Legislature:
Category:
Reset
Active:

Parking Bay – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward problema ta’ parking bay?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li uffiċjali minn Transport Malta kkomunikaw mal-individwu li d-dettalji tagħha qed jingħataw seperatament sabiex jistħarrġu l-każ.

Rabat Għawdex – Pjazza Indipendenza — tabella

Question

B'referenza għat-tabella li hemm fi Pjazza Indipendenza Rabat Għawdex (quddiem il-Knisja ta' San Ġakbu), li fuqha hemm indikat PEDESTRIAN ZONE - NO VEHICLES EXCEPT FOR UN/LOADING 07:00 - 10:30 = 15:00 - 17:00 -- BLUE STICKER CARD HOLDERS AND RESIDENTS, ACCESS FOR TAXI STAND AND MTA AUTHORIZED VEHICLE, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuni li għandhom il-Blue Sticker Card qed jingħataw ċitazzjonijiet minn uffiċjali tal-Pullizija meta jidħlu f'din iż-żona bejn l-10.30 u t-15.00?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Tow Zones

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk inbidlux ir-regolamenti li permezz tagħhom jistgħu jiġu dikjarati tow zones? Kemm tow zones ġew stabbiliti, u kemm f’kull lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għadu għaddej il-proċess sabiex isiru emendi fil-liġi għal dak li jirrigwarda tow zones.

Kunsilli Lokali — Asfaltar ta’ rural roads

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-kunsilli lokali li kienu applikaw biex jasfaltaw rural roads permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, meta kien hemm din l-iskema? Liema minn dawn it-talbiet intlaqgħu u liema le? Fejn it-talbiet ma ntlaqgħux, x’kienet ir-raġuni għal dan?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Qormi – Triq l-Erba’ Qaddisin – zebra crossing

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21728, jista' l-Ministru jindika x'kienu l-eżitu ta' dawn id-diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi dwar talba għal zebra crossing fi Triq l-Erba’ Qaddisin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-jiem li għaddew saru diskussjonijiet mas-Sindku ta’ Ħal-Qormi fuq din it-talba. Din ser tiġi diskussa mal-Kunsill, li minn naħa tiegħu għandu jressaq il-proposti tiegħu.

Ħal Qormi – Triq iċ-Ċawsli — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet neċessarji fi Triq iċ-Ċawsli ġewwa Ħal Qormi minħabba li kif jixhed ir-ritratt li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qed joqgħod l-ilma f'parti tat-triq minn din it-triq b'detriment għar-residenti li joqogħdu f’din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Transport Malta — Triq li mix-Xemxija twassal għall-Mellieħa - tender

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29030, billi l-Ministru wieġeb li x-xogħol li se jsir bejn ix-Xemxija u l-Mellieħa hu wieħed infrastrutturali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dettaljat dwar x'inhu dan ix-xogħol infrastrutturali li se jsir? Jista' jqiegħed kopja tal-pjanta li fuqha se jsir dan l-istess xogħol, u jekk hux maħsub li jkun meħtieġ permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar għal dan l-istess xogħol? Jekk tali permess hu maħsub li jkunu meħtieġa, jista' jagħti tagħrif dwar jekk ġewx sottomessi applikazzjonijiet għal dan l-istess xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji u pjanti marbuta ma' dan il-proġett se jiġu ppublikati fil-mument opportun.

Ħal Tarxien – Triq Birżebbuġa — asfaltar

Question

Jista’ l-Ministru jara li Triq Birżebbuġa, f’Ħal Tarxien tiġi asfaltata mill-iktar fis wara xogħlijiet li sarulha fl-aħħar xhur peress li l-istat tagħha issa hu ferm agħar milli kien qabel, b’periklu serju sija għar-residenti kif ukoll għal min jgħaddi minn hemm?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq it-triq imsemmija għadhom għaddejjin. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fuq il-gutter, u ġaladarba jispiċċaw dawn ix-xogħlijiet, isir l-asfaltar tat-triq.

Skema ta’ Tallinja Card b’xejn lil studenti ta’ 18-il sena

Question

Billi fil-budget tħabbar li se jkun hemm skema li permezz tagħha, żgħażagħ li jagħlqu 18-il sena kienu se jingħataw servizz ta' tallinja card b'xejn għal sena, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta bdiet titħaddem din is-sistema? Jekk għadha ma bdietx titħaddem, meta se tibda titħaddem? Kemm hu mistenni li tiswa din l-iskema?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema fejn dawk il-persuni li jagħlqu 18-il sena fis-sena 2017 sejrin jingħataw is-servizz tat-trasport publiku b'xejn għal sena sa massimu ta’ € 312, sejra tibda f’ Jannar 2017. Informazzjoni kif persuna tkun tista’ tapplika għal din l-iskema sejrin jitħabbru fil-ġranet li ġejjin. Għal din l-iskema ġew allokati Euro 500,000.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Luigi Fontana - xogħlijiet ta' culverts u asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-Triq Luigi Fontana, f'Ħaż-Żebbuġ hijiex responsabilità ta' Transport Malta jew tal-Kunsill Lokali biex isiru xogħlijiet ta' culverts u asfaltar?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Transport Malta – records ta’ karozzi barranin

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta solvietx id-diffikultajiet li kellha mas-sistema ta' records ta’ karozzi barranin, biex fil-każ li dawn jiksru r-regolamenti tat-traffiku, ikunu jistgħu jittieħdu passi kontra tagħhom? Kemm hu n-numru ta’ vetturi barranin li qegħdin hawn Malta u li tagħhom Transport Malta għandha records? Minn liema pajjiżi huma reġistrati u kemm minn kull pajjiżi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta, permezz tad-Direttiva 2015/413 tal-Unjoni Ewropea, bdiet tiġbor informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza, li permezz tagħha jkunu jistgħu jiġu traċċati vetturi ta' sidien barranin li jwettqu kontravenzjonijiet f'Malta. Is-sistema bdiet taħdem mill-1 ta’ Awwissu ta’ din is-sena. Jiena nfurmat illi matul Awwissu u Settembru ta’ din is-sena kien hemm 488 vettura bi pjanċi barranin li kissru r-regolamenti tat-traffiku u li kienu qegħdin hawn Malta u li tagħhom Transport Malta għandha records inkluż il-pajjiżi li huma reġistrati fihom.

Liċenzji tas-sewqan — persuni b'vista batuta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi liċenzji tas-sewqan li nħarġu għal persuni b'vista batuta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li persuni b’vista batuta tinħarġilhom liċenzja tas-sewqan biss wara li dawn jiġu ċċertifikati min tabib li huma tajbin biex isuqu, skont ir-Regolamenti dwar Vetturi bil-Mutur (Licenzji tas-Sewqan) – Leġislazzjoni Sussidjarja 65.18, it-Tmien Skeda Regolament 2. Nitlob lill-Onor. Interpellant li jekk jaf b’ xi każ, jgħaddili l-informazzjoni ħalli jittieħdu passi.

Transport Malta — xogħlijiet fuq toroq ġodda - kriterji

Question

Billi repetutamnt jingħadd li Transport Malta ma tagħmilx xogħol fuq toroq ġodda jekk is-sidien ma jkunux iffirmaw it-triq u jekk ma jkunx hemm 70 fil-mija tat-triq mibnija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk matul din is-sena sarux toroq li ma kienx jilħqu dawn iż-żewġ kriterji? Jekk iva fejn jinsabu dawn l-istess toroq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm każijiet matul din is-sena fejn saru toroq li ma kinux jilħqu l-kriterji msemmija. Dawn it-toroq kienu: - Żebbuġ, Triq Patri Andrea Azzopardi - Marsaskala, parti minn Triq il-Vjola - Marsaskala, partijiet minn Triq id-Dugħ u Triq Lorry Sant - Birżebbuġia, n/s fi Triq il- Kus (Wied il-Klima) - Fgura, parti minn Triq Pawlu Micallef - San Pawl il-Baħar, parti minn Triq it-Tamar u n/s fi Triq Port Ruman - San Ġiljan, parti minn Triq Brydone, Ta’ Ġiorni

Transport Malta — Belisha Lights

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn jinsabu u kemm hawn Belisha lights madwar Malta, raħal b'raħal jew belt b'belt rispettivament? Tista' Transport Malta tikkunsidra li tbiddel dawn il-lights f'pelican lights jew traffic lights normali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tikkunsidra talbiet għal pelican lights każ każ wara li tirċievi talba mingħand il-kunsill lokali rispettiv. Qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ zebra crossings f’kull lokalità skont l-informazzjoni li għandha t-Taqsima tal-Immaniġġar tat-Traffiku fi ħdan Transport Malta.

Transport Malta — Advertising u Proġett tal-Kappara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed jieħu ħsieb l-advertising ta’ Transport Malta u/jew il-Ministeru dwar il-Proġett tal-Kappara? Jista’ jgħid jekk din il-kumpanija/persuna ntgħażlietx wara sejħa pubblika?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 29042, inżid ukoll li Transport Malta użat is-servizzi tal-kumpanija Ikona għad-disinn ta’ artwork relatat mal-kampanja tal-proġett tal-Kappara. Kif intqal fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29042, placements mal-mezzi tax-xandir saru direttament minn Transport Malta mingħajr l-involviment tal-ebda aġenzija u għaldaqstant ma kienx hemm bżonn ta’ sejħiet pubbliċi.

Kampanja tal-Proġett tal-Kappara — ħatra ta' konsulent

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħatarx konsulent biex jieħu ħsieb il-kampanja tal-Proġett tal-Kappara? Jekk iva, min hu jew min hi? Kif ġiet magħżula din il-persuna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ħadet ħsieb il-kampanja tal-Proġett tal-Kappara internament. Transport Malta użat is-servizzi ta’ konsulenza tal-kumpanija Striped Sox biex tgħin fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-kampanja.

Testijiet tal-ilma tal-pjan

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati tat-testijiet tal-ilma tal-pjan li juru l-livell ta' residwi ta' pestiċidi li ttieħdu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f'dawn l-aħħar tliet xhur?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Transport Malta — Triq li mix-Xemxija twassal għall-Mellieħa - tender

Question

Billi f'risposta riċenti li ngħatajt mill-Ministru fejn ingħadd li Transport Malta dalwaqt toħroġ tender għax-xogħol fuq it-triq li mix-Xemxija twassal għall-Mellieħa, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu x-xogħol li għalih hu mistenni li joħorġu t-tenders?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender li se jinħareġ minn Transport Malta huwa għal xogħlijiet infrastrutturali.

Il-Madliena -Triq il-Madliena — Speed cameras

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux mistennija jiġu stallati speed cameras fi Triq il-Madliena, Madliena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba għal speed camera fi Triq il-Madliena, Madliena.

Road Safety Council

Question

Jista’ l-Ministru jispjega jekk fid-dawl ta’ numru rekord ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew matul din is-sena, jaħsibx li r-Road Safety Council li ġie maħtur minnu stess għandux jiġi ridimenzjonat sabiex ikun aktar effettiv?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Road Safety Council, li issa ilu mwaqqaf tmintax-il xahar, irnexxielu joħloq għarfien fuq sigurtà fit-triq u għen sabiex ikun hemm ħidma konġunta mhux biss min-naħa tal-Gvern iżda wkoll bejn entitajiet oħra varji. Matul dawn ix-xhur, membri tal-kunsill kkontribwew f’diversi programmi edukattivi fuq il-mezzi tax-xandir fuq is-suġġett ta’ road safety. Apparti minn hekk, saru diversi kampanji edukattivi fuq sewqan u manutenzjoni ta’ muturi, kif ukoll għal sewqan iktar sikur b’mod ġenerali għas-sewwieqa kollha. F’dawn l-aħħar ġimgħat il-Kunsill ipparteċipa wkoll waqt il-Freshers’ Week tal-Università fejn il-kampanja Eyes on the Road ġiet imnedija. Pjanijiet għas-sena d-dieħla jinkludu enfasi akbar fuq kampanji promozzjonali u edukattivi, aġġornar tal-Kodiċi tat-Triq (Highway Code) kif ukoll żjarat f’diversi skejjel sabiex tibqa’ titrawwem kuxjenza fuq sewqan sikur.