Legislature:
Category:
Reset
Active:

MIA — Apparat/sistemi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 7093 ċioe' jista' jgħid: a) jekk l-apparat u s-sistemi li jinsabu fit-Terminal Building tal-Gudja humiex kollha ċċertifikati għall-Y2K; b) liema sistemi tat-Terminal Building tal-Gudja għandhom jiġu mibdula biex tiġi solvuta din il-problema; kemm hi stmata li tkun l-ispiża; c) liema sistemi f'dan l-istess bini diġa' ġew upgraded biex ikunu kompatibbli għas-sena 2000; d) fil-każ ta' (c) kemm kienet l-ispiża?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li: a. L-apparat u s-sistemi li jinsabu fit-Terminal Building tal-Gudja, li jaqgħu taħt ir-responsabbilta ta' l-M.I.A., ġew iċċekkjati kollha għall-Y2K. Dan l-apparat u sistemi ġew ċertifikati għall-Y2K kollha minbarra l-Building Management System u l-Access Control System. Ta' min jgħid li x-xogħol ta' upgrading għall-Y2K ta' dawn iż-żewġ sistemi mistenni li jkun lest fi żmien qasir. b. L-ebda sistema li taqa' taħt ir-responsabbilta' ta' l-M.I.A. ma għad trid tinbidel minħabba l-Y2K. c. Is-sistemi tat-Terminal Building tal-Gudja li jaqgħu taħt ir-responsa- bbilta' ta' l-M.I.A. li diġa' ġew upgraded biex ikunu kompatibbli għas- sena 2000 huma: Telephone Call Logging System, CCTV Recording System, Hand Recognition System u POS Novell Server. d. L-ispiża tax-xogħol imsemmi fil-paragrafu preċedenti kienet ta' madwar Lm7,000.

Luqa — Ċentru tal-Kontroll ta' l-Ajru

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 7089 ċioe' peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 5713 il-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni ta wieħed x'jifhem li s-sistema tar-radar ġdid li kienet ġiet installata fiċ-ċentru l-ġdid tal-kontroll ta' l-ajru f'Ħal Luqa kienet mistennija li tibda topera f'Awissu 1998, jista' jgħid jekk din is-sistema fil-fatt toperax? Jekk fl-affermattiv, meta bdiet topera? Jekk fin-negattiv, x'inhuma r-raġunijiet li din mhijiex topera meta għaddew aktar minn sitt xhur meta kellha tibda topera? Meta hu ppjanat li din is-sistema tibda tintuża?

Response (BONNICI, JOSEF)

Is-sistema tar-radar il-ġdid li kienet ġiet installata fiċ-ċentru l-ġdid tal-kontroll ta' l-ajru f'Ħal-Luqa, taħdem iżda mhix topera kompletament. Dan minħabba kunsiderazzjonijiet ta' taħriġ, nuqqas ta' numru meħtieġ ta' kontrolluri u difetti fis-sistema u fl-apparat li wħud minnhom żviluppaw fil-perjodu tal-operational trials li saru fil-bidu tas-sena 1998. Din kienet sitwazzjoni li sab il-Bord tad-Diretturi preżenti fl-aħħar tas-sena 1998, u mill-ewwel bdiet tittieħed azzjoni biex dawn in-nuqqasijiet jiġu kkoreġuti fl-iqsar żmien possibbli. Huwa ppjanat li din is-sistema tiġi 'fully operational' qabel l-aħħar ta' din is-sena.
Leg 9 PQ #7574 Sitting 121 1999-06-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Talbiet għal bozoz ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm irċeviet talbiet il-Korporazzjoni Enemalta mingħand il-kunsilli lokali għal bozoz ġodda? Kemm hemm maħsub li jsiru minn dawn l-istess talbiet u f'liema lokalitajiet? Hemm il-ħsieb li l-proċedura li qed tintuża llum għal bozoz ġodda tinbidel? Jekk iva, kif inhu maħsub li ssir u jekk le, x'inhi l-proċedura li qed tintuża sabiex issir bozza ġdida?

Response (BONNICI, JOSEF)

Peress li l-Onorevoli Interpellant ma speċifikax perjodu partikolari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba li tkopri l-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 1999 u l-31 ta' Mejju 1999. Il-Korporazzjoni tinstalla bozza ġdida wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Ministeru li minnu l-Korporazzjoni tifforma parti. Din hija l-proċedura preżenti li ilha fis-seħħ għal diversi snin. Il-proċedura attwali tista' tinbidel ladarba jintlaħaq ftehim mal-Kunsilli Lokali dwar din il-materja.

Ħal Farruġ — Street lighting

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiżdied id-dawl (street lighting) fil-Housing Estate ta' Ħal Farruġ, Luqa?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba biex jiżdied id-dawl fil-qasam tad-djar imsemmi, qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet u xogħolijiet oħra.
Leg 9 PQ #7700 Sitting 121 1999-06-15 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Wied il-Għajn — Arbli tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 7549?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ma jirriżultax li l-Korporazzjoni Enemalta hija nvoluta f'xi proġett fix-Xatt ta' Wied il-Għajn.

Ministeru tas-Servizzi Ekonomiċi — Xiri ta' Karozzi

Question

Jista' l-Mionistru jgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda mill-Ministeru tiegħu jew min wieħed mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn? Jekk inxtraw, jista' l-Ministru jgħid: (1) kemm laħqet l-ispiża; (2) inħarġitx tender; (3) mingħand min inxtraw; (4) x'marka huma; (5) għal-liema skop inxtraw; (6) minn min qed jintużaw? (7) kemm huma fl-ammont?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #7432 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Kaptana/Pilot officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' kaptana/pilot officers ta' l-Air Malta fil-mument? Kemm minn dawn joperaw fuq xogħlijiet ta' kuntratti li għandha l-linja ta' l-ajru nazzjonali ma' pajjiżi oħra barranin?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-preżenti l-Air Malta tħaddem 90 Kaptan u 82 First Officer. Minn dawn 11-il Kaptan u 5 First Officers huma sekondati ma' l-Air Holland u ma' l-Azzurra Air.
Leg 9 PQ #7482 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Persuni neqsin mid-dawl — Faċilita' ta' ATM's

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7248 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' peress li fil-gżejjer tagħna l-ATM's mhumiex aċċessibbli għall-persuni għomja, jista' l-Ministru jikkonsidra li l-gvern jagħmel talba sabiex għall-futur dawn ikunu mgħammra b'apparat ta' speech synthesis sabiex il-persuni għomja jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-banek dejjem lesti li jikkunsidraw dawn il-faċilitajiet ġodda kif u meta jidħlu fis-suq. L-utilizzar ta' dawn l-istess faċilitajiet jiddependi mill-ispiża u l-validita' teknika tal-prodott.
Leg 9 PQ #7562 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Industrija — Ristrutturar

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani tal-gvern dwar ristrutturar ta' l-industrija?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Gvern qed jikkonkludi eżerċizzju sabiex ikun f'pożizzjoni aħjar li jfassal il-pjani neċessarji dwar ir-ristrutturar ta' l-industrija. F'dan il-proċess għandha rwol ewlieni l-IPSE. Fil-ġejjieni l-Gvern ser jiltaqa mas-sieħba soċjali dwar din il-materja.
Leg 9 PQ #7563 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Politika industrijali tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min qed titħejja u tiġi fformulata d-draft tal-politika ġdida industrijali tal-gvern?

Response (BONNICI, JOSEF)

Diversi dipartimenti, fosthom it-Taqsima ta' l-Ippjanar Ekonomiku, l-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika u dak ta' l-Industrija, numru ta' korporazzjonijiet, bħall-MDC, METCO u MIMCOL, kif ukoll azjendi oħra bħall-Malta Drydocks u l-Malta Shipbuilding, qed jaħdmu sabiex jitfassal dokument komprensiv dwar il-politika industrijali ta' pajjiżna. Huwa ppjanat li l-abbozz ikun lest f'Ottubru ta' din is-sena, meta l-Gvern għandu l-ħsieb li jiddiskutieh mas-sieħba soċjali fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku.

WSC/Enemalta — Kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 7462?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-kontijiet tad-dawl u ilma għas-settur domestiku bdew jinħarġu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fl-aħħar ġimgħa ta' Mejju.
Leg 9 PQ #7650 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ajruplani tal-passiġġieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' ajruplani tal-passiġġieri li daħlu Malta fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena u kemm kien in-numru ta' passiġġieri fuqhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba hija kif ġej: Jannar 835 ajruplan 63,438 passiġġier Frar 808 ajruplan 71,314 passiġġier Marzu 1,019 ajruplan 104,375 passiġġier April 1,278 ajruplan 118,820 passiġġier Mejju 1,404 ajruplan 133,230 passiġġier TOTAL 5,344 ajruplan 491,177 passiġġier

Qormi — Dawl fit-toroq

Question

Peress li hemm bżonn ta' dawl adegwat li jagħti għal fuq it-taraġ li jiġi taħt Block 2 fi Triq id-Deheb Fin u oħra għal fuq it-taraġ li jiġi taħt Block 1 fl-istess triq f'Ħal Qormi, jista' l-Ministru jara li tittieħed azzjoni minħabba l-periklu fid-dlam għal kulħadd iżda partikolarment għal anzjani?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li hemm bozza quddiem it-taraġ fiż-żewġ blokki msemmija. Għaldaqstant ma tinħassx il-ħtieġa li jiżdied id-dawl fil-postijiet imsemmija.
Leg 9 PQ #7704 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Duty Free Shops

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi il-qagħda uffiċjali tal-gvern Malti dwar id-duty free shops wara d-deċiżjoni li ttieħdet fil-kunsill ta' Cologne tal-Unjoni Ewropea?

Response (BONNICI, JOSEF)

Din l-materja qed tiġi studjata fil-kuntest wiesgħa tal-proċess biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. B'dan l-istadju għadu prematur li wieħed jidħol iktar fid-dettal.
Leg 9 PQ #7709 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarxien — Card phone

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir card phone fi Triq Luqa, Paola/Tarxien minħabba l-bżonn anke biex jużawha t-turisti peress li hija qrib ukoll tal-Hypogeum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li fit-triq imsemmija diġa' hemm tlitt cardphones. Tnejn minnhom jinsabu f'kull tarf tat-triq u l-oħra fin-nofs tagħha. Madankollu l-Maltacom ser tikkonsulta mal-Kunsill Lokali konċernat biex jiġi stabbilit jekk hemmx lok li titpoġġa cardphone oħra qrib fejn jipparkjaw il-coaches li jieħdu t-turisti l-Hypogeum. Tajjeb jingħad li bħalissa l-Maltacom għandha 17-il cardphone f'Paola u 8 f'Hal Tarxien.
Leg 9 PQ #7729 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Raħal Ġdid — Telephone box

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7552?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li ftit metri bogħod minn fejn qed jiġi issuġġerit li titwaħħal cardphone, diġa' teżisti waħda. Fiċ-ċirkostanzi, il-Maltacom ma jidhrilhiex li għandha titwaħħal cardphone oħra f'distanza hekk qasira.
Leg 9 PQ #7737 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk intbagħtitx memo fid-dipartimenti tal-WSC sabiex tkun ippreżentata lista bl-ismijiet ta' dawk il-persuni (ħaddiema tal-WSC) li attendew għall-protesta li saret dwar l-arretrati li għandhom jieħdu l-istess ħaddiema?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-memorandum li għalih qed issir riferenza inħareġ sabiex tinġabar informazzjoni dwar l-impjegati li jaqgħu taħt il-Head Technical Operations. Dwar il-ħaddiema l-oħra li ħadu sehem fil-protesta ma kienx hemm ħtieġa li tinħareġ memorandum peress li l-Korporazzjoni kellha l-informazzjoni meħtieġa. L-informazzjoni inġabret għal skopijiet amministrattivi sabiex tkun tista' tiġi aġġustata l-paga in konnessjoni mal-protesta.

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri li jiffurmaw l-istaff kollu tal-Ministeru tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid: 1) meta dawn bdew jaħdmu hemm? 2) x'karigi jokkupaw u xi kwalifikazzjonijiet għandhom? 3) x'salarju u allowances qed jirċievu? 4) kemm minnhom qegħdin bil-kuntratt? 5) kemm minnhom huma seconded u minn fejn huma seconded? 6) min minnhom qed juża karozza tal-gvern? 7) min minnhom jagħmel użu ta' mobile phone? 8) kemm hija l-ispiża tal-kontijiet tal-mobile phones ta' kull wieħed li qed jagħmel użu mill-mobile phones minn meta beda jagħmel użu minnu xahar b'xahar? 9) min minn dawn għandu s-servizz tat-telephone b'xejn fir-residenza privata tiegħu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista tal-membri kollha tas-sergretarjat tiegħi u taż-żewġ Segretarji Parlamentari li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħi. Din il-lista turi:- i) il-kariga tagħhom ii) it-total tan-nefqa individwali bejn Settembru 1998 u Marzu fuq Mobile phones ta` dawk il-persuni li huma ntitolati għal użu ta` effettiva tal-ftehim li ffirma jew ffirmat kull wieħed jew waħda mill-membri ta` l-istaff skond il-Memorandum ~Engagement of Staff in Private Secretariats~ li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f`Novembru li għadda - liema Memorandum sarulu xi emendi li ukoll ser jitqiegħed fuq il-mejda tal-kamra fil-ġranet li ġejjin. L-uffiċjali kollha li qed jagħtu servizz fis-Segretarjati Privati qegħdin b`kuntratt. Il-kundizzjonijiet l-oħra li dwarhom qed jistaqsi l-Onorevoli Interpellant huma kollha konformi ma` dak imniżżel fil-Memorandum, inkluż il-fatt li m`hemm l-ebda persuna sekondata minn xi organizazzjoni parastatali.
Leg 9 PQ #7372 Sitting 118 1999-06-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — General Manager

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-General Manager tal-Korporazzjoni Enemalta rriżenja fl-aħħar xhur? X'kienu r-raġunijiet li wasslu għal din ir-riżenja?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nikkonferma li c-Chief Executive Officer, u mhux General Manager, tal-Korporazzjoni Enemalta irriżenja u dan minħabba raġunijiet personali.
Leg 9 PQ #7418 Sitting 118 1999-06-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Arbli tad-dawl

Question

Peress li r-residenti (li l-indirizz tagħhom qed jintbagħat separatament) jixtiequ li jressqu l-ilment tagħhom sabiex l-arbli għall-estensjoni tad-dawl ma jsirx man-naħa tagħhom u ċioe' jsir kif suppost, jista' l-Ministru jara li tiġi rimedjata s-sitwazzjoni?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-arblu msemmi li jinsab fit-triq indikata ser isir skond kif titlob is-sengħa u se jieħu post żewg arbli oħra li hemm fil-qrib tiegħu.