Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bdiewa – għajnuna għall-ħsarat ikkawżati mill-maltemp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna lill-bdiewa biex tagħmel tajjeb għall-ħsarat ikkawżati mill-maltemp sena b’sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kien hemm domanda għal din l-għajnuna u kemm minnhom intlaqgħu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 12276 u 20151. Inżid ngħid illi fil-programm elettorali tiegħu, il-Gvern kien wiegħed li jindirizza din il-materja. Din il-wegħda ġiet attwata fil-Programm għall-I¿vilupp Rurali 2014-2020, taħt il-Miżura 17 (Artikolu 36 tar-Reg. (UE) Nru. 1305/2013) – Assigurazzjoni - Għajnuna għall-ħlas tal-poloz relatati mal-assigurazzjoni tal-uċuħ, pjanti, annimali.

Importazzjoni ta’ baqar u għoġġiela tal-ħalib

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew importati baqar u għoġġiela tal-ħalib sena b’sena mill-2012 u minn liema pajjiż sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi ma ġew impurtati l-ebda baqar u/jew għoġġiela tal-ħalib.

Ġbejniet prodotti f’Malta u Għawdex — valur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu kkalkolat li jlaħħaq il-valur komplessiv ta’ ġbejniet prodotti f’Malta u f'Għawdex sena b’sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Skemi ta’ Għajnuna ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea – bdiewa f’Malta u f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm skemi ta’ għajnuna ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea, għall-bdiewa f’Malta kif ukoll għall-bdiewa f'Għawdex separatament, għall-proġetti ta’ titjib bħalma huma ġwiebi, bini ta’ ħitan ta’ sejjieħ, irziezet, passaġġi fil-raba', eċċ. mill-2004 sal-lum? Meta daħlu fis-seħħ dawn l-iskemi u għal liema snin kienu japplikaw? X’ammont ta’ għajnuna ngħatat kull sena taħt kull skema skont in-natura tal-proġett u kemm bdiewa ibbenefikaw taħt kull skema wkoll skont in-natura tal-proġett?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat, li l-Interpellant għamel domanda simili lill-istess Ministru.

Ħalib tal-Baqar ta’ Malta – organiżmi/sustanzi perikolużi għas-saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu sabiex jiġi żgurat li l-ħalib tal-baqar ta' Malta ma fihx MRSA jew organiżmi/sustanzi oħra perikolużi għas-saħħa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ħalib kollu jiġi analizzat mill-operatur, li f’dan il-każ huwa l-MDP, u dawn l-analiżi jsiru skont ir-rekwiżiti ta’ Annex III, Section IX, tal-EU.Reg. 853 tal-2004. L-MRSA (Methicillin-resistant S.aureus) mhuwiex rekwiżit. Fil-każ ta’ sustanzi oħra perikolużi għas-saħħa, il-ħalib jiġi analizzat għal dawn il-parametri skont il-ħtiġijiet ta’ A.L. 80 ta’ l-2005 (Regoli tal-2005 dwar il-Miżuri għall-Monitoraġġ ta’ ċerti Sustanza u Residwi tagħhom f’Annimali ħajjin u Prodotti tal-annimali) mill-NVL (National Veterinary Laboratory).

Direttorat tal-Animal Welfare – talbiet għall-spezzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba biex issir spezzjoni ġiet irċevuta mid-Direttorat tal-Animal Welfare sena b’sena minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jispeċifika kemm minn dawn l-ispezzjonijiet saru sena b’sena, u kemm minnhom ittieħdu passi legali dwarhom?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Internal Audit and Investigation Department — awditjar tax-xiri tal-għalf mid-Direttorat tal-Animal Welfare

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex konkluż l-awditjar tax-xiri tal-għalf mid-Direttorat tal-Animal Welfare mill-Internal Audit and Investigation Department (IAID)? Jekk dan l-awditjar ġie konkluż, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport finali maħruġ mill-IAID?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li l-audit għadu għaddej, infakkar li r-rapporti tal-Internal Audit and Investigation Department (IAID) huma intenzjonati għall-użu intern tal-amministrazzjoni pubblika.

Applikazzjonijiet għall-permessi ta’ żamma ta’ annimali perikolużi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet għall-permessi għaż-żamma ta’ annimali perikolużi taħt ir-Regolamenti tal-2016 dwar id-Drittijiet li jitħallsu għall-Pussess u ż-Żamma ta’ Annimali Perikolużi sal-5 ta’ Mejju 2016?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja laqgħa tmienja u għoxrin applikazzjoni valida ta’ siti biex jinżammu annimali perikolużi fihom.

Applikazzjonijiet għall-permessi ta’ żamma ta’ annimali perikolużi – drittijiet imħallsa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu drittijiet għall-applikazzjonijiet għaż-żamma ta’ annimali perikolużi sal-5 ta’ Mejju 2016 taħt ir-Regolamenti tal-2016 dwar id-Drittijiet li jitħallsu għall-Pussess u ż-Żamma ta’ Annimali Perikolużi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi tħallsu €1,340 għall-applikazzjonijiet għaż-żamma ta’ annimali perikolużi sad-data tal-iskandenza li kienet fil-5 ta’ Mejju 2016.

Applikazzjonijiet għall-pussess jew żamma ta’ annimali perikolużi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dati ta’ meta daħlu l-applikazzjonijiet għall-pussess jew żamma ta’ annimali perikolużi, il-lokalità tal-kollezzjoni privati, u kif ukoll in-numru u l-speċi ta’ annimali li ġew elenkati f’kull applikazzjoni jew kollezzjoni privata?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Applikazzjonijiet għall-permess ta’ żamma ta’ annimali perikolużi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm fost l-istabbilimenti jew kollezzjonijiet privati li applikaw għall-permess għaż-żamma ta’ annimali perikolużi sal-5 ta’ Mejju 2016, għadhom jew kienu suġġetti għall-proċeduri legali minħabba li operaw bħala żoos mhux liċenzjati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi hemm żewġ kollezzjonijiet privati li applikaw għaż-żamma ta’ annimali perikolużi qabel il-5 ta’ Mejju 2016 li għadhom suġġetti għall-proċeduri legali minħabba ksur tal-Avviż Legali 265 ta’ 2003 (Regolamenti dwar Żamma ta’ Annimali Selvaġġi fi Stabbilimenti Zoologiċi).

Buskett – impjegati tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati tal-Gvern biex jieħdu ħsieb il-Buskett sena b’sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – postijiet vakanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm postijiet vakanti fid-Dipartimenti/Awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2013 sal-lum imtlew il-postijiet vakanti li jidhru fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn il-vakanzi (f’Postijiet) ġew approvati skont paragrafu 1.1.6.2 tal-Public Service Management Code.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – impjegati li attendew laqgħat internazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati fil-Ministeru tiegħu li attendew laqgħat internazzjonali sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari? Min kienu dawn l-impjegati? Għal liema laqgħat attenda kull impjegat? Fejn saru dawn il-laqgħat u u meta saru?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Programmi ta’ tagħrif/tagħlim biex jevitaw problemi ta’ mard fuq l-għelieqi/irziezet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-programmi ta' tagħrif/tagħlim li qed jagħmlu d-dipartimenti li jaqgħu taħtu biex il-bdiewa/raħħala jkunu jistgħu jevitaw problemi ta' mard fuq l-għelieqi/irziezet tagħhom?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-programmi ta’ tagħrif/tagħlim li jingħataw miż-żewġ Direttorati li jagħmlu parti mid-Dipartiment għar-Regolazzjoni Veterinarja u s-Saħħa tal-Pjanti sabiex bdiewa/raħħala jkunu jistgħu jevitaw problemi ta’ mard fuq l-għelieqi/irziezet tagħhom hu kif ġej:- Id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti jagħti għarfien relatat ma’ organiżmi ta' ħsara għall-pjanti hekk kif tesiġi l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-saħħa tal-pjanti, lill-bdiewa u lill-entitajiet reġistrati mad-Direttorat. It-tagħrif jingħata f’forma ta’ linji gwida immirati għas-settur u mxerred permezz ta’ diversi azzjonijiet edukattivi bħal taħdidiet, seminars , preżentazzjonijiet, pubblikazzjonijiet f’forma ta’ leaflets u fuq il-website kif ukoll b’ parteċipazzjoni fuq programmi tar-radju u televiżivi. Minn Jannar 2015 ‘il hawn id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti beda bl-implimentazzjoni tal-programm iffinanzjat mill-UE "Programm ta’ Stħarriġ fuq Organiżmi ta' Ħsara" ( Pest Survey Programme ) bil-għan li jimmonitorja u jissorvelja għelejjel ( crops ) li jinkludi wkoll il-finanzjament ta’ promozzjoni sabiex joħloq għarfien dwar organiżmi ta' ħsara għall-pjanti. Fil-preżent id-Direttorat għaddej b’ kampanja informattiva fuq il-mikrobu Xylella Fastidiosa . Fir-rigward tar-raħħala, kull sena jiġu organizzati seminars f’Malta u f’Għawdex mis-Sezzjoni tal-Iġjene tal-Ħalib fi ħdan id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja. L-aħħar wieħed li sar kien fid-19 u l-20 ta’ Novembru 2015 fejn fih ipparteċipaw uffiċjali mid-Direttorat u esperti barranin. Id-Direttorat huwa konxju tal-importanza li l-miżuri ta’ Biosigurtà għandhom sabiex jipprevjenu d-dħul u/jew it-tixrid ta’ mard. Għalhekk biex wieħed itejjeb l-għarfien u jimplimenta tali miżuri, wieħed jista’ jaċċessa l-website fuq http://www.biocheck.ugent.be/v4/home/ - Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra screenshot ta’ din il-website f’forma ta’ “Tabella A”. Fuq il-website, id-Direttorat ippublika wkoll linji gwida fuq l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ biosigurtà u li qed inpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra f’forma ta’ “Tabella B” http://agriculture.gov.mt/en/vprd/Documents/april_2016/Biosecurity%20guidelines.pdf . Fir-rigward tan-naħal, fl-2015 saret sezzjoni speċifika ta’ informazzjoni mal-presidenti tat-3 assoċjazzjonijiet maġġuri dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal- aetinia tumida filwaqt li huwa ppjanat li jsiru sezzjonijiet speċifiki ta’ taħriġ fir-rigward tal-ħnieżer u ruminanti żgħar.

Irziezet tat-trobbija tat-tiġieġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm irziezet tat-trobbija tat-tiġieġ li għandhom permess joperaw sena b’sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamenatari? Kemm kien hemm irziezet tat-tiġieġ li ġew magħluqa fl-istess perjodu għax kisru xi regolament rilevanti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Skemi ta’ Għajnuna ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-bdiewa f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm skemi ta’ għajnuna ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-bdiewa f’Għawdex għall-proġetti ta’ titjib bħalma huma ġwiebi, bini ta’ ħitan ta’ sejjieħ, irziezet, passaġġi fil-raba’, eċċ. mill-2004 sal-lum? Meta daħlu fis-seħħ dawn l-iskemi u għal liema snin kienu japplikaw? X’ammont ta’ għajnuna ngħatat kull sena taħt kull skema skont in-natura tal-proġett u kemm bdiewa bbenefikaw taħt kull skema wkoll skont in-natura tal-proġett?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat, li l-Interpellant għamel domanda simili lill-istess Ministru.

Farms tal-Baqar — rilokazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24252, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm irziezet li ngħataw għajnuna biex ikunu jistgħu jirrilokaw jew itejbu l-faċilitajiet tagħhom għat-trobbija tal-baqar? Kemm sar ħlas s’issa fuq dawn l-irziezet u f’liema lokalitajiet jinsabu l-irziezet li ngħataw l-għajnuna, lokalità b’lokalità?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kien hemm diversi għajnuniet biex rziezet itejbu l-faċilitajiet tagħhom għat-trobbija tal-baqar, fosthom il-Miżura 121 kif ukoll il-miżura 'meeting standards' u l-għajnuna nazzjonali 'SMPPMA' fuq it-tined. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal-liema għajnuna qed jirefferi u mil-liema perjodu jrid it-tali informazzjoni.

Pjan Nazzjonali tal-immaniġġjar tal-iskart

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24530, billi fir-risposta qed jingħad x'inhu jippretendi mill-kunsilli lokali dwar dak li jikkonċerna l-ġbir tal-iskart, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru tiegħu ħadimx flimkien mal-ministeru responsabbli mill-kunsilli lokali biex jiżdied il-budget li hu meħtieġ biex jitħallsu l-kontijiet ta' ġbir li qed jingħad li jrid jiżdied? Jekk le, jista' jagħti tagħrif dwar kif hu mistenni li jiġi finanzjat il-ġbir indikat f'dan il-management plan?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif indikat fil-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24530, qegħdin isiru diskussjonijiet mal-Ministeru kkonċernat dwar kif għandhom jiġu implimentati l-obbligi li għandhom il-Kunsilli Lokali dwar il-ġbir tal-iskart. Ma hemmx dubju li meta jkun il-waqt il-piż finanzjarju sa jiġi kkunsidrat ukoll kif qed jiġi diġà kkunsidrat f’dawk il-lokalitajiet li qegħdin jieħdu sehem fil-proġett pilota għal ġbir separat ta’ skart organiku b’konsultazzjoni mal-Ministeri kkonċernati, inkluż il-Ministeru tal-Finanzi. Huwa ovvju li l-Ministeru responsabbli mill-Kunsilli Lokali għandu rwol ewlieni f’dan ir-rigward.

Mard taċ-Ċitru — każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’Malta nstabux każi tal-marda taċ-ċitru magħrufa bħala Tristeza, wara li din il-marda feġġet f’Għawdex snin ilu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li f’Malta ma nstabux każijiet tal-marda taċ-ċitru magħrufa bħala Citrus Tristeza, wara li din il-marda feġġet f’Għawdex snin ilu, ħlief minn interċezzjonijiet li saru fuq siġar li ġew minn pajjiżi tal-UE kif ġie spjegat fil-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24235 li saret riċentament.