-xogħol ta' rinnovar taz-zuntier tal-Knisja tal-Imġarr (Malta) jitlesta peress li fadal biex it-taraġ il-wiesgħa ta' quddiem li jitlesta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-taraġ imsemmi qatt ma kien jifforma parti mill-proġett li wettaq id-Dipartiment tax-Xogħlijiet fiz-zuntier tal-Knisja Parrokjali tal-Imġarr.
Madanakollu wieħed jikkonsidra din it-talba flimkien ma talbiet oħra.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — xogħol mogħti lil individwu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ xogħlijiet li ngħataw lill-individwu u/jew kumpanija li dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa Marzu 2013 mill-Ministeru tiegħu u entitajiet, aġenziji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jgħid jekk f’kull każ, ix-xogħol ingħatax b’direct order jew wara li saret sejħa għall-offerti? Jista’ jgħid f’kull każ kemm kienet l-ispiża? F’kull każ, min awtorizza li jsir il-ħlas? F’kull każ fiex kien jikkonsisti x-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament ingħatat xogħolijiet kemm minn Transport Malta kif ukoll mill-Grand Harbour Regeneration Corporation.
Bejn is-snin 2010 u 2013 Transport Malta għamlet użu mis-servizzi ta’ din il-kumpanija kif ġej:
Sena €
2010 €2,787.72
2011 €27,563.88
2012 €121,629.56
2013 (sa Marzu) €35,660.50
Ix-xogħlijiet li ngħataw ġew awtorizzati miċ-Chairman ta’ dak iż-żmien, Mark Portelli.
Ix-xogħlijiet jinkludu kiri ta’ tined f’diversi interchanges, kif ukoll kiri ta’ mobile toilets u tindif ieħor.
L-ispiża għas-servizzi li ingħatat Transport Malta tammonta għal xejn inqas minn €187,641.66 u kollha ġew mogħtija b’direct order.
Fir-rigward tal-Grand Harbour Regeneration Corporation, l-użu tas-servizzi minn din il-kumpanija kien kif ġej:
Sena €
2009 €17,813.96
2010 €916.46
2011 €13,365.55
2012 €5,556.00
L-ispiża għas-servizzi li ngħatat GHRC tammonta għal €37,651.97 u ġew mogħtija kollha b’sistema ta’ direct order.
Bejn Transport Malta u l-GHRC, l-ispiża totali għas-servizzi mogħtija tammonta għal €225,293.63.
L-informazzjoni dettaljata ta’ kull servizz li ngħata qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Proġett Modus – Twaqqif ta’ Traffic Control Centre
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea msejjaħ MODUS (li huwa mmexxi minn Transport Malta), speċifikament għal dak li jirrigwarda t-twaqqif ta’ Traffic Control Centre u jekk inħarġux sejħiet għall-offerti f’dan ir-rigward?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti għat-twaqqif tat-Traffic Control Centre u xogħlijiet oħra relatati nħarġu mid-Dipartiment tal-Kuntratti bir-referenza CT 3022/2013 u fil-mument l-offerti mixħuta qed jiġu evalwati.
Il-Marsa – Triq Aldo Moro – sospensjoni ta’ bus lane
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bus lane ta’ Triq Aldo Moro fil-Marsa hix parti mill-proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea imsejjaħ MODUS u jekk fl-affermattiv, x’impatt se jkun hemm fuq il-proġett peress li l-Ministru ordna li l-istess bus lane tiġi sospiża?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bus lane li hija ppjanata bħala parti mill-proġett tal-Modus u li tinsab eżattament fejn ser isiru x-xogħlijiet tal-kontroll tal-għargħar, għadha ma tlestietx u din se tinbena meta jitlestew dawn ix-xogħlijiet. Għaldaqstant, il-bus lane li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant għadha mhix kompluta.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 502, għalkemm il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura kien wieġeb li ma kienx ipprogrammat li jsir il-bini mill-ġdid tal-promenade tal-Qajjenza, fid-dawl li l-Ministru bidel fehmtu u din il-promenade se ssir, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda u jispiċċa x-xogħol fuq din il-promenade kif ukoll kemm hi stmata li spiża biex isir dan ix-xogħol? Meta bdew isiru l-pjanti preliminari u fiex waslet l-applikazzjoni l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex ikunu jistgħu jinħarġu l-permessi neċessarji għal dan ix-xogħol? Jista’ jqiegħed sett pjanti tal-promenade proposta u fil-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li mhux korrett meta jgħid li biddilt fhemti rigward il-proġett tal-Qajjenza.Wara li saru konsultazzjonijiet mal-Kunsill Lokali , dan il-proġett iddaħħal fil-programm ta’ xogħlijiet u l-pjan hu li l-applikazzjoni lill-MEPA tintbagħat sa l-aħħar ta' Ottubru.
Ix-xogħol aktarx ser jinkludi il-qlugħ tat-triq billi jirriżulta li din mhix fi stat tajba. Għalhekk bħalissa qed isiru investigazzjonijiet minn Transport Malta biex jivverifikaw x'xoghol hemm bżonn isir qabel tittieħed id-deċizjoni dwar kif u meta dan ikun jista' jsir.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 503, peress li għalkemm il-Ministru kien indika li x-xogħol fuq il-junction ta’ Għar Dalam f' Birżebbuġa kellu jibda bejn l-aħħar ta' Mejju u l-bidu ta' Ġunju 2013 u dan ix-xogħol baqa’ ma bediex, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux indikazzjoni meta se jibda u jispiċċa dan ix-xogħol? Kemm hi stmata l-ispiża biex dan ix-xogħol ikun eżegwit?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol ta’ Għar Dalam junction kien inbeda u twaqqaf sabiex isir disinn iktar ħolistiku taż-żona kollha. Bħalissa l-proġett qiegħed fil-fażi tat-tendering. L-ispiza stmata sabiex isir dan ix-xogħol hija ta’ €37,000.
San Pawl il-Baħar — Triq ir-Rebbiegħa – reserved parking spaces
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4812, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta ġew approvati kull waħda mit-talbiet imsemmija fir-risposta? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar taħt liema wieħed mill-kriterji ta' Transport Malta ġew approvati, individwalment, kull waħda minn dawn il-kaxxi? Jista' l-Ministru jagħti wkoll tagħrif dwar jekk sarux spezzjonijiet fuq il-post minn uffiċjali ta' Trasport Malta qabel ġew approvati? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk l-applikanti għandhomx il-blue sticker ta' persuni b'diżabilità? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk fil-fatt ġewx verifikati ċ-ċertifikati li kienu ppreżentati jekk kienu ppreżentati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Inperpellant li ninsab infurmat li dawn l-applikazzjonijiet għal parkeġġ riservat ġew approvati f’dawn id-dati: 6 ta’ Jannar 2009, 10 ta’ Settembru 2012 u 29 ta’ Lulju 2013. Dawn il-kaxxi ta’ parkeġġ riservat kienu kollha jissodisfaw il-kriterju ta’ nuqqas ta’ mobbiltà kif ukoll il-kriterji amministrattivi. Transport Malta ma kellha l-ebda indikazzjoni mill-kunsill lokali li kien hemm bżonn ta’ spezzjoni fuq il-post waqt il-proċess inizjali ta’ konsultazzjoni rigward dawn l-applikazzjonijiet.
L-applikanti kollha għandhom il-Blue Badge tal-persuni b’diżabbiltà, kif ukoll kull applikazzjoni kellha ċ-ċertifikati kollha meħtieġa ffirmati u ttimbrati mit-tobba rispettivi.
San Pawl il-Baħar — Triq Ġulju - Trasport Pubbliku
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4805, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru t-talbiet biex id-devjazzjonijiet imsemmija jiġu fis-seħħ? Min talab il-permessi meħtieġa, min approva l-istess talbiet, u kif kien mgħarraf lill-pubbliku inġenerali li kien se jkun hemm dawn il-bidliet imsemmija fir-risposta? Fejn ħarġu l-avviżi neċessarji dwar dan it-tibdil, u meta, f'kull dehru l-avviżi (jekk kien hemm avviżi)? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-istess avviżi? Jista' jagħti wkoll l-informazzjoni mitluba fid-domanda oriġinali, u dik mitluba f'din id-domanda, għax-xhur Ġunju sa Awwissu ta' din is-sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tlett talbiet għall-għeluq ta’ Triq Ġulju saru mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar skont kif ġej:
- “European Mobility Week” fejn it-talba saret nhar l-4 ta’ Settembru 2013
- “Festival Marittimu” fejn it-talba saret nhar is-17 ta’ Settembru 2013
- “Russian Cultural Event” fejn it-talba saret nhar is-26 ta’ Settembru 2013
Infurmat ukoll illi id-Direttorat għat-Trasport fuq l-Art m’oġġezzjonax għat-talbiet li saru sabiex jinżammu l-attivitajiet, madanakollu l-permess tal-għeluq tat-triq ma’ nħariġx minn Transport Malta. Ir-responsabbilta’ li tavża lill-pubbliku in ġenerali b’għeluq ta’ triq hija ta’ min qed jagħmel it-talba, jiġifieri f’dan il-każ tal-Kunsill Lokali ta’ San Paw il-Baħar. Għaldaqstant, Transport Malta m’għandhiex għad-disposizzjoni tagħha kopja ta’ xi avviż li seta’ nħareġ f’dan ir-rigward.
Infurmat ukoll li bejn Ġunju u Awissu ta’ din is-sena kien hemm żewġ okkażjonijiet fejn ġie affetwat it-traffiku li jgħaddi minn Dawret il-Gżejjer u li t-talbiet tagħhom saru mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar:
- Fit-2 ta’ Lulju għall-“Community Chest Fund” fejn fid-9 t’ Awissu l-karozzi tal-linja ġew devjati minn Triq il-Qawra;
- Fit-23 ta’ Lulju għall-“Karnival tas-Sajf” fejn fis-17 u t-18 t’Awissu l-karozzi tal-linja ġew devjati minn Triq il-Qawra.
Infurmat ukoll illi fl-14 ta’ Lulju ġiet organizzata attivita’ mill-Korp tal-Pulizija fil-pjazza ta’ Buġibba u minħabba f’hekk, it-trasport pubbliku hu u dieħel lejn il-bus terminus ta’ Buġibba ġie devjat minn Triq il-Pijunieri għal Triq it-Turisti filwaqt illi l-ħruġ mit-terminus kien devjat minn Triq il-Ħallel għal Triq il-Pijunieri.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex, fejn ikun hemm traffic lights li mhumiex jaħdmu u ilhom hekk diversi ġimgħat, ma jsirux sinjali li javżaw lis-sewwieqa kif kien isir minn Transport Malta qabel Marzu 2013?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-unika darba qabel Marzu 2013 li Transport Malta avżat b’sinjali dwar ħsarat fi traffic lights, kien meta t-traffic lights tal-Marsa kienu bil-ħsara. Madankollu Transport Malta tilqa’ b’mod pożittiv kull suġġeriment għall-każijiet simili fil-futur.
Traffic lights ta’ ħdejn il-Luxol Grounds – ħsarat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba inqalalhom il-ħsara it-traffic lights ta' ħdejn il-Luxol Grounds mit-12 ta' Marzu ’l hawn u kemm damu biex ġew imsewwija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-traffic lights msemmija ġew irrappurtati darbtejn minn Marzu 2013 l’hawn, u dawn dejjem ġew msewwija f’inqas minn 24 siegħa. Bħalissa l-imsemmija traffic lights huma bil-ħsara għax il-kuntrattur mqabbad mill-kunsill lokali tas- Swieqi involontarjament għamel ħsara fil-cable u intalab ukoll biex il-controller tal-lights jiġi mressaq f’post ieħor. Transport Malta qed tieħu l-azzjonijiet neċessarji biex ix-xogħol isir fl-inqas żmien possibli.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-kuntratti ġodda u/jew li ġew estiżi ta' ħaddiema ingaġġati ma’ Transport Malta mit-12 ta' Marzu 2013 ’l quddiem?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li l-kuntratti mitluba jinkludu dettalji personali tal-istess impjegati, ma jkunx prudenti li tali informazzjoni titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti ġodda li ġew ingaġġati ma’ Transport Malta mit-12 ta' Marzu 2013 ’il quddiem? Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta' dawn il-konsulenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti ġodda li ġew ingaġġati minn Transport Malta mit-12 ta’ Marzu 2013 huma dawn li ġejjin :-
Konsulent
Servizz / Xogħol offrut
Ing. Mark Radmilli
Structural Engineering Consultancy Services - Deep Water Quay
Dott. Torchiani
Structural Consultancy Services -Salina Coast Road tender
AME
Professional Services of a Health and Safety Officer for the Deep Water Quay project
Grant Thornton
Audit Services related to an EU Audit Project (first level controller)
Deloitte Services
Provison of auditing services on expenses incurred as part of the implementation projects co-financed under EU Territorial Cooperation Funding Programmes
MBVC Advocates
Legal issues
RSM
Advice re Garden of Eden court case
Cilia & Associates
Legal advice re land transport issues
Perit Odette Lewis
Advisory services on infrastructure, road building & transport policy
Ma narax li huwa opportun li nqiegħed kopja tal-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba li dawn jinkludu informazzjoni kummerċjalment sensittiva.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ħaddiema fil-Ministeru tiegħu, minbarra dawk it-tlett impjegati ta' Transport Malta li qegħdin jaħdmu fil-Ministeru fuq ir-riforma tat-trasport pubbliku, qegħdin jilbsu wkoll lanyards bil-logo ta' Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Nirringrazzja lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed attent ħafna għad-dettalji fil-Minsiteru tiegħi, saħansitra anke fuq x’jilbsu l-impjegati. Transport Malta għandha lanyards u qassmet minnhom lil diversi persuni inklużi lill-impjegati tal-Ministeru tiegħi li juzawhom sabiex iġorru l-access card fiha. L-istess Onor. Bezzina għandu lanyard ta’ Transport Malta li ngħatat lilu f’waħda miż-żjarat fil-Ministeru tagħna. Aħna apprezzajna l-ġest ta’ Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-iskop taż-żjara li għamel għall-boat show ta’ Monaco li għaliha attendew ukoll il-persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid jekk għall-istess boat show attendewx ministri ta’ gvernijiet oħra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif kien isir qabel minn gvern preċedenti, dan il-Ministeru ħass li l-parteċipazzjoni ta’ delegazzjoni Ministerjali għall- Boat Show ta’ Monako kienet importanti billi hija waħda mill-iktar avvenimenti u esebizzjonijiet importanti fl-industrija tal-yachting, u l-preżenza ta’ delegazzjoni Ministerjali kif ukoll dik ta’ Transport Malta tkompli turi l-impenn li dan il-Gvern għandu lejn l-iżvilupp kontinwu ta’ dan il-qasam. Ta’ min isemmi wkoll li apparti l-esebizzjoni nnifisha, saru wkoll numru ta’ laqgħat ma’ kumpaniji tal-yachting u stakeholders oħra fl-industrija.
Jien infurmat li hemm drabi fejn Ministri ta’ gvernijiet oħra attendew għal dan il-yacht show, kemm f’din l-edizzjoni kif ukoll matul snin oħra preċedenti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq Amleto Spiteri, Ħal Qormi tinfetaħ minn fuq il-wied għal fejn tal-Invicta hekk kif kienet fuq il-pjanti ta’ 20 sena ilu meta tqassmet l-art?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minħabba li din il-proposta, hekk kif indikat fil-mistoqsija, ilha għoxrin sena, Transport Malta qiegħda tara jekk din il-proposta għadhiex tapplika għas-sitwazzjoni tat-traffiku tal-lum. Dan minħabba l-fatt li bħalissa Transport Malta qiegħda tanalizza diversi għazliet għall-immaniġjar aħjar tat-traffiku.
Jista' l-Ministru jara li jinbidel il-paviment fuq in-naħa tax-xellug tal-Katidral tal-Imdina għax dan kollu mfarrak u jagħti impressjoni mill-aktar ħażina lill-mijiet ta' eluf ta' turisti li jiġu f'dan il-post tant popolari?
Response (MIZZI, JOE)
Ix-xogħol ta’ pavimentar imsemmi mill- Onor. Interpellant huwa proġett li l-Uffiċċju għar-Riabilitazzjoni tal-Mdina qed jippjana għas-sena ddieħla. Dan ix-xogħol se jsir wara li jitlesta r-restawr tas-swar li hemm taħt il-Katidral minħabba l-fatt li dan il-pavimentar qed jintuża bħala aċċess għal min qed jagħmel dan ix-xogħol ta’ restawr.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsibijiet li titwaqqa’ l-kamra fuq is-Saqqajja fejn kien hemm il-bus terminus, li kienet tintuża għall-uffiċjali tat-trasport pubbliku, imma li issa ma għandha ebda użu u qiegħda tkerrah iż-żona?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni fir-rigward tal-kamra msemmija u dan minħabba l-fatt li għad irid jiġi evalwat jekk din il-kamra jkunx hemm bżonn li tintuża meta jiġu ntrodotti it-tibdil fir-rotot is-sena d-dieħla.
Peress li ninsab infurmat li l-karozza tal-Arriva mir-Rabat għall-Belt u li suppost titlaq fil-5.30am qiegħda titlaq 10 minuti tard u dan qiegħed iwassal biex passiġġieri jaslu tard għal karozzi oħra li jkunu jridu jaqbdu, jista’ l-Ministru jieħu azzjoni minnufih biex il-karozzi jitilqu verament fil-ħin?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont l-iskedi ppublikati mill-Arriva Malta Ltd, l-ewwel vjaġġ mir-Rabat lejn il-Belt Valletta huwa skedat li jitlaq minn ħdejn il-Villa Rumana fil-5:39 ta’ filgħodu u mhux fil-5:30 ta’ filgħodu.
Infurmat ukoll li Transport Malta qed tieħu l-provedimenti meħtieġa sabiex tassigura li mal-introduzzjoni tar-rotot il-ġodda l-ewwel vjaġġ li jiltaq minn ħdejn il-Villa Rumana fir-Rabat jibda jitlaq aktar kmieni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemm xi limitu ta’ transfers tal-karozzi li l-uffiċjali inkarigati ta’ Transport Malta ma jistgħux jaqbżu kuljum?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li m’hemm l’ebda limitu ta’ transfers tal-karozzi li l-uffiċċjali nkarigati ta’ Transport Malta jagħmlu kulljum.
Il-pubbliku in ġenerali għandu l’faċiltà li jiġi fis-Sala B u jagħmel transfers mal-counter. Jekk kumpanija li minħabba n-numru tal-flotta jkollhom ammont kbir ta’ transfers, dawn jingħataw il-faċiltà li jiddepożitaw id-dokumenti meħtieġa, u jiġu għalihom il-ġurnata ta’ wara.
Persuni oħrajn bħal aġenti jew bejjiegħa awtorizzati sabiex ibiegħu vetturi, jew aġent ta’ l-assikurazzjoni għandhom faċillitajiet differenti f’Sala Ċ. Dawn jistgħu jiddepożitaw id-dokumenti kollha u jiġbruhom wara nofsinhar ta’ l’istess ġurnata jew il-ġurnata ta’ wara. Dawn jistgħu ukoll jagħmlu transfers mat-tieqa assenjata f’Sala Ċ sa massimu ta’ għaxar (10) transfers kull wieħed, liema numru ġie stabbilit mas-settur sabiex ikun jista’ jinqeda kulħadd u peress li għandhom il-faċilità li jiddepożitawhom.