B'referenza għat-tweġiba mogħtija fit-3 ta' Lulju, 2007, għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 26976, dwar applikazzjonijiet u ħatriet għall-post ta' associate professor fl-Universita' ta' Malta, jista' l-Ministru jekk jogħġbu jagħti din l-informazzjoni addizjonali, li parti minnha kienet diġa' inkluża fil-mistoqsija oriġinali imma naqset mill tidher fit-tweġiba tat-3 ta' Lulju:
1. id-data li fiha l-Association of Commonwealth Universities bagħtet il-materjal ta' kull applikant għall-post ta' Associate Professor għand ir-referees tagħha
2. id-data wara Settembru 2006, li l-Peer Assessment mill-ACU ta' kull applikant għall-post ta' Associate Professor wasal l-Universita' ta' Malta, inkluż lista ta' dawk li l-Peer Assessment tagħhom għadu ma wasalx
3. id-data li kull min kellu Peer Assessment mill-ACU komplut, irċieva avviż dwar l-andament ta' l-applikazzjoni tiegħu/tagħha mill-Universita' ta' Malta
4. ir-raġuni għaliex l-ACU ma bagħtet ebda Peer Assessment lill-Universita' ta' Malta qabel Settembru 2006
5. għal liema raġuni hemm differenza bejn applikanti fid-dewmin (speed) li l-materjal tagħhom intbagħat lill-ACU wara l-applikazzjoni tagħhom?
6. min kienu l-membri tal-Promotions Board minn Mejju 2004 sa Ġunju 2006?
7. min huma l-membri tal-Promotions Board minn Settembru 2006 sal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi tagħrif fuq il-Mejda tal-Kamra dwar applikazzjonijiet (mingħajr l-isem minħabba protezzjoni ta' informazzjoni personali) għall-promozzjoni għall-associate professor, id-data tal-jum meta l-Universita' irċeviet l-applikazzjoni, u d-data li fiha l-pubblikazzjonijiet u l-materjal relatat intbagħtu lill-ACU.
Informat li l-Universita' ma rċeviet l-ebda 'peer assessment' mill-ACU qabel Settembru 2006 u minn dak iz-zmien 'l hawn ħadmet biex tipproċessa l-applikazzjonijiet ta' kandidati hekk kif il-'peer assessment' tagħhom bdew jaslu. Fuq bazi ta' dan 19-il kandidat ġew appuntati Associate Professors. Hemm xi wħud mill-kandidati l-oħra li għadhom qed jiġu kkunsidrati mill-Bord.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26685 u jgħid għal liema raġuni l-istudent ta' l-MCAST li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament u li m'għaddiex mill-eżami indikat separatament, l-ewwel ġie infurmat li l-każ tiegħu huwa borderline u allura ser isirlu interview u mbagħad ġie infurmat li ma kienx ser isirlu l-interview bil-konsegwenza li issa ma jistax ikompli l-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ICT juza sistema ta' continuous assessment ibbazata fuq numru ta' assignments li fl-aħħar jikkontribwixxu għall-marka finali ta' kull module li jifforma l-kwalifika. Kull student jingħata tlett opportunitajiet biex ikun jista' jottjeni passmark f'dak l-assignment.
Informat li f'kaz li student jeħel minn xi assignment dan jingħata tutorial bl-iskop li jpoġġi lill-istudent f'pozizzjoni aħjar biex iġib passmark fis-suġġett.
Informat ukoll li l-istudent inkwistjoni ma rnexxilux iġib pass fil-Communications Technology għalkemm ingħata tlett opportunitajiet biex jagħmel dan. Bħala konsegwenza ta' dan, l-istudent issa weħel minn dan il-module izda ma twaqqafx mill-istudji tiegħu.
L-istudenti kollha huma informati b'dawn ir-regolamenti sa mill-bidu tal-kors tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm preżentement studenti li qed jagħmlu l-kors tal-B.Educ Primary fl-Universita'? Jista' jippreżenta l-ammont ta' studenti għal kull sena?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-applikazzjonijiet għal Assistenti Kapijiet fil-primarja u fis-sekondarja jistgħu japplikaw biss dawk li għandhom l-grad ta' għalliem? X'inhi r-raġuni li hemm instructors kemm fil-primarja u kemm fis-sekondarja li għandhom permanent warrant imma ma jistgħux japplikaw għal dan il-post ta' Assistant Kap? Minħabba li ilu jingħad li għaddejjin diskussjonijiet ma' l-union dwar l-instructors ħalli dawn jiġi ntegrati fil-grad ta' teacher, jista' jgħid fhiex jinsabu dawn id-diskussjonijiet u jekk hemmx il-possibilita' li dawn jingħalqu qabel it-28 ta' Ġunju, 2007 ħalli fil-każ ikunu jistgħu japplikaw għal dawn il-postijiet ukoll?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-applikazzjonijiet imsemmija huma skond il-kriterji ta' eliġibilita' eżistenti. Id-diskussjonijiet bejn Gvern u l-Union konċernata huma fi stadju avvanzat ħafna.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra statistika dwar il-parteċipazzjoni u l-acheivments ta' minoranzi differenti fl-iskejjel ta' l-istat, tal-Knisja u privati kif ukoll fl-MCAST u fl-Universita' ta' Malta minn Jannar 2007 sal-lum? Kien hemm ċirkostanzi fejn dawn ġew segretati? Jista' ġentilment jagħti din l-informazzjoni skond l-enrolment rates, l-attendenza u kemm iddropjaw, l-attainment u l-performance rate, skond l-iskola u/jew l-educational track, l-availability u l-parteċipazzjoni fil-lingwa tat-twelid, parteċipazzjoni fil-life-long learning, il-literacy rates u skond il-gender, l-eta', ir-razza u r-reliġjon?
Response (GALEA, LOUIS)
L-ewwelnett mhuwiex daqshekk ċar għaliex qed jirreferi l-Onor. Membru meta jgħid "Jista l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda l-istatistika dwar il-prteċipazzjoni u l-'achievements' ta' minoranzi differenti.
Barra minn hekk t-tagħrif kif mitlub mill-Onor. Membru għall-istituzzjoni kollha edukattivi pubbliċi u privati f'Malta u Għawdex ma jiġix kompilat b'mod li nista' nagħti tweġiba. Tlabt li tiġi formulata template bl-iskop li nikkonsidra tistax tingħata l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi ħa l-gvern fi ħdan is-settur edukattiv fir-rigward ta' immigranti u minoranzi oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fis-settur edukattiv il-Gvern ħa diversi inizjattivi fir-rigward ta' immigranti u minoranzi, bħal:
Pubblikazzjoni ta' Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Politika tal-Kurrikulu Nazzjonali dwar Edukazzjoni Inklussiva NCC 2002.
Ratifika tal-Konvenzjoni ta' Lisbona dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki dwar l-Edukazzjoni Għolja u t-transposizzjoni tagħha (A.V. 280/2006).
L-Att XVIII dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki u leġislazzjoni relatata.
Tagħlim fil-Malti u l-Ingliz baziku għal adulti barranin.
Could the Minister provide information regarding any eductional/support measures to members of ethnic minorities or other minorities? Are there any specific support services for members of such minorities? How many children belonging to minorities receive complimentary support and/or have a facilitator? Are ther any measures regarding parents of minority children? What funding exists (if any) for any such projects? (Kindly specify any available data in terms of gender, age, race and religion)?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk:
Tfal ta' minoranzi etniċi - Numru ta' tfal Sess Total
M F
Skejjel Primarji 110 108 218
Skejjel Sekondarji 42 81 123
Total 152 189 341
Informat ukoll li l-mizuri u/jew għajnuniet oħra li qed jingħataw lill-minoranzi etniċi u minoranzi oħra, speċjalment fl-iskejjel primarji, huwa s-servizz ta' l-Edukazzjoni Kumplimentari jew l-għajnuna tal-Facilitator. Fis-sekondarja dawn l-istudenti jattendu klassijiet bi gruppi zgħar għal taħriġ fil-ħiliet baziċi fil-litterizmu u numerizmu. Il-parti l-kbira ta' dawn it-tfal, speċjalment fil-Primarja, jirċievu edukazzjoni kumplimentari. Ftit huma dawk it-tfal li għandhom bzonn facilitator. Hemm oħrajn li huma integrati u jimxu sew mall-programmi tal-klassi, speċjalment fil-Junior Lyceums. Mizuri li jieħdu l-iskejjel, huma li jibgħatu għall-ġenituri biex jagħtuhom spjegazzjoni dwar is-servizz provdut.
Informat ukoll li l-fondi tieħu ħsiebhom id-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni stess billi timpjega u tħarreġ għalliema biex jagħtu dan is-servizz ta' edukazzjoni kumplimentari jew l-għajnuna tal-faciliator.
Could the Minister provide information regarding courses (in-service) regarding or relating to racism, xenophobia and courses dealing with ethnic, religious diversity?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2003 sal-lum x'tip ta' spezzjonijiet saru, minn min u kemm drabi, fi kmamar tan-nar bil-permess li jaħdmu n-nar? Jista' jgħid x'irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet u x'passi ttieħdu biex joperaw b'ħarsien għas-saħħa u s-sigurta'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-manifattura tal-logħob tan-nar hija regolata mill-Ordinanza dwar l-iSplussivi, li permezz tagħha twaqqaf il-Kumitat għall-Isplussivi, b’funzjonijiet speċifici wkoll fir-rigward tas-sigurta' ta’ min ikun qed jaħdem in-nar, u li jagħmel il-kundizzjonijiet għall-organizzar ta’ dawn il-postijiet u l-kompetenzi ta’ min jista' jaħdem in-nar. Il-liġi li twaqqaf l-Awtorita' għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xoghol tesiġi li jkun hemm relazzjoni ta’ mpjieg bejn min iħaddem u ħaddiem, din ir-relazzjoni ma tezistix fil-maġġor parti tal-kazijiet li fihom ikun qed jinħadem in-nar. L-Awtorita' m'ghandhiex l-kompetenzi legali jew tekniċi biex tintervjeni f’dawn is-sitwazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskejjel kollha li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin għandhomx il-fakulta' li jorganizzaw korsijiet tat-TEFL? Il-Monitoring Boardjaċċetta ċertifikati minn kull skola? X'rekwiżiti jrid ikun hemm biex skejjel jorganizzaw dawn il-korsijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel kollha liċenzjati, li jgħallmu l-Ingliz lill-barranin, għandhom il-fakulta' li jorganizzaw korsijiet tat-TEFL. L-EFL Monitoring Board jaċċetta ċertifikat minn kull waħda minn dawn l-iskejjel. Skola liċenzjata trid timxi mal-guidelines maħruġa minn dan il-Bord, meta tiġi sabiex torganizza xi TEFL Induction Course li jrid jitmexxa minn persuni kompetenti skond il-programm li jkun riferut lill-EFL Monitoring Board qabel jibda l-kors li meta jintemm, l-iskola konċernata tkun mistennija tgħarraf il-bord bl-ismijiet tal-partieċipanti kif ukoll min minnhom ikun temm it-TEFL Induction Course b'suċċess.
Jista' l-Ministru jgħid x'ħatriet, nomini u appointments saru fl-Universita' ta' Malta minn l-ewwel tas-sena sal-lum? X'kienet il-kariga f'kull każ, min hi l-persuna li ġiet magħżula, meta u jekk saritx sejħa u jekk kienx hemm intervisti jew inkella ġietx appuntata jew maħtura b'mod dirett?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal l-uffiċċju, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gradi ta' general hand fl-iskejjel humiex obbligati li jagħmlu ċertu xogħol fil-għoli? Jekk fl-affermattiv kemm huwa l-għoli li huma obbligati jitilgħu? Barra minn dan x'inhuma l-prekawzjonijiet li huma mitluba jsegwu minħabba raġunijiet ta' saħħa u sigurta'? Jista' jgħid ukoll jekk id-Divizjoni tipprovdix dak li huwa meħtieġ għal dan l-għan? Jekk fl-affermattiv, x'inhu dan l-apparat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fost affarijiet oħra il-General Hands huma obbligati jagħmlu xogħol fil-għoli inklużi tibdil ta' bozoz tad-dawl, xogħol ta' manutenzjoni fil-bini bħal tibjid u tikħil. Il-prekawzjonijiet li huma mitluba jsegwu huma dawk stipulati fil-Liġi dwar is-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol.
Id-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni tipprovdi dak meħtieġ sabiex titħares is-saħħa u s-sigurta' ta' dawn il-ħaddiema.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tender documents tat-turf sintetiku ta' l-iskola Primarja ta' Hal Luqa? Kemm kien hemm tenders mitfugħa u kemm kienu kull waħda minnhom? Min ġie magħżul u x'kienu r-raġunijiet? Min kienu l-membri tal-bord ta' l-għażla? Min kien responsabbli ħalli jara li x-xogħol jitwettaq skond dak li ġie mitlub?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser ngħaddi kopja tat-tender dipartimentali li ġiet pubblikata f'Jannar 2006 mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada, li tinkludi d-dokumenti tat-tender tat-turf sintetiku uzat fl-iskola Primarja ta' Ħal Luqa, lill-Onor. Interpellant.
Informat li f'dan il-kaz intefgħu 3 tenders b'offerti kif ġej:
Allsport International -Lm 11,725
Sports Planet Ltd - Lm17,525
Asfaltar Ltd - Lm17,925
Informat li ntagħzlet l-offerta ta' Allsport International Ltd. għaliex l-offerta kienet skond l-ispeċifikazzjonijiet mitluba u għaliex kienet l-irħas u l-aktar waħda vantaġġjuza. Ma kien hemm l-ebda appell fuq id-deċizjoni meħuda.
Intant il-Bord ta' l-Għazla kien kompost hekk:
Il-Perit Andrew Ellul
Is-Sur Christopher Pullicino
Is-Sur Ivan Zammit
Informat li l-persuna teknika li segwiet it-twettiq tax-xogħol kien il-Perit Leonard Zammit.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tat-tender documents tat-turf sintetiku u t-track ta' l-iskola sekondarja tal-Kulleġġ San Benedittu ġewwa Hal Kirkop? Kemm kien hemm tenders mitfugħa u kemm kienu kull waħda minnhom, separatament għat-track u l-ground? Min ġie magħżul u x'kienu r-raġunijiet? Min kienu l-membri tal-bord ta' l-għażla? Min kien responsabbli ħalli jara li x-xogħol jitwettaq skond dak li ġie mitlub?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser ngħaddi kopja tat-tender li ġiet pubblikata mid-Dipartiment tal-Kuntratti f'Mejju, 2005 li tinkludi it-tender document tat-turf sintetiku u track sintetiku ta' l-iskola sekondarja tas-subien fil-Kulleġġ San Benedittu f'Ħal Kirkop, lill-Onor. Interpellant.
Informat li intefgħu 9 offerti fid-Dipartiment tal-Kuntratti għal din it-tender tat-turf sintetiku u t-track sintetika bl-offerti għaz-zewġ affarijiet flimkien kif indikat hawn taħt:
Kumpannija Turf/Track
Sports Planet Ltd Lm112,449
Tarkett Ltd Lm 84,788.20
John G. Cassar Ltd Lm115,867
MB Promotions Ltd Lm113,120
EMM Ltd Lm132,948
Sports & Play Ltd Lm 97,304
Three Eight Nine Ltd Lm122,814.80
Mizzi Group, Millennia Ltd Lm 73,672
All Sports International Ltd Lm 71,600
Informat li ntagħzlet l-offerta ta' Allsports International Ltd għaliex kienet l-irħas u l-aktar waħda vantaġġjuza u skond l-ispesifikkazzjonijiet mitluba. Ma kien hemm l-ebda appell mid-deċizjoni tal-Kumitat tal-Kuntratti.
Informat li l-Bord ta' l-għazla kien kompost mill-Perit Andrew Ellul, is-Sur Chris Pullicino u mis-Sur Victor Battistino mill-Kunsill Malti għall-iSport, waqt li t-Technical Adviser kien il-Perit Leonard Zammit li kien ukoll responsabbli mit-twettiq tax-xogħol li ġie awarded taħt din it-tender.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel tal-gvern fejn għandhom ground bit-turf artifiċjali? Meta saru u kemm kienet l-ispiża f'kull każ? Jista' jgħid ukoll min għamel ix-xogħol f'kull ground u mingħand min inxtara t-turf sintetiku? Jista' jgħid x'maintenance qed isir fil-grounds imsemmija, fosthom kemm-il darba qed jiġu mxarrba u minn fejn qed jinġieb l-ilma f'kull każ separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari 26398, jista' l-Ministru jgħid x'xogħol kontinwu qed isir fil-preżent u f'liema skejjel? Jista' jgħid x'inhuma l-proġetti li l-FTS qed taħdem fuqhom matul din is-sena u meta huwa maħsub li l-proġett kollu jkun lest?
Response (GALEA, LOUIS)
Tagħrif dwar il-proġetti li qed taħdem fuqhom l-FTS rigward skejjel diġa hu puppliku u pubblikat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema li għandhom warrant mogħtija mill-Monitoring Board biex igħallmu biss il-lingwa Ingliża lill-barranin? Dan ikun wieħed temporanju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li b'kollox hemm 2,332 għalliem li għandhom warrant mogħti mill-EFL Monitoring Board, sabiex jgħallmu l-Ingliz bħala Lingwa Barranija. Dan il-warrant ikun wieħed temporanju.