Jista' l-Ministru jikkunsidra li l-kunsilli lokali jibda jkollhom transcripts tal-laqgħat tal-istess kunsilli, bħalma jiġri fil-Parlament, biex min ikun irid iżomm ruħu nfurmat b'dak li jkun għaddej, ikun jista' jagħmel dan?
Response (BONNICI, OWEN)
Bi pjaċir ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarjat Parlamentari qed iħejji provedimenti biex il-Kunsilli Lokali jibda jkollhom transcripts tal-laqgħat tagħhom, tant li dalwaqt se jingħataw struzzjonijiet biex il-Kunsillieri jkollhom kopja stampata għad-dispożizzjoni tagħom waqt il-laqgħa.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-memos li ħareġ il-Ministeru, jew xi dipartiment responsabbli mill-kunsilli lokali, għal dak li jirrigwardja skemi ta' lifelong learning' matul l-2013? Liema mill-kunsilli lokali tal-Mellieħa, l-Imġarr, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, applikaw għal dawn l-iskemi? Liema kienu l-korsijiet li ġew approvati mid-Dipartiment, għal kull wieħed minn dawn l-istess kunsilli lokali? F'liema laqgħa/ laqgħat tal-kunsilli rispettivi ġew approvati l-applikazzjonijiet li kellhom jinħarġu? Kemm kien hemm persuni li bbenefikaw minn dawn il-korsijiet li nħarġu, għal kull kors separatment?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li matul l-2013, bħas-snin preċedenti, ħarħet sejħa waħda permezz ta’ Memo 9/2013. Għal din l-iskema applikaw il-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar. Il-Kunsill Lokali tal-Imġarr ma applikax.
Infurmat mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar li s’issa għadha ma saret l-ebda referenza għall-parteċipazzjoni tal-Kunsill f’din l-iskema peress li għad ma kienx hemm laqgħa tal-Kunsill bejn il-Memo msemmi u d-data tal-għeluq. Madankollu infurmat li hi prattika tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar li meta tittieħed inizjattiva li tkun ta’ suċċess u ta’ benefiċċju għar-residenti, din l-istess inizjattiva tibqa’ tittieħed minn sena għall-oħra speċjalment meta ma tkunx tirrikjedi fondi addizzjonali mill-Kunsill. Dwar dan kien hemm qbil miż-żewġ kampijiet politiċi fil-Kunsill partikolarment peress li l-Kunsillier responsabbli mill-korsijiet tifforma parti mill-partit tal-minoranza allura huwa qbil unanimu.
Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-applikazzjonijiet dwar il-korsijiet kienu diskussi u approvati fil-laqgħat tal-Kunsill li saru fit-30 ta’ April u fis-27 ta’ Mejju 2014.
Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li dawn il-korsijiet ilhom jinżammu għal diversi snin bl-approvazzjoni ta’ Kunsilli preċedenti.
Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-applikazzjonijiet riċevuti u l-applikanti.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-memos li ħareġ il-Ministeru jew xi dipartiment responsabbli mill-kunsilli lokali għal dak li jirrigwardja skemi ta' lifelong learning, matul din is-sena? Liema kunsill lokali minn fost il-kunsilli tal-Mellieħa, l-Imġarr, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, applika għal dawn l-iskemi? Liema kienu l-korsijiet li ġew approvati mid-Dipartiment, għal kull wieħed minn dawn l-istess kunsilli lokali? F'liema laqgħa/ laqgħat tal-kunsilli rispettivi, ġew approvati l-applikazzjonijiet li kellhom jinħarġu? Kemm kien hemm persuni li bbenefikaw minn dawn il-korsijiet li nħarġu, u għal liema korsijiet ġew approvati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2014, bħas-snin preċedenti ħarġet sejħa waħda permezz ta’ Memo 12/2014. il-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa, l-Imġarr, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar urew interess li jorganizzaw korsijiet. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ korsijiet li jixtiequ joffru li iżda għadhom suġġett għall-interess li juri l-pubbliku jekk isirux jew le. Is-sejħa għall-pubbliku tinħareġ mid-Dipartiment għat-Tagħlim Tul il-Ħajja f’Awwissu.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — xogħlijiet lill-kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013? Jista’ jgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — konsulenza
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-konsulenzi legali u/jew ħatriet oħra li ngħataw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u/jew lid-ditta tiegħu mill-Ministeru, dipartimenti u/jew azjendi u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-bidu tal-Leġiżlatura sal-lum? Jista’ jagħti l-ħlas abbinat, meta nħarġet is-sejħa għall-applikazzjoni (jekk kien hemm) u f’kemm minn dawn l-entitajiet hemm il-Union li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ukoll involuta bħala union rikonoxxuta?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika d-ditta li qed jirreferi għaliha fil-mistoqsija.
Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali — konsulenzi
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-konsulenzi legali u/jew ħatriet oħra li ngħataw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u/jew lid-ditta tiegħu mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, dipartimenti u/jew azjendi u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-bidu tal-Leġiżlatura sal-lum? Jista’ jagħti l-ħlas abbinat, meta nħarġet is-sejħa għall-applikazzjoni (jekk kien hemm) u f’kemm minn dawn l-entitajiet hemm il-Union li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ukoll involuta bħala union rikonoxxuta?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika d-ditta li qed jirreferi għaliha fil-mistoqsija.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk id-disinn tal-kiosk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġiex withdrawn? Għaliex ġie withdrawn? Jekk fl-affermattiv jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara meta ġie deċiż li l-ewwel permess tal-kiosk jiġi withdrawn? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara ta’ meta nbidel id-disinn tal-kiosk u jsemmi l-post fejn kien ħa jitpoġġa l-kiosk?
Response (BONNICI, OWEN)
B’refernza għall-mistoqsija parlamentari 9726, ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara li l-applikazzjoni msemmija kienet irtirata. Jidher li dan sar peress li l-gabbana l-ġdida kellha storage space akbar, u din l-istess gabbana kellha titpoġġa fil-post oriġinali.
Ninsab infurmat iżda li ma nstabet l-ebda referenza fil-minuti tal-laqgħat tal-Kunsill Lokali, la dwar dan l-irtirar tal-applikazzjoni u lanqas dwar il-bdil tad-disinn tal-gabbana u l-post fejn kienet se titpoġġa, kif talab l-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9269 u jinforma lill-Kamra dwar x’xogħlijiet saru fil-bini tal-Qorti minn Marzu 2013 sa Marzu 2014 u jista’ jindika kemm intefqu flus?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li:
L-ispiża fuq ix-xogħolijiet imsemmija kienet ta’ €1,074,625 miljun.
Il-parti l-kbira minn din l-ispiża (iktar minn €947,000) marret ghall-uffiċji ġodda għall-membri tal-ġudikatura fi Strada Stretta maġenb il-Qorti tal-Familja.
Spiża oħra sostanzjali (iktar minn €37,000) marret għal żewġ luggage X-Ray Machines, waħda għall-Qorti prinċipali u l-oħra għall-Family Court.
Ħlasijiet oħra marru fost oħrajn fuq għamara, units tal-arja kkundizzjonata u spejjeż tal-periti.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema grad u pożizzjoni ġew impjegati t-13-il impjegat ġdid li daħlu jaħdmu l-Qorti minn Marzu 2013 sa Marzu 2014 u jekk is-sejħiet kienux interni jew esterni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħiet kienu kollha sejħiet esterni. L-informazzjoni mitluba hi kif ġej:
Impjegat 1 : Junior Legal Officer
Impjegat 1 : Tradesman
6 Impjegati: Clerk
Impjegat 1 : Judicial Assistant
3 Impjegati : Casual Clerk
Impjegat 1 : Messenger Duties
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kawża kontra l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid fuq xiex inhi din il-kawża? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ xhieda ta’ din il-kawża? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-elenku tad-dokumenti li tpoġġew il-Qorti mill-kumpanija indikata separatament?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara għandu rikors fil-konfront tiegħu mill-kumpanija msemmija. Dan ir-rikors jitratta l-kiosk fi Ġnien l-Istazzjon f’Birkirkara. Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti mitluba.
Estradizzjoni – talbiet mill-Istati Uniti tal-Amerika
Question
Jista’ l-Ministru jelenka t-talbiet li saru mill-Istati Uniti tal-Amerika għall-estradizzjoni minn persuni arrestati f’Malta fl-aħħar ħames snin u għal liema reati saret tali talba? Min kienu l-persuni kkonċernati?
Response (BONNICI, OWEN)
L-Informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija din:
2009:
Talba għall-estradizzjoni - Pollution, false information to public authority
Talba għall-estradizzjoni - Pollution, false information to public authority
Talba għall-estradizzjoni – Fraud
2013:
Talba għall-estradizzjoni - Child Pornography
Jista’ l-Ministru jelenka kemm u min kienu dawk li ġew estraditi minn Malta lejn pajjiżi terzi fl-aħħar ħames snin? Għal liema reati ġew estraditi u lejn liema pajjiżi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas li talab il-Kunsill Lokali tal-Birgu biex seta’ jiġi armat scaffolding mal-faċċata tal-Knisja u l-Kunvent tas-Sorijiet tal-Klawsura ta’ Santa Skolastika fil-Birgu, liema scaffolding intuża biex isir restawr tal-faċċata ta’ dan il-kunvent u knisja storika?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Birgu li l-ħlas mitlub kien kif stipulat mill-liġi, jiġifieri ta’ €2.33 għal kull metru kwadru għal kull ġurnata li jdum armat l-iscaffolding.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħadu għajnuna finanzjarja marbuta mal-iskema tal-attivitajiet kulturali l-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa, ta’ San Pawl il-Baħar u tan-Naxxar sena b'sena bejn l-2009 u l-2014? Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawn l-attivitajiet u jinkludi wkoll dawk li se jsiru matul is-sena 2014 fl-istess kunsilli?
Response (BONNICI, OWEN)
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8919, qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-attivitajiet sportivi li se jiġu organizzati mill-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u Naxxar li se jkunu qed jibbenefikaw mill-iskema li l-Gvern nieda b'rabta mal-isport għal matul is-sena 2014? Jista' jgħid jekk l-istess tliet kunsilli bbenefikawx minn skema simili matul is-sena 2013? Jekk iva, liema kienu l-attivitajiet sportivi li ġew organizzati?
Response (BONNICI, OWEN)
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8920, ninsab infurmat li l-Iskema għall-Attivitajiet Sportivi 2014/2015 u li l-attivitajiet koperti minnha jibdew minn Ottubru 2014 qed tkun diskussa u tinsab fil-proċess li tinħareġ. Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bil-bqija tal-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jelenka kemm u min kienu l-Maltin li ġew estraditi lejn pajjiżi terzi fl-aħħar ħames snin? Għal liema reati ġew estraditi u lejn liema pajjiżi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni hija kif ġej:
Sena 2008: 0
Fis - Sena 2009: Persuna 1 – Fuq Drug trafficking - Olanda
Sena 2010: 0
Sena 2011: 0
Sena 2012: 0
Fis- Sena 2013: Persuni 2 - Persuna fuq Drug trafficking - Spanja
- Persuna fuq smuggling and criminal organization - Italja
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — xogħlijiet lill-kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bejn l-2004 u Marzu 2013? Jista’ jgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order jew tender u kemm kienet l-ispiża għal kull każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħata l-ebda xogħol lill-Kumpanija msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġi assigurat li l-emendi għall-minuti li jkunu meħtieġa fil-laqgħat tal-kunsilli lokali, fil-fatt qed jiġu riprodotti kif suppost? Jista' jara li s-segretarji eżekuttivi fil-fatt jirriproduċu dawn l-istess emendi kif suppost?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li L-Att dwar il-Kunsilli Lokali (KAP 363) f’dan ir-rigward hija ċara mingħajr ma tħalli ebda interpretazzjoni.
Meta l-minuti jiġu kkoreġuti permezz ta’ mozzjoni, dawn il-korrezzjonijiet isiru dak il-ħin u inizjalati mis-Sindku u s-Segretarju Ezekuttiv. Il-Membri tal-Kunsill, qabel dawn il-minuti jiġu approvati, għandhom kull dritt li jivverifikaw li l-emendi fil-fatt saru skont kif proposti u approvati. Dawn id-dokumenti, wara li jiġu approvati mill-Kunsill, isiru l-Minuti uffiċjali tal-Kunsill u ħadd ma jkun jista’ jbiddilhom.
Bil-kelma ‘jirriproduċi’ qed nifhem illi l-Onor Interpellant qed ifisser għal meta is-Segretarju Ezekuttiv jiddieċiedi li jagħmel ripproduzzjoni tagħhom b’forma diġitali sabiex ikunu aktar puliti u ċari. F’dan il-kaz, kull Membru tal-Kunsill ikun jista’ jqabbel dan l-istess dokument diġitali mal-minuti oriġinali u jekk isib zball ikun jista’ jitlob għall-korrezzjoni sabiex jirriflettu ezatt il-minuti oriġinali hekk kif ġew approvati.
Ta min jgħid ukoll illi jekk isiru xi allegazzjonijiet dwar ksur ta’ dawn il-provvedimenti, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ikun jista’ jistħarriġhom billi jara il-minuti kif oriġinalment emendati u approvati mill-Kunsill. Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-estratti relevanti tal-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap 363)
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti mill-Kunsilli fit- tnax-il distrett li jista' jkollhom finanzjament mill-Unjoni Ewropeja, u li qed jistennew li jingħataw il-permessi mill-MEPA? Jista’ jgħid liema proġetti fl-istess distrett, qed jiġu mwettqa bħalissa wara li ġabu l-finanzjament neċessarju, ukoll mill-UE?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, t-tabella li turi il-proġetti li qed jiġu mwettqa mill-Kunsilli Lokali tat-tnax –il distrett u li għandhom finanzjament mill-Unjoni Ewropea. L-Ebda wieħed minn dawn il-proġetti m’huwa pendenti quddiem il-MEPA.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Kavetta - rapporti ta' ħsarat fit-triq
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm rapporti ta' ħsarat fit-triq, fi Triq il-Kavetta San Pawl il-Baħar, lill-kunsill lokali? Kemm-il darba kien hemm rapporti ta' ħsarat, x'sar wara dawn ir-rapporti, u kif se jiġu kkumpensati dawk li saritilhom ħsara fil-vetturi tagħhom, minħabba dawn l-istess ħsarat? Kif se jiġi assigurat li dawn il-ħsarat jissewwew b'mod permanenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar ma kellu ebda rapporti ta’ ħsarat fi Triq il-Kavetta, San Pawl il-Baħar.