Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni b'diżabilita' — Supported living

Question

Xi programm qed jingħata lil persuni b'diżabilita' li qegħdin fl-inizjattiva tas-supported living? Kemm hemm persuni b'diżabilita' fis-supported living? Kemm hemm staff li jagħtu l-appoġġ lill-persuni b'diżabilita'? X'taħriġ u / jew kwalifiki għandu s-supporting staff?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-programm tal-persuni b’diżabilita’ hu bbażat fuq Person Centred Planning, fejn il-persuna, flimkien ma’ oħrajn sinifikanti f’ħajjitha, tiġi mgħejjuna tfassal dak li tixtieq tikseb f’ħajjitha u l-mod kif tilħaq dawn l-għanijiet. Il-programm jista’ jinkludi opportunitajiet ta’ xogħol jew servizzi ta’ matul il-jum, taħriġ f’daily living skills u xogħol fid-dar, parteċipazzjoni f’attivitajiet li l-persuna tkun tixtieq tieħu sehem fihom, eċċ. Ninsab infurmat li l-Aġenzija Sapport bħalissa tipprovdi servizz residenzjali lil 25 persuna b’diżabilita’ kif ukoll numru ieħor li qiegħdin fi stadju ta’ tranżizzjoni. L-Aġenzija tagħti wkoll servizz ta’ sapport lil numru ta’ persuni b’diżabilita’ li jgħixu fil-komunita’ inkluż servizz ta’ social work. L-Aġenzija għandha 28 Support Worker full-time u 17 part-time li jaħdmu fis-servizz residenzjali u 3 Support Workers full-time u 10 part-time li jipprovdu servizz fil-komunita’. Barra dawn hemm numru ta’ Supervisors u Professional Support Workers li jgħinu fit-tfassil ta’ programmi, tmexxija tar-residenzi u taħriġ ta’ l-impjegati. Is-Support Workers għandhom ‘O’ level standard fil-Malti u fl-Ingliż jew mill-anqas sena esperjenza fil-qasam tad-diżabilita’ jew ikunu attendew għall-kors ta’ Support Worker mogħti mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ. Il-Professional Support Workers għandhom kwalifiki ta’ livell terzjarju fil-psikoloġija, nursing jew suġġetti oħra relatati mal-qasam. L-impjegati jiġu mogħtija taħriġ dwar Crisis Prevention Intervention biex jippreparhom jaħdmu ma’ persuni b’challenging behaviour, taħriġ dwar proċeduri u policies ta’ l-Aġenzija u taħriġ ieħor skond il-bżonn.

Birgu — AĊĊESS - sigurta' tal-bini

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min hu nkarigat mis-sigurta' tal-bini "AĊĊESS", fil-Birgu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li s-sigurta’ tal-post indikat mill-Onor. Interpellant hi vdata f’watchmen impjegati mal-Gvern u fin-nuqqas tagħhom, minħabba leave jew sick leave jitqabbdu security officers ta’ kumpanniji privati.

Isla — Fond li huwa in possession of use

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-fond - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - huwiex milqut bil-liġi in possession of use? Jekk fl-affermattiv, jista' jinxtara? X'inhi l-proċedura biex jinxtrara dan il-fond?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn wasal il-każ - id-dettalji in konnessjoni miegħu qed jintbagħtu separatament - quddiem id-dipartiemnt ta' l-akkomodazzjoni soċjali? X'rimedju qed joffri d-dipartiment lill-applikant? X'tama hemm li fil-futur jiġu allokati post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili

Dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali — Talba għal post tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn wasal il-każ - id-dettalji qed jintbagħtu separatament - fi ħdan id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali? X'rimedju qed joffri d-dipartiment lil din il-familja li għandhom tifel b'diżabilita'? X'tama hemm li jieħdu post tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.

Dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn wasal il-każ bin-numru H 18213 fi ħdan id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali? X'rimedju qed joffri d-dipartiment lill-din l-applikanta li hi single mother? X'tama hemm li tieħu post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.

Dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali — Talba għal post tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn wasal il-każ - id-dettalji qed jintbagħtu separatament - quddiem id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali? X'rimedju qed joffri d-dipartiment lill-applikant? X'tama hemm li fil-futur jiġu allokati post tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.

Disapility allowance

Question

Ma jidirlhux il-Viċi Prim Ministru li hija inġustizzja soċjali li id-disability allowance titpoġġa għall-means testing bħall fil-każ taċ-childrens' allowance bħall ma jidher li ġara fil-każ ta' tifel ta' 15-il sena li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament b'diżabilita' permanenti li minħabba f'żieda marġinali fid-dħul ta' missieru inqatgħetilhom id-disability allowance minn tlett xhur l'hawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma jirriżultalix li twaqqfet l-Allowance għad-Diżabilita’ lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant. Infatti ninsab infurmat li l-persuna ndikata għadha tirċievi din l-allowance. Irrid ngħid ukoll li fil-fatt it-test tal-meżżi għall-Allowance għad-Diżabilita’ hu differenti u aktar vantaġġjuż għall-applikant minn dak li jsir fil-każ ta’ Allowance tat-Tfal u għalhekk m’hemm ebda inġustizzja soċjali. Waqt li fil-każ ta’ Allowance tat-Tfal id-dħul massimu tal-familja ma jridx jaqbeż Lm10,270 fil-każ ta’ l-Allowance għad-Diżabilita’ d-dħul ma jridx jaqbeż Lm13,270. Fil-kalkolazzjoni tad-dħul mill-impieg tal-ġenituri, fil-każ ta’ l-Allowance għad-Diżabilita’ jiġi kkunsidrat id-dħul mill-impieg ta’ ġenitur wieħed biss, dak l-aktar għoli, u mhux id-dħul miż-żewġ impiegi bħal ma jiġri fil-każ ta’ l-Allowance tat-Tfal.

Methadone Maintenance Programme — Pazjenti

Question

Nagħmel referenza għall-mistoqsija numru 1113, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' persuni fuq il-Methadone Maintenance Programme u kemm ilhom fuq dan il-programm? Hemm ċittadini barranin fosthom? X'isir biex dawk li ilhom ħafna fuq dan il-programm jitneħħew għax ma jkollomx aktar bżonnu għax ikunu fiequ? Kemm intefaq fuq methadone fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Methadone Maintenance Programme hu mifrux fuq madwar sentejn u l-535 persuna li qed isegwu dan il-programm huma f’diversi fażijiet tiegħu. Ninsab infurmat ukoll li t-Tweġiba għat-Tieni Parti tal-Mistoqsija hi fl-affermattiv. Kif diġa’ ndikajt qabel, dan il-programm jieħu fit-tul u d-doża titnaqqas ftit ftit skond il-parir mediku. Meta persuna eventwalment tieqaf tieħu l-methadone, tagħmel trattament tan-Naltrexone jew tkompli tattendi sezzjonijiet ta’ counselling. Ninsab infurmat li l-Methadone jinxtara mid-Dipartiment tas-Saħħa.

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Każ dwar drittijiet tar-relief

Question

B'riferenza għad-deċiżjoni ta' l-Arbitru nru. 169/02 (numru tal-file ta' l-Arbitru 658/01, nru. tal-file DSS 85/02) u għas-sentenza tat-12 ta' Mejju, 2003 fl-appell tad-deċiżjoni ta' l-Arbitru, liema appell ġie determinat favur il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega għaliex l-imsemmija persuna għadha ma ġietx ri-integrata fid-drittijiet tagħha tar-relief? Hi x'inhi r-raġuni, jista' jara li l-imsemmija persuna tiġi ri-integrata fid-drittijiet tagħha immedjatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.

Bini ta' postijiet tal-Gvern ġodda

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid xi proġetti għandu il-Gvern bħala kostruzzjoni ta' bini ġdid f'Bormla, l-Isla, Birgu, Fgura, Kalkara, Xgħajra, Żabbar, Msida, B'Kara, Valletta, Floriana u Pembroke? Kemm hemm units f'kull proġett? Kemm se jiswa kull proġett?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Ex-ħaddiema tal-Mid-Med Bank — Aġġustament fil-pensjoni

Question

Jista' il-viċi Prim Ministru jgħid għaliex baqa' ma sarx l-aġġustament fil-pensjoni ta' l-ex-ħaddiema tal-Mid-Med Bank wara li l-collective agreement sar madwar sentejn ilu? Billi hemm previst li dawn l-ex-ħaddiema jieħdu persentaġġ fil-pensjoni tagħhom kull meta jsir aġġustament tal-pagi tal-ħaddiema tal-Mid-Med Bank (illum HSBC), għaliex minkejja li għaddew kważi sentejn dan l-aġġustament fil-pensjoni baqa' ma sarx? F'każ li kien hemm problema, ma jaħsibx li f'sentejn kellha tissolva? Meta bejn wieħed u ieħor dawn l-ex ħaddiema se jibdew jirċievu l-pensjoni aġġustata? Se jirċievu arretrati taż-żmien li ntilef?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali jipprovdi li kull sena l-pensjoni mħallsa taħt dan l-Att tiġi riveduta, fost ħwejjeġ oħra, skond is-salarju kurrenti tal-post li l-pensjonant kien jokkupa. Fil-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant, dan l-eżerċizzju tlesta u rriżulta li hi dovuta ż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali ħa l-passi biex din iż-żieda titħallas lil dawn il-pensjonanti.

Dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali — Applikazzjoni għal tibdil ta' postijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu applikanti d-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali li għandhom applikazzjoni għal tibdil ma' post ieħor tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 462 applikazzjoni ta’ nies li tiġa joqgħodu f’post tal-Gvern u jridu akkomodazzjoni alternattiva.

Djar tal-gvern — Tibdil ta' fondi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-proċedura għal dawk l-inkwilini tal-postijiet tal-gvern biex ibiddlu l-fond tagħhom ma' post ieħor tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proċedura biex inkwilin f’post tal-Gvern ibiddel il-fond li jgħix fiħ ma’ post abitat ieħor tal-Gvern hi li ż-żewġ inkwilini jmorru flimkien jimlew applikazzjoni fit-Taqsima tal-Customer Care tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Tnaqqis mil-pensjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex qegħdin jitnqassu Lm30 fix-xahar mil-pensjoni ta' l-armla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament,meta din dejjem kienet tieħu l-għajnuna soċjali bi dritt u meta din ilha armla aktar minn 13 il-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.

Impjiegi — Inċidenti fuq il-post tax-xogħol

Question

Wara l-mewġiet ta' inċidenti fatali u serji li kellna dan l-aħħar fuq il-lantijiet tax-xogħol tal-bini, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi konkreti qed jittieħdu biex jissaħħaħ il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1899 f’Seduta Numru 42.

Akkomodazzjoni soċjali — Ħsarat kawżati mill-maltemp fl-istrutturi tal-bini

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet li riċeva d-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali dwar ħsarat kawżati fl-istrutturi tal-bini ta' ċittadini Maltin residenti f'Malta u Għawdex separatament kawża ta' l-aħħar maltemp li ħakem lill-gżejjer tagħna matul Settembru ta' din is-sena? X'passi ttieħdu u x'inhi s-sitwazzjoni llum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li kien hemm tmien persuni li marru d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jirrappurtaw ħsarat konnessi mal-maltemp tal-15 ta’ Settembru 2003. Tnejn minnhom diġa’ kellhom applikazzjoni mad-Dipartiment u l-ilma li daħlilhom ma kkawżax ħsarat strutturali. F’żewġ każijiet oħra infetħu applikazzjonijiet ġodda u f’każ minn dawn it-tnejn il-ħsara kienet ta’ periklu serju u l-familja nvoluta ngħatat akkomodazzjoni alternattiva. Fl-erba każijiet l-oħra, minkejja li marru d-Dipartiment, il-persuni konċernati ma applikawx u ma reġgħux avviċinaw lid-Dipartiment.