B'riferenza għall-każ ta' l-istudenta li, id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li qed tistudja fl-Institute for Tourism Studies, ma jidhirlux li skond 5.6 dwar Attendance and Absence Reporting id-Direttur jista' jeżentaha għax iqis exceptional case, il-fatt li hi jkollha tassenti ruħha biex toqgħod għall-eżamijiet li jservuha għall-edukazzjoni u l-karriera tagħha fit-turiżmu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Naħseb li l-Onor. Interpellant diġa' jaf li l-istudenta in kwistjoni kienet resqet l-ilment tagħha lili. Wara li stħarriġt il-każ u ksibt l-informazzjoni meħtieġa tajtha tweġiba bil-miktub fejn għidtilha li kont tal-fehma li d-deċiżjoni meħuda mill-Awtoritajiet tal-'I.T.S.' kienet skond ir-regolamenti.
Ma jidhirlix li din hi kwistjoni ta' opinjoni iżda waħda fejn student irid joqgħod għar-regolamenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu mis-7 ta' Mejju 1987 sal-25 ta' Ottubru, 1996?
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' mpjieg ingħataw dawn il-ħaddiema?
Response (REFALO, MICHAEL)
Bħal ma kelli l-okkażżjoni nirrispondi f'dan it-tip ta' mistoqsijiet, sakemm ma tingħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara' l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'safar bejn l-1987 u l-1996 mill-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Bħal ma kelli okkażżjoni nirrispondi f'dan it-tip ta' mistoqsijiet, sakemm ma tingħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara' l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw il-persuni li ġew impjegati, seconded u appuntati f'xi kariga ma' l-Awtorita' tat-Turiżmu? Jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawk seconded ġew seconded ma' l-awtorita'? Min huma u minn liema lokalita' ġejjin? Jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex saret l-għażla ta' dawk li ġew impjegati ma'l-awtorita'? Min huma, minn liema lokalita' ġejjin? Jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex saret l-għażla tal-persuni li ġew appuntati f'xi kariga ma' l-awtorita'? Jista' l-Ministru jgħid min huma u minn liema lokalita' ġejjin?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li l-Awtorita' tat-Turiżmu li ġiet imwaqqfa fl-1 ta' Settembru 1999, impjegat lill-ħaddiema kollha li kienu jiffurmaw parti mill-Organizzazzjoni Nazzjonali tat-Turiżmu.
Minbarra dawn l-impjegati u numru ta' 'appointments' interni, mill-1 ta' Settembru 'l hawn ġie impjegat uffiċċjal ġdid minn barra. Dan huwa s-Sur John Muscat Drago minn Santa Luċija, li ġie appuntat 'Director - Human Resources & Support Services' fi Frar 2000. Ma kien hemm l-ebda impjegati li ġew sekondati ma' l-Awtorita' tat-Turiżmu.
Il-kriterju li tuża' l-Awtorita' fl-għażla ta' impjegati ġodda huwa li tattira' impjegati bi kwalifiki u esperjenza konformi mal-pożizzjonijiet offruti.
Dipartiment tat-Turiżmu — MPO71/99 - Applikazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk l-applikanti li applikaw biex joqogħdu għall-eżami għal post of senior operative/plasterer and painter fid-dipartiment tat-turiżmu MPO No71/99 li sar f'Novembru? Kemm minnhom għaddew mill-eżami? X'marki ġabu kull applikant? Min kienu, isem kunjom u ID ta' dawk li għaddew?
Response (REFALO, MICHAEL)
Għall-eżami ta' 'Senior Operative/Plasterer' kienu applikaw 18 il-persuna, minn dawn erbgħa (4) ma kienux ġew għat-'Trade Test'. Wara kuntatt mad-Dipartimenti fejn jaħdmu ġie konfermat li dawn ma kienux iktar interessati fil-pożizzjoni.
Il-kandidati li għaddew mill-ewwel parti kienu erbatax (14). Dawn ġew infurmati personalment u mogħtija d-data biex jattendu għall-intervista. Minn dawn persuna waħda m'attendiex għall-intervista. Il-Bord baqa' jistenna lil din il-persuna 30 minuta wara li ntemmu l-intervisti.
Minn dan l-eżami għaddew tnax (12) il-persuna. Il-marki li dawn ġabu u l-ordni tal-mertu kienu ppubblikati kemm fl-Uffiċċju tal-'PSC' kif ukoll fin-'Notice Board' tad-Dipartiment tat-Turiżmu. Din il-pubblikazzjoni ġiet pubblikata fil-gazzetta tal-Gvern kif jitolbu r-regolamenti tal-'PSC'.
Jista' l-Ministru jgħid kif jispjega l-fatt li, filwaqt li t-turiżmu mill-Ingilterra lejn Malta kompla nieżel, dak mill-Ingilterra lejn Ċipru qed jiżdied?
Response (REFALO, MICHAEL)
Kif żgur jaf l-Onor. Interpellant f'dawn l-aħħar snin l-operaturi kbar Ingliżi qed jikkonċentraw in-negozju tagħhom l-aktar f'dawk id-destinazzjonijiet turistiċi li jifilħu jospitaw volum kbir ta' turisti. Minħabba ċ-ċokon ta' pajjiżna u ta' settur ta' akkommodazzjoni relativament żgħir fil-pjani ta' dawk l-operaturi Malta tiffigura bħala destinazzjoni sekondarja filwaqt li hi mfittxija iżjed minn operaturi iżgħar u dawk speċjalizzati.
Infurmat li ż-żieda ta' turiżmu miksuba minn Ċipru fis-suq Ingliż hi riżultat ta' tlett fatturi: żieda qawwija fin-numru ta' sodod f'lukandi ta' Tlieta u Erba' Stilel, l-introduzzjoni ta' titjiriet 'charter' minn kumpaniji mhux Ċiprijotti wara li l-kumpanija Cyprus Airways irtirat l-oġġezzjoni tagħha għal dawn it-titjiriet, u l-introduzzjoni ta' inċentivi fiskali favur l-operaturi Ingliżi.
Ta' min isemmi wkoll li l-prezz ta' btala lejn Ċipru joħroġ aktar kompetittiv sew għaliex il-lira Maltija hi aktar b'saħħitha minn dik Ċiprijotta kif ukoll għaliex il-'fixed costs' tal-lukandiera Ċiprijotti huma inqas sew minn dawk li jridu jħallsu l-lukandiera Maltin.
Meta ma' dawn il-fatturi żżid ukoll li s-CTO tgawdi minn fondi kbar għall-pubbliċita' u reklamar l-Onor Interpellant jifhem l-iżvantaġġ ta' l-industrija Maltija fil-konfront ta' dik Ċiprijotta għal dak li jirrigwarda l-penetrazzjoni tas-suq Ingliż.
Minħabba li n-national programme for the adoption of the acquis jgħid li wieħed għad irid jara kemm l-iskema tat-TOSS hija kompatibbli ma' l-acquis, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern f'dan ir-rigward?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li seta' kien hemm dubji jekk l-iskema tat-TOSS hijiex kompatibbli mal-NPAA ġiet varata skema ġdida, li d-dettalji tagħha tħabbru minni fil-25 ta' April 2000, li żgur hi kompatibbli mal-NPAA.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'riċevimenti mill-Ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu bejn l-1987 u l-1996 sena b'sena?
Response (REFALO, MICHAEL)
Diġa' kelli okkażjoni nwieġeb mistoqsijiet bħal din. Nerġa' nirrepeti li sakemm ma tingħatax raġuni serja għaliex qed tintalab din l-informazzjoni ma narax skop għax għandi naħli l-ħin tal-ħaddiema fis-Servizz Pubbliku fi ġbir ta' tagħrif li jinvolvi tfittxija fuq raġġ ta' disa' snin.
Infurmat li r-rapporti ta' l-Awditur għall-istess snin ma jqajjmux mistoqsijiet u l-anqas jikkummentaw dwar dan l-aspett tan-nefqa tal-Gvern.
B'riferenza għar-rapporti li tour operators Torok li l-ministeru tat-turiżmu mhux jagħti kas tagħhom sabiex jiżviluppa dan is-suq f'pajjiżna, jista' jinfurmani bil-pożizzjoni tal-Ministeru f'dan ir-rigward? Jista' l-Ministru jgħid x'sar dwar l-iżvilupp ta' l-agri-turiżmu fil-gżejjer tagħna matul dawn l-aħħar 20 xahar?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nixtieq nassigura' lill-Onorevoli Membru li kemm il-Ministeru tat-Turiżmu, kif ukoll l-'M.T.A.', iħossu li hemm potenzjal għall-industrija tat-turiżmu Maltija fit-Turkija u qegħdin nieħdu ħsieb l-operaturi Torok - bħall-operaturi kollha - dejjem skond mezzi li jkunu għad-dispożizzjoni ta' l-Awtorita'.
L-'M.T.A.' tmexxi pjan ta' promozzjoni, li jinkludi parteċipazzjoni fil-fieri tat-turiżmu f'Istanbul u żjarat minn ġurnalisti. Fl-1999 in-numru ta' turisti Torok kiber u llum jisboq il-5000.
Diġa' għidt f'din il-kamra li kull ma sibt dwar l-hekk imsejjaħ pjan għall-iżvilupp ta' l-agri-turiżmu hu xi pjan li suppost li kien hemm bejn l-Onor. Interpellant u l-predeċessur tiegħi, allura Ministri, kien biss kliem rapportat f'xi diskors.
Fil-fehma tiegħi l-potenzjal għall-agri-turiżmu hu żgħir ħafna u filwaqt li ma nonqosx nara' kif ngħin lil min jixtieq jiżviluppa s-settur, nemmen li aħjar nikkonċentraw fuq niċeċ akbar.
Jista' l-Ministru jgħid min għandu aċċess u permess li jsuq u juża l-karozzi uffiċjali tal-ministeru?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nirreferi l-Onor. Membru għad-dokument 'Engagement of Staff for Private Secretariats' li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 124 fis-16 ta' Ġunju 1999.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn kienx hemm xi karozzi mikrija lill-Ministeru jew xi entita'oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, jew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, jew proprjeta' tal-ministeru jew ta' xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, li qed jintużaw minn individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegati mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid: (1) minn min qed jintużaw; (2) minn meta bdew jintużaw; (3) x'marka huma l-karozzi u meta nxtraw; (4) kemm swew fi flus Maltin; (5) xi kriterji ntużaw biex qed jintużaw minn min qed jintużaw?
Response (REFALO, MICHAEL)
Fil-każ ta' membri tas-Segretarjati ta' Ministri u Segretarji Parlamentari l-kriterji dwar użu ta' karozzi uffiċċjali huma mniżżla fid-dokument 'Engagement of Staff for Private Secretariats' li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fil-każ ta' uffiċċjali oħra fid-dekasteru tiegħi li għandhom ftehim jew kuntratt, l-użu huwa regolat minn tali ftehim jew kuntratt.
Il-karozzi uffiċċjali kollha l-oħra għandhom jintużaw minn min għandu l-permess jagħmel dan.
Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi każ f'moħħu li huwa jidhirlu li jien għandi nkun naf bih, nitolbu jagħtini l-informazzjoni relevanti.
Jista' l-Ministru jgħid mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn kienx hemm xi karozzi li ġew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, li ġew mogħtija b'donazzjoni lill-individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegati mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu?
Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid: (a) lil minn ingħataw; (b) x'marka huma l-karozzi u meta nxtaw; (ċ) kemm swew fi flus Maltin; u (d) xi kriterji ntużaw biex dawn l-individwi ingħataw din il-karozza?
Response (REFALO, MICHAEL)
M'hiex il-prassi ta' dan il-Gvern li jagħti karozzi bħala donazzjonijiet, la lill-uffiċċjali tiegħu u l-anqas lil dawk li mhumiex.
Jikkonferma l-Ministru li matul is-sena l-oħra 1999 kien hemm tnaqqis ta' turisti mir-Renju Unit meta mqabbla mas-sena 1998? X'qed jagħmel il-ministeru flimkien mal-Malta Tourism Authority biex jerġa' jiġbed turisti mir-Renju Unit f'pajjiżna?
Response (REFALO, MICHAEL)
Hu minnu li meta mqabbel ma' dak tal-1998 in-numru ta' turisti Ingliżi li żaru l-Gżejjer Maltin fl-1999 juri tnaqqis.
Kif bdew jidhru s-sinjali tat-tnaqqis l-Ministeru, flimkien mal-'N.T.O.M.', proċess li tkompla mal-'M.T.A.', stħarreġ ir-raġunijiet prinċipali għal dan in-nuqqas. Fi tlett okkażjonijiet waqt żjarat fl-Ingilterra kelli laqgħat ma' l-operaturi ewlenin kif ukoll ma' dawk iżgħar li jispeċjalizzaw fi btajjel għal Malta. Infurmat li l-'N.T.O.M.' u issa l-'M.T.A.' kellhom għadd ta' laqgħat ma' dawn l-operaturi. Id-direttur fl-uffiċċju tal-'M.T.A.' ġewwa Londra iżomm kuntatt kontinwu ma' dawn l-operaturi.
Minn dawn il-kuntatti, laqgħat u stħarriġ ħareġ li l-operaturi ewlenin li l-biċċa l-kbira tagħhom reċentement saru 'p.l.c.' ħadu deċiżjonijiet strateġiċi biex inaqqsu l-ispejjeż u jżidu l-profitti u għaldaqstant fasslu l-akbar programmi għall-pajjiżi fejn l-aktar kellhom kontroll ta' sodod u setgħu jibagħtu l-akbar numru ta' turisti. F'destinazzjonijiet oħra, kif ġara wkoll fil-każ ta' Malta, fejn dan ma kienx possibbli, ċekknu l-programmi.
Mir-riżultati li qed jaslu lill-'M.T.A.' jirriżulta li waqt li l-operaturi l-kbar naqqsu l-produzzjoni tagħhom, oħrajn iżgħar qed juru żieda.
F'dawn l-aħħar tnax il-xahar bil-għan li jiġu attirati aktar turisti mir-Renju Unit l-'M.T.A.' fasslet pjan ta' promozzjoni, pubbliċita' u reklamar li nkluda reklamar fuq it-televiżjoni fir-reġjuni ta' Londra u Manchester, reklamar fil-gazzetti, parteċipazzjoni f'aktar fieri tat-turiżmu sew dawk mirati għall-konsumatur kif ukoll dawk speċjalizzati, pjan ta' 'PR' li jinkludi żjarat f'Malta minn ġurnalisti tal-media speċjalizzata u ġenerali, għajnuna finanzjarja lit-'tour operators' kemm kbar kif ukoll dawk li jispeċjalizzaw fi btajjel għal Malta, kampanji pubbliċitarji bi sħab ma' operaturi, kif ukoll it-twettiq ta' pjan imfassal biex jiżdied is-suq tal-konferenzi, inċentivi u turiżmu speċjalizzat.
Dan kollu jingħad fil-kuntest ukoll tar-rata ta' kambju preferenzjali li tingħata lill-operaturi Ingliżi u Irlandiżi. Din ir-rata tiġi komunikata 18 il-xahar bil-quddiem biex l-operaturi jkunu jistgħu jikkostjaw il-prezzijiet tal-btajjel u jirreklamawhom fil-'brochures'. Bħalissa wasalna biex nikkomunikawlhom ir-rata applikabbli għas-sajf 2001.
Mill-informazzjoni li waslitli mill-'M.T.A.' nista' nikkonferma' li b'riżultat ta' din il-ħidma l-operaturi l-kbar żammew l-istess volum għall-programmi tagħhom lejn Malta għas-sajf 2000. Infurmat ukoll li sforz tal-kampanja pubbliċitarja u r-reklamar li sar fl-aħħar tal-1999 u l-bidu tal-2000 il-qagħda ta' 'forward bookings' għal Malta hi aħjar minn li kienet daż-żmien sena.
Inkoraġġanti wkoll il-fatt li għas-sajf hemm numru akbar ta' postijiet fuq l-ajruplani meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
Dan kollu jagħtini x'nifhem li t-turiżmu mill-Ingilterra għandu jirkupra matul is-sajf.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12311, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji mitluba peress li kif jaf hu stess dawn id-dettalji jikkonċernaw infiq pubbliku?
Response (REFALO, MICHAEL)
M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija ta' l-istess Onor. Membru Numru 12311.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12295, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji mitluba peress li kif jaf il-Ministru dawn id-dettalji jikkonċernaw infiq pubbliku?
Response (REFALO, MICHAEL)
M'għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt lill-Onor Membru għall-Mistoqsija tiegħu numru 12295.
Malta Tourism Authority — Liċenzji ġodda għal kiosks
Question
Huwa veru li l-Malta Tourism Authority fil-preżent m'hijiex tagħti r-rakkmandazzjonijiet tagħha biex jiġu approvati liċenzji ġodda għal kiosks u hawkers?
Meta sejrin jiġu formulati r-regolamenti il-ġodda biex jingħataw liċenzji għal kiosks?
Jekk din il-policy għadha m'hijiex formulata, x'ġustifikazzjoni għandha l-MTA li xorta waħda tiġbor il-kontribuzzjoni għal din is-sena ta' Lm62.50c għal kiosk u mobile canteens meta liċenzji għal applikazzjonijiet ġodda m'humiex jiġu approvati?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-Awtorita' tat-Turiżmu m'hiex responsabbli għall-approvazzjoni ta' liċenzji ta' 'kiosks' jew 'hawkers'. Il-liċenzji jinħarġu minn awtoritajiet governattivi oħra. Għalhekk l-Onor Interpellant nistiednu jirrivolġi l-mistoqsija tiegħu lil dak il-Ministeru li jeżerċita l-funzjonijiet relativi.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-istitut għall-istudji turistiċi għadu ma xandarx ir-riżultati ta' l-eżamijiet u qed iżomm lill-istudenti f'ansjeta' bla bżonn?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li r-riżultati ta' l-eżamijiet ġew pubblikati fit-28 ta' Frar 2000, cioe' jumejn qabel ma tressqet il-mistoqsija tal-Onor. Interpellant u fiż-żmien li normalment jittieħed biex jiġu proċessati r-riżultati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tal-White Rocks Holiday Complex? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li ma ngħata l-ebda trasferiment lill-ħaddiema tal-'White Rocks Holiday Complex' tad-Dipartiment tat-Turiżmu bejn id-dati msemmija fil-mistoqsija. Peress li kif jaf l-Onor. Interpellant wasal iż-żmien li l-Gvern jiddesponi minn dan il-'Complex' bħalissa qed isir eżerċizzju biex possibilment jinstab xogħol alternattiv għall-ħaddiema.
'Transfers' dejjem isiru skond l-esiġenzi tas-servizz.