Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Kottonera – pjanti u permessi għall-Indoor Pool

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti u tal-permessi għall-indoor pool li se jsir fil-Kottonera?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta u veduti grafiċi tal-pixxina l-ġdida fil-Kottonera. Infurmat li l-proċess tal-permessi għadu għaddej u qiegħed fi stadju avvanzat.

Kumitat Olimpiku Malti – fondi u għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw fondi u/jew x'għajnuniet oħra lill-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) fis-snin 2012, 2013, 2014, 2015 u 2016 u kemm hemm budgeted li jingħataw lill-KOM fl-2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-assistenza mogħtija lill-Kumitat Olimpiku Malti fis-snin 2012 sa 2016 kienet kif ġej: 2012 – €394,681 2013 – €417,235 2014 – €393,735 2015 – €428,735 2016 – €467,235 Bħalissa SportMalta jinsab f’negozjati mal-Kumitat Olimpiku Malti biex jintlaħaq ftehim dwar x’assistenza se tkun qed tingħata lill-Kumitat Olimpiku Malti fis-snin li ġejjin. Dawn in-negozjati waslu fi stadju avvanzat u mistennija jingħalqu fil-ġimgħat li ġejjin.

Pixxina Nazzjonali — għeluq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dati meta l-Pixxina Nazzjonali se tingħalaq?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Pixxina Nazzjonali ħa tkun uffiċjalment magħluqa mill-5 ta’ Diċembru 2016 sal-31 ta’ Jannar 2017 dejjem jekk ma jkunx hemm kumplikazzjonijiet waqt ix-xogħlijiet. Sar arranġament mal-klabb tan-Neptunes għall-użu tal-pixxina tagħhom biex jiġu akkomodati bl-inqas inkonvenjent possibbli l-klabbs tal-għawm.

Clubs Sportivi – għajnuna materjali u finanzjarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-għaqdiet jew il-clubs sportivi li soffrew ħsarat wara l-maltempata li saret fl-aħħar t'Ottubru 2016 ingħatawx għajnuna materjali u/jew finanzjarja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellent li xi klabbs, b'mod partikulari dawk tal-waterpolo, li sofrew ħsarat fil-perjodu msemmi, u għamlu kuntatt mal-uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-isport ġew mitluba jagħmlu rapport tal-ħsarat sabiex jiġi diskuss x'għajnuna tista' tingħata.

Paceville – Masterplan – attrazzjonijiet u kumplessi sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Masterplan ta’ Paceville jinkludiex kumplessi jew attrazzjonijiet sportivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Edukazzjoni għal tfal adottati — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament rigward opportunitajiet ta' edukazzjoni għal tfal adottati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet ikkuntattjata u l-każ ġie diskuss.

Xogħlijiet ta’ manutenzjonijiet u rranġar fi skejjel

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet li ngħataw sabiex isir xogħol ta’ manutenzjoni, irranġar u titjib fi skejjel matul l-2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada li l-informazzjoni mitluba hi kif muri fil-lista li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li bħal fi snin oħra, minbarra x-xogħlijiet li ngħataw, saru wkoll xogħlijiet ta’ manutenzjoni u rranġar fi skejjel matul l-2016 mill-ħaddiema tal-manutenzjoni li hemm fl-iskejjel statali.

MCAST – Air Conditioners li ma jaħdmux

Question

Jista’ l-Ministru jgħid preżentament kemm hemm Air Conditioners li ma jiffunzjonawx fil-binjiet tal-MCAST?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-preżent fi ħdan l-MCAST hemm 690 unitajiet ta’ arja kkundizzjonata. Dsatax (19) minnhom bħalissa huma rappurtati li ma jaħdmux sew minħabba raġunijiet tekniċi. Minn dawn id-dsatax uħud minnhom qed jissewwew f’dawn il-ġranet, għal oħrajn saret ordni ta’ spare parts biex il-ħsara teknika tiġi rettifikata, waqt li oħrajn ser jinbidlu wara li għadu kemm ġie aġġudikat tender wara proċess ta’ sejħa pubblika.

Skola Ġuże Ellul Mercer — eżamijiet tas-SEC

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28170, jista’ l-Ministru jgħid kemm u x’kienu l-marki li ġabu dawn l-istudenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalma ntqal fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28170, kien hemm sittin (60) student li resqu għas-sessjoni ta’ Mejju u tlieta u għoxrin (23) għal dik f’Settembru. Infurmat li r-riżultati li nkisbu huma kif ġej: Malti – resqu 48 student, 33 għall-ewwel darba f’Mejju 2016 u 15 li kienu qed jirrepetuh. Bħala marki kien hemm; 1 grad 4, 10 grad 5, 7 grad 6, 5 grad 7 u 25 assenti jew grad U. F’Settembru kien hemm 11-il student li resqu għar- resit u ġabu dawn il-marki; 1 grad 4, 3 grad 5, 2 grad 6, 1 grad 7 u 4 assenti. Marki Mejju Settembru Malti 4 1 1 5 10 3 6 7 2 7 5 1 A 7 4 U 18 0 Total 48 11 Ingliż – resqu 45 student, 24 għall-ewwel darba f’Mejju 2016 u 21 li kienu qed jirrepetuh. Bħala marki kien hemm; 1 grad 4, 5 grad 5, 10 grad 6, 10 grad 7 u 19 li jew kienu assenti jew ġabu grad U. F’Settembru kien hemm 16-il student li resqu għar- resit u ġabu dawn il-marki; 0 grad 4, 4 grad 5, 8 grad 6, 2 grad 7 u 2 assenti. Marki Mejju Settembru Ingliż 4 1 0 5 5 4 6 10 8 7 10 2 A 5 2 U 14 0 Total 45 16 Matematika - resqu 48 student, 32 għall-ewwel darba f’Mejju 2016 u 16 li kienu qed jirrepetuh. Bħala marki kien hemm; 1 grad 4, 9 grad 5, 11 grad 6, 5 grad 7 u 22 li jew kienu assenti jew ġabu grad U. F’Settembru kien hemm 13- il student li resqu għar-resit u ġabu dawn il-marki; 0 grad 4, 6 grad 5, 1 grad 6, 2 grad 7 u 3 assenti. Marki Mejju Settembru Maths 4 1 0 5 9 6 6 11 1 7 5 2 A 10 3 U 12 1 Total 48 13 Fiżika - resqu 28 student, 17 għall-ewwel darba f’Mejju 2016 u 11 li kienu qed jirrepetuh. Bħala marki kien hemm; 1 grad 4, 6 grad 5, 8 grad 6, 1 grad 7 u 12 assenti jew grad U. F’Settembru kien hemm 5 studenti li resqu għar- resit u ġabu dawn il-marki; 0 grad 4, 1 grad 5, 2 grad 6, 0 grad 7 u 2 assenti jew U. Marki Mejju Settembru Fiżika 4 1 0 5 6 1 6 8 2 7 1 0 A 1 0 U 11 2 Total 28 5

Ħal Kirkop – Kulleġġ San Benedittu – permess għat-trobbija tal-ħamiem

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga jekk hemmx permess għat-trobbija tal-ħamiem, fil-Kulleġġ ta' San Benedittu f'Ħal Kirkop?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fis-7 ta’ April 2016, l-iskola sekondarja ta’ Ħal Kirkop kienet avviċinata mill-Malta Federation of Racing Pigeon Clubs dwar possibiltà ta’ proġett edukattiv li jinvolvi tagħlim dwar it-trobbija tal-ħamiem tat-tiġrija. Proġetti bħal dawn diġà jeżistu f’pajjiżi oħra Ewropej bħal Portugal, l-Olanda u l-Belġju. L-iskola rat il-valur edukattiv tal-proġett, infurmat lill-Prinċipal tal-Kulleġġ u daħlet għal dan il-proġett extra kurrikulari. L-iskola kienet infurmata mill-federazzjoni li ma jeżisti ebda permess uffiċjali għat-trobbija tal-ħamiem. Il-ftehim mal-federazzjoni jinkludi li l-federazzjoni tibni loft (mobbli u tal-injam) tal-ħamiem, tipprovdi l-ħamiem, tmantni l-ħamiem bl-ikel u tieħu ħsieb is-sanità u s-saħħa tiegħu b’indafa u l-mediċina li hemm bżonn filwaqt li tipprovdi informazzjoni lill-għalliema u l-istudenti dwar dan l-isport. Il-Federazzjoni hija membru tal-Kunsill Malti għall-iSport. Grupp ta’ madwar 30 student jipparteċipaw b’mod attiv u regolari waqt il-brejk f’din l-attività non formali.

Għawdex — Childcare Centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Childcare Centres f’Għawdex? Jista’ jgħid fit-total kemm hemm postijiet għat-tfal fiċ-Childcare Centres kollha f’Għawdex? Hemm xi pjanijiet għal aktar Childcare Centres f’Għawdex fil-futur immedjat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ċ-Childcare Centres f’Għawdex li huma rreġistrati mad-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni huma tnejn (2). It-total ta’ postijiet għat-tfal f’dawn iċ-Childcare Centres huwa sitta u disgħin (96). Hu ppjanat li jkun hemm Child Care Centre ġdid li se jifforma parti mill-iskola primarja l-ġdida tar-Rabat f’Għawdex.

Il-Marsa — Korsa taż-Żwiemel - tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li t-tmexxija tal-Korsa taż-Żwiemel fil-Marsa tgħaddi għand il-privat? Jekk iva, jista’ jgħid fiex wasal il-proċess?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Privatisation Unit kien ħareġ Request for Proposal bil-għan li jgħaddi s-sit lis-settur privat ‘on a temporary emphyteutical basis’. Il-proċess jinsab f’fażi ta’ negozjati mal-privat.

Il-Marsa — Korsa taż-Żwiemel – sistema tad-dwal

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru t-tiswijiet meħtieġa lis-sistema tad-dawl fil-Korsa taż-Żwiemel fil-Marsa peress li hemm numru ta’ bozoz li ilhom xhur maqtugħin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li d-dawl li jintuża fis-sigħat bikrin ta' filgħodu ssewwa u qed jaħdem b'mod normali. Rigward id-dawl li jintuża matul it-tiġrijiet, dawn ġew iċċekkjati kollha u nbidlu xi floodlights. Madankollu għad hemm xi problemi fuq arblu minnhom li mhux qed jiffunzjona tajjeb il-ħin kollu. Qed isiru t-testijiet meħtieġa biex tissolva l-problema.

Il-Marsa – Korsa taż-Żwiemel – tibdil tar-ramel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinbidel ir-ramel tal-Korsa taż-Żwiemel fil-Marsa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li r-ramel tal-Korsa ser jinbidel matul il-waqfa tax-xitwa bejn Diċembru u Jannar.

Università – għoti ta’ katavri għar-riċerka

Question

B'referenza għall-ġest nobbli li għamel is-saċerdot minn Sannat Għawdex li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, meta wara l-mewt tiegħu li ġrat f'Lulju 2016, ħalla ġismu lill-Università ta' Malta biex jintuża għar-riċerka, jista' l-Minisiru jgħid jekk fil-gżejjer Maltin qattx kien hemm persuni oħra li wara mewthom għamlu l-istess għotja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva, matul is-snin, kien hemm diversi persuni oħra li wara mewthom ħallew ġisimhom lid-Dipartiment ta’ l-Anatomija fl-Università ta' Malta sabiex jintuża għar-riċerka u l-istudju ta’ l-Anatomija. Dawn id-donaturi kienu kollha residenti fil-gżejjer Maltin u kien hemm numru minnhom li kienu ta’ nazzjonalità Maltija, kif ukoll barranin.

SportsMalta — CEO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu s-CEO ta’ SportsMalta jew min qed jaġixxi bħala tali f’din il-kariga? Kemm għandu remunerazzjoni u perkaċċi? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt tiegħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant huwa s-Sur Mark Cutajar li s-salarju u l-allowances tiegħu huma kif ġej: Salarju skala 3 li fl-2016 huwa €36,482.00 fis-sena Expertise allowance ta' €12,500.00 fis-sena Car allowance ta' €4,659.00 fis-sena Communication allowance ta' €1,600.00 fis-sena. Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-persuna kienet diġà inkluża fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28062. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument mitlub.

MCAST – Korsijiet tal-Evening Classes kanċellati

Question

Jista' l- Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li l-korsijiet tal-evening classes fl-MCAST ġew ikkanċellati għas-semester preżenti, minkejja li kien hemm domanda suffiċjenti? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti raġuni għalfejn ittieħdet din id-deċiżjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li m’huwiex minnu li l-evening classes tal-MCAST ġew kanċellati fis-semestru preżenti. Il-korsijiet qed jinfetħu b‘mod regolari skont id-domanda. Madankollu, kien hemm kors ta' filgħaxija wieħed biss tal-MCAST li ġie kkanċellat f'dan is-semestru minkejja li kien hemm domanda suffiċjenti. Dan sar għal raġunijiet tekniċi u amministrattivi.

MCAST – Korsijiet tal-Evening Classes kanċellati — lista

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-korsijiet tal-MCAST li ġew ikkanċellati għas-semester li beda f'Ottubru/Novembru 2016? Jista' jagħti r-raġuni għal kull kors rispettivament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li kors ta’ filgħaxija wieħed biss tal-MCAST ġie kkanċellat fis-semestru preżenti minkejja li kien hemm domanda suffiċjenti. Dan kien il-kors ta’ Pottery Throwing fejn kien hemm tmien (8) applikanti li tlieta (3) minnhom kellhom skont ta’ 75%. Dan sar minħabba raġunijiet tekniċi u amministrattivi.

Junior College, MCAST u Università — Learning Support Assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanat biex jiġi estiż is-servizz tal-Learning Support Assistant għall-persuni fil-bżonn fil-Junior College, fl-MCAST u fl-Università?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-MCAST diġà joffri servizz ta' learning support assistants. Rigward l-istudenti tal-Junior College u l-Università, infurmat li jeżistu arranġamenti għall-aċċess kif spjegat fil-ktejjeb The University of Malta Access Arrangements September 2013 li jinstab onlajn fuq http://www.um.edu.mt/__data/assets/pdf_file/0020/204419/accessbooklet2013.pdf Meta student ikollu bżonn ta’ assistent personali minħabba li jkollu diżabilità fiżika dan japplika biex ikollu l-assistenza ta’ personal assistant mis-servizzi tal-Aġenzija Sapport. Fejn student ikollu bżonn assistenza oħra minħabba d-diżabilità din tiġi organizzata mill-istudent stess u jkun jista’ japplika għall-Maintenance Grant fejn jinvolvi ħlas.

Deputat Librar Bibljoteka Nazzjonali u Deputat Librar Libreriji Pubbliċi — riżultati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ħarġux ir-riżultati għal Deputat Librar Bibljoteka Nazzjonali u Deputat Librar Libreriji Pubbliċi? Jekk iva, meta ħarġu r-riżultati u fejn ġew ippublikati ? L-appointments ingħataw lill-persuni magħżula?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li r-riżultati tal-pożizzjonijiet għal Deputat Librar fil-Bibljoteka Nazzjonali u fil-Libreriji Pubbliċi ħarġu fl-4 ta’ Novembru 2016 u ntbagħtu lill-kandidati kollha li ġew għall-intervista. Infurmat ukoll li l-appointment letters ser jinħarġu fil-ġimgħat li ġejjin skont ir-riżultat ippubblikat.