Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rimi ta' skart

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni/kumpanniji li l-pulizija ressqet il-qorti fuq rimi ta' skart f'żoni rurali u fil-madwar tal-pajsaġġ tal-gzejjer ta' Malta u Għawdex separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena l-pulizija bdiet proċeduri quddiem il-Qorti kontra ħmistax-il persuna fuq rimi ta' skart, li seba' minnhom huma f'Għawdex.

Kollizjonijiet tat-traffiku

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kolliżjonijiet tat-traffiku reġistrati f'Malta u Għawdex separatament fl-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, il-Pulizija investigat 2,357 inċident tat-traffiku f'Malta u 85 f'Għawdex. Infurmat ukoll illi fl-istess perijodu n-numru ta' kolliżjonijiet tat-traffiku irrapurtati lill-Gwardjani Lokali kien ta' 7,351 f'Malta u 258 f'Għawdex.

Abbużi sesswali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' abbużi sesswali fuq minuri f'Malta u Għawdex separatament fl-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena il-Pulizija kellha 16 ir-rapport dwar abbuż sesswali fuq persuni ta' taħt it-18-il sena.

Vjolenza fuq l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' vjolenza fuq l-anzjani f'Malta u Għawdex separatament fl-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, kien hemm 10 każijiet ta' offiża gravi fuq anzjan ċioe' persuna 'il fuq minn 60 sena.

Tigne — Foreshore

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux se jitħalla foreshore aċċessibbli għan-nies mad-dawra tal-kosta ta' Tigne fejn tiela' l-proġett tal-Midi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-foreshore sa wiesgħa ta' ħames metri kien ġie appożitament eskluż mill-art tal-proġett MIDI sabiex jitħalla aċċess għall-pubbliku mad-dawra tal-kosta.

Investigaturi privati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru regolamenti u standards xierqa u taħriġ serju addattat b'formazzjoni professjonali fil-qasam ta' l-investigaturi privati? Kemm hawn persuni liċenzjati li jagħmlu dan ix-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 15-il aġenzija privati li huma liċenzjati sabiex jipprovdu servizzi ta' investigazzjoni privata skond l-Att dwar Gwardjani Privati u Lokali (Cap 389).

Overspeeding — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet għal overspeeding permezz tad-diversi speed cameras matul dawn l-aħħar 12-il xahar, kull speed camera u kull xahar separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' ċitazzjonijiet li saru f'kull lokalita' permezz ta' l-ispeed camers tul dawn l-aħħar tnax-il xahar hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Xorb Alkoħoliku

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-mużuri dwar li żgħażagħ taħt is-16-il sena ma jistax jixtru jew jingħataw xorb alkoħoliku daħlux in vigore? Jekk iva, meta? Jekk le, għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Avviż Legali 162 ta' l-2007 li stabbilixxa l-1 ta' Lulju 2007 bħala d-data meta għandu jidħol fis-seħħ dan l-Att.

Party lejliet l-Ewwel tas-Sena

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tlestiex ir-rapport tal-kumitat li twaqqaf wara it-traġedja tal-mara żagħżugħa li waqgħet wara party ta' lejliet l-Ewwel tas-Sena ta' sentejn ilu biex jiġu emendati jew rranġati l-liġijiet dwar id-divertiment?

Response (BORG, TONIO)

M'għandi xejn x'inżid mat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 24010.

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk dawk il-membri tal-Korp li jitkellmu sew b'lingwa barranija hux qed jingħataw xi inċentivi? Isiru korsijiet għat-tagħlim ta' lingwi barranin għall-puliżija speċjalment dawk li fid-doveri tagħhom ikollhom x'jaqsmu mat-turisti? Kemm fil-fatt hemm membri tal-korp li jitkellmu b'lingwa barranija? Jista' jindika liema lingwa jitkellmu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija minn żmien għal żmien kien joffri taħriġ f'lingwi barranin, lil dawk il-membri tal-Korp li jkollhom ix-xewqa li jitgħallmu lingwa barranija fuq bażi volontarja. Pero' minħabba nuqqas ta' konkorrenza dan it-taħriġ ma baqax ikun organizzat mill-Korp, għalkemm kull membru tal-Korp jista' jitlob sabiex jattendi korsijiet f'lingwi barranin organizzati mill-iStaff Development Organization fl-uffiċju tal-Prim Ministru. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm 905 membru tal-Korp li jafu lingwa barranija, fosthom Taljan, Franċiż, Għarbi, Ġermaniż u Spanjol.

Bord ta' l-isplussivi — Ħatriet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il membru se jispiċċa mill-Bord ta' l-Isplussivi? Kif isiru l-ħatriet biex jiġu appuntati l-membri fuq dan il-bord?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi hemm membru wieħed li ser jispiċċa minn membru fuq il-Bord ta' l-Isplussivi għax ser jirtira mis-Servizz. Fil-fatt diġa' ġie nominat is-sostitut tiegħu. Il-ħatriet fuq dan il-bord isiru mill-President ta' Malta fuq parir tal-Ministru responsabbli mill-Pulizija.

Testijiet tan-nifs fuq is-sewwieqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru matul is-sena li għaddiet u fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena, separatament, testijiet tan-nifs fuq sewwieqa ta' vetturi? Kemm minn dawn it-testijiet saru wara li s-sewwieq konċernat kien involut f'xi aċċident tat-traffiku? Kemm mit-testijiet li saru rriżultaw pożittiv u kemm kien hemm sewwieqa li rrifjutaw li jagħmlu t-test? X'jiġri f'każi fejn sewwieq jirrifjuta li jagħmel it-test u allura l-pulizija ma jistax ikollha provi? Kemm persuni tressqu l-qorti akkużati li kienu qed isuqu vetturi b'livell alkoħoliku li jaqbeż il-limitu stabbilit skond il-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Il-Pulizija żżomm biss statistika dwar testijiet li jirriżultaw pożittivi. Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006 kien hemm 133 sewwieq/a, li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv. 127 minnhom kienu nvoluti f'inċident tat-traffiku. Minn dawn kollha 88 kellhom riżultat pożittiv, filwaqt li 39 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. Ninsab infurmat ukoll illi matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena kien hemm 64 sewwieq/a, li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv. 16 minnhom kienu nvoluti f'inċident tat-traffiku. Minn dawn kollha 44 kellhom riżultat pożittiv, filwaqt li 20 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. Persuna li tirrifjuta jew tonqos milli tagħti kampjun tan-nifs, tkun ħatja ta' reat, skond kif maħsub fl-artikolu 15E(4) tar-Regolamenti tat-Traffiku (Kap. 65). F'kull każ fejn kien hemm riżultat pożittiv, jew it-test kien rifjutat jew mhux komplut, ittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti skond il-liġi.

Van tal-ħaxix

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26926 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni u li issa ġie riferuta lilu, u jindaga għalfejn il-vann tal-ħaxix, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, qiegħed jitkeċċa mill-pulizija meta qiegħed xi 800 pied 'l bogħod minn ħwienet oħra?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar dettalji tal-persuna u l-post minn fejn allegatament qed ikun imkeċċi dan il-bejjiegħ, sabiex inkun f'pożizzjoni li nitlob it-tagħrif meħtieġ.

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' membri tal-korp tal-pulizija li fl-ewwel sitt xhur tas-sena weġġgħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena kien hemm 30 membru tal-Korp tal-Pulizija li weġgħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom.

Persuni li tressqu l-qorti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-nurmu ta' persuni/kumpanniji li l-pulizija ressqet fil-Qorti ta' Malta u Għawdex matul l-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena l-Pulizija ressqet 896 persuna quddiem il-Qorti fuq akkużi li l-piena tagħhom taqbeż is-sitt xhur priġunerija.

Żwiġijiet/Separazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kellna żwiġijiet u kemm kellna separazzjonijiet fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005 u 2006?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' żwiġijiet fis-snin indikati fil-Mistoqsija hu kif ġej:- Sena Malta Għawdex 2000 2,164 173 2001 2,017 136 2002 2,077 172 2003 2,169 181 2004 2,176 193 2005 2,188 158 2006 2,285 184 Dwar in-numru ta' separazzjonijiet, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 26336.

IT tenders

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26671 jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb fir-rigward ta' l-IT tenders kollha marbutin mal-arranġamenti dwar Schengen? Min kienu l-adjudication committee membersu l-core evaluation committee members f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Is-sistema ta’ IT magħrufa bħala SISoneforall ġiet mogħtija lill-pajjiżi kollha li qed jaspiraw li jidħlu fix-Schengen fit-tkabbir li jmiss mill-Gvern Portugiż. Is-sistema l-oħra li eventwalment ser tintuża għas-SIS II ingħatat mill-awtoritajiet Taljani li preżentement qed jgħinu lill-Pulizija Maltija fi proġett ta’ kooperazzjoni ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea. Sistema oħra magħrufa bħala National Stop List qed tiġi żviluppata internament mill-MITTS waqt li ċertu tibdil fis-sistema Personal Identification Secure Comparison and Evaluation System (PISCES) qed isir bħala għajnuna mill-awtoritajiet Amerikani. F'dawn iċ-ċirkostanzi ma kienx hemm bżonn li jinħareġ tender u għalhekk l-ebda adjudication committee ma ġie maħtur.

Ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tinħareġ iċ-ċittadinanza Maltija lil persuna Bulgara li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha miżżewġa Malti mis-sena 2000? Jista' jitmexxa dan il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għadha qed tiġi pproċessata. Malli tittieħed deċiżjoni dwar dan il-każ il-persuna konċernata tiġi mgħarrfa biha minnufih.