Jista' l-Ministru jgħid kemm saru bookings u eventwalment inħarġu biljetti għas-safar għal ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-22 ta' Ġunju 1999 sal-lum?
Jista' l-Ministru jgħid separatament:
(1) għand liema aġenziji saru dawn il-bookings u mingħand liema aġenziji nxtraw il-biljetti ta' l-ajru;
(2) kull aġenzija kemm tħallset għal dawn il-biljetti;
(3) għal liema destinazzjonijiet inħarġu dawn il-biljetti?
(PQ waslet 6/6/2001)
Response (GATT, AUSTIN)
Jien m'iniex sodisfatt li l-utilita` ta` l-informazzjoni dettaljata mitluba fil-mistoqsija Nru. 26818 tiġġustifika li nordna li din għandha tinġabar.
Għalhekk sakemm ma ningħatax raġuni `l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li l-informazzjoni tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-każi ta' stupru fuq nisa (rape) li tressqu l-qorti din is-sena u s-sena l-oħra l-allegat aggressur instab ħati? Jista' jgħid x'kienet il-piena f'kull każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mid-Dipartiment tal-Kunsilli lokali dwar l-ilment li rċieva mill-Kumitat Distrettwali Laburista tal-10 Distrett dwar l-aġir tal-kunsill lokali tas-Sliema?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal kull allegazzjoni oħra d-Dipartiment talab il-kummenti tal-Kunsill Lokali rigward il-kontenut ta' l-istqarrija.
Dawn il-kummenti waslu u qed jiġu evalwati.
Jista' l-Ministru jara li ssir sleeping policeman wara blokk f Tar-Rabbat housing estate, Hamrun?
Response (GATT, AUSTIN)
BHal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet taghhom jagixxu skond il-prijoritajiet, esigenzi u l-mezzi taghhom.
Ghaldaqstant nissuggerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Kunsill tal-lokalita' billi l-funzjoni li qed jirreferi ghaliha, fil-fatt hija wahda mir-responsabbilitajiet tal-Kunsilli.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25369, jista' l-Ministru jagħti lill-Kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: (1) tikkonċerna nfiq pubbliku; (2) biex il-Kamra tkun informata, kif wara kollox huwa d-dover tal-gvern li jonforma, dwar il-pożizzjoni tal-kontijiet finanzjarji ta' l-entitajiet governattivi; (3) biex il-Kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw fi ħlasijiet u f'kontijiet pendenti huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti?
Ma jaħsibx il-Ministru li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż?
Fin-nuqqas li tingħata din l-informazzjoni, jista' jagħti raġuni għala mhijiex tingħata meta din hija informazzjoni importanti u tikkonċerna infiq pubbliku u għaldaqstant għandu dritt għaliha?
(PQ waslet 29/5/2001)
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi l-Onorevoli Membru għat-tweġiba li ingħatat għall-mistoqsija Nru. 26144 (Sitt. 560).
Għalkemm is-suġġett taż-żewġ mistoqsijiet huwa differenti, il-parametri huma simili u l-istess stedina li għamiltlu f`dik it-tweġiba tgħodd ukoll għal din.
Jogħġbu l-Ministru jara li l-librerija tal-qorti tkun miftuħa ta' kuljum, u mhux kif ġara fis-26 ta' Ġunju 200, fost drabi oħra, li għax il-librar kien bil-leave baqgħet magħluqa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minkejja li waħda miż-żewġ librara ħarġet fuq `maternity leave` saru arranġamenti temporanji għal meta il-librar l-ieħor ikollu bżonn il-leave.
Fid-data li l-Onor. Interpelant qed jirreferi għaliha, il-librerija kienet magħluqa bejn id-9.00 u l-10.00 ta` filgħodu minħabba funeral.
L-unika persuna li għamlet talba għall-użu tal-librerija tal-Qorti f`dak il-ħin, inqdiet appena li l-librar ġie lura.
Jista' l-Ministru jgħid wara l-verdett tal-ġuri ta' Meinrad Calleja fejn l-akkużat instab ħati ta' assoċjazzjoni ma' Charles Muscat magħruf bħala l-Pipi u Raymond Debono, x'passi ttieħdu mill-avukat ġenerali biex jittieħdu passi kontra dawn iż-żewġ persuni imsemmija fl-att tal-akkuża preparata mill-uffiċju tal-avukat ġenerali?
Response (GATT, AUSTIN)
L-aġir ta` l-Avukat Generali fil-konfront ta` prosekuzzjonijiet Kriminali hu ggvernat bl-artikolu 91 tal-Kostituzzjoni. Ma dan kollu ninstab infurmat mill-Avukat Generali illi m`hemmx disponibbli l-evidenza kollha meħtieġa, u li kienet disponibbli fil-każ ta` Meinrad Calleja, fil-każ ta' Charles Muscat (il-pips) u ta` Raymond Debono. Ma dan kollu l-każ għadu miftuħ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm perċentwali tal-kontravenzjonijiet mogħtija mit-Traffic Wardens qed ikunu kkontestati quddiem it-Tribunal u allura wkoll kemm qed jitħallsu mingħajr dan il-bżonn?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-avukat ġenerali fil-każ ta' Mario Camilleri magħruf bħala Imnieħru fl-Att ta' l-Akkuza ma talabx li jkunu ssekwestrati l-immobbli ta' Camilleri fid-dawl tal-kummenti li għamel l-Imħallef Vincent Degaetano fis-sentenza fejn qal li l-qorti "tosserva wkoll li kemm fl-ewwel kap kif wkoll fit-tielet kap l-avukat ġenerali talab biss il-konfiska tal-flejjes u propjeta mobbli tal-ħati, u mhux wkoll il-konfiska tal-propjeta' immobbli tiegħu"? Kemm kien il-valur tal-propjeta' immobbli ta' Camilleri? X'passi se jittieħdu mill-avukat generali biex dawn ikunu konfiskati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħallsu VAT is-sena l-oħra il-kunsilli lokali u kemm ħallsu kull wieħed din is-sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal kull entita` oħra l-Kunsilli Lokali mhumiex eżentati mill-ħlas tal-VAT. Għaldaqstant ix-xiri ta` oġġetti u servizzi huma kollha marbuta ma` dan il-ħlas u dawn l-ammonti huma riflessi fil-Financial Statements għal kull sena finanzjarja ta` kull Kunsill Lokali.
Dan il-Ministeru ma jżommx statistika separata dwar dawn il-ħlasijiet pero` l-Financial Statements jitpoġġew kull sena fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li wara l-elezzjoni ġiet appuntata aġenzija barranija biex tagħżel is-CEO il-ġdid tal-MITTS u sitta min nies kienu qed jissemmew għal din il-kariga, jista' l-Ministru jgħid għaliex intgħażlet il-persuna li fil-fatt ġiet appuntata?
Jista' jgħid il-Ministru jekk il-persuna in kwistjoni kinitx il-persuna irrakmandata mill-agenzija msemmija?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 26614?
Response (GATT, AUSTIN)
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 26938 ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Dr Anthony Cutajar huwa l-uniku avukat fil-Ministeru tiegħi li għandu `retaining agreement`.
Kopja tal-ftehim qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sal-lum ingħataw f'kumpens lill-individwi, u kemm minnhom għadhom ma tħalsux dak il-kumpens li ġie mogħti lilhom minn sentenzi deċiża tat-tribunal għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzji?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm irriżultaw li kien hemm każi fejn department heads irrifjutaw li jużaw is-servizz ta' l-email bħala parti mix-xogħol tagħhom? Jistgħaw jiġu identifikati id-dipartimenti/ministeri ikkonċernati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda `department head` fid-dekasteru tiegħi ma rrifjuta li juża s-servizz ta` l-e-mail bħala parti mix-xogħol tiegħu jew tagħha.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25337, jista' l-Ministru jagħti lill-Kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: (1) tikkonċerna nfiq pubbliku; (2) biex il-Kamra tkun assigurata li t-tqassim ta' dawn l-għoti ta' donazzjonijiet jekk sar, sar b'ġustizzja, b'fairness, bla abbuż u mingħajr favoritiżmu; u (3) biex il-Kamra tkun assigurta li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk iħossx li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż?
Jista' jagħti din l-informazzjoni importanti dwar infiq pubbliku b'mod trasparenti peress li l-poplu għandu dritt ikun jaf?
(PQ waslet 14/5/2001)
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi l-Onorevoli membru għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija Nru. 26144 (Sitt. 560).
Għalkemm is-suġġett taż-żewġ mistoqsijiet huwa differenti, il-parametri huma simili u l-istess stedina li għamiltlu f'dik it-tweġiba tgħodd ukoll għal din.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-inkjesta li saret f'Diċembru fil-qorti tal-gustizzja għalhiex saret, jekk instabx tarf il-problema u kemm laħqet l-ispiża kollha fuq din l-inkjesta li kienet tirrigwarda wkoll l-operat tal-MITTS?
Response (GATT, AUSTIN)
"Billi l-Inkjesta in kwistjoni għadha m'hijiex magħluqa, m'hiniex f'pożizzjoni li nagħti l-informazzjoni mitluba".
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 26419 dwar kemm kien hemm uffiċjali pubbliċi minn skala 5 il fuq kif wkoll konsulenti mal-Gvern illi mill-ewwel ta' Jannar 2001 ġew mogħtija jew żieda f'xi allowance jew xi allowance ġdid kompletament u x'pozizzjoni qed jokkupaw dawn l-uffiċjali, jista' l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija b'riferenza għad-dipartimenti w entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huma dawn l-uffiċjali? Kemm ingħatat żieda jew kemm hija l-allowance l-ġdida għal kull uffiċjal? X'inhija r-raġuni għal din iż-żieda jew kemm hija l-allowance l-ġdida għal kull uffċjal? X'inhija r-raġuni għal din ż-żieda jew allowance li qed tingħata għal kull uffiċjali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm u liema huma l-avukati jew ditti ta' avukati li għandhom retaining mal-Ministeru tiegħek u/jew ma' xi korporazzjonijiet u ażjendi parastatali li jaqgħaw taħt id-dikasteru tiegħek? X'inhuma ir-retainers u/jew it-terms tal-kuntratt f'kull każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 25347, jista' l-Ministru jgħati lill-kamra d-dettalji mitluba peress l-informazzjoni mitluiba:
1) Tikkonċerna Nfieq Pubbliku
2) Biex il-Kamra tkun informata, kif wara kollox huwa d-dover tal-Gvern li jinforma, dwar il-posizzjoni tal-kontijiet finanzjarji tal-entitajiet governativi?
3) Biex il-Kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw fi ħlasijiet u f'kontijiet pendenti huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk iħossx li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza, u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż?
Fin-nuqqas li tingħata din l-informazzjoni, jista' jagħti raġuni għala, meta din hija informazzjoni importanti, tikkonċerna infiq pubbliku u l-poplu għandu dritt għaliha?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi l-Onorevoli membru għat-tweġiba li ser tingħata għall-mistoqsija Nru. 26144 (Sitt. 560).
Għalkemm is-suġġett taż-żewg mistoqsijiet huwa differenti, il-parametri huma simili u l-istess stedina li għamiltlu f`dik it-tweġiba tgħodd ukoll għal din.