Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #25449 Sitting 544 2001-05-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Produtturi tat-Tjur

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani xi progress sar dwar l-ilmenti u l-proposti tal-produtturi tat-tjur? Jista' jinfurmani x'ġara mill-proċess tas-sistema tal-karta r-roża?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #25746 Sitting 544 2001-05-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Miżbla

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet differenti minn fejn hemm aċċess għall-miżbla tal-Magħtab minbarra dak uffiċjali fejn hemm il-miżien biex jiżen l-iskart li jiddaħħal? Jekk hemm postijiet oħra mnejn jistgħu jaslu fil-miżbla tal-Magħtab, jistgħu jittieħdu passi biex dawn il-postijiet jingħalqu kollha u jiġu eliminati l-abbużi li jista' jkun hemm fi dħul u ħruġ mhux legali mill-miżbla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li bħalissa, dħul għall-miżbla tal-Magħtab huwa permess biss min-naħa tal-bieb prinċipali f'Ramla Road. L-aċċess l-ieħor li hemm min-naħa ta' l-għelieqi ġie mblokkat bit-terrapien.
Leg 9 PQ #25748 Sitting 544 2001-05-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Magħtab

Question

Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jittieħdu passi biex Triq ir-Ramla u Triq Santa Marija fl-inħawi tal-Magħtab jibdew jitnaddfu regolarment mit-trab u l-iskart l-ieħor li jikkaġunaw it-trakkijiet li jġorru l-iskart lejn il-Magħtab biex hekk tittaffa xi ftit it-tbatija għal dawk li jgħixu fl-inħawi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li għalkemm it-tindif tat-toroq huwa r-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali, d-Dipartiment għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart qed jibgħat kennies matul il-ġimgħa sabiex inaddaf dawn it-toroq.
Leg 9 PQ #25749 Sitting 544 2001-05-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Magħtab

Question

Jista' l-Ministru jara minn Jannar sa Marzu 2001 kuljum jum b'jum kemm daħlu trakkijiet bi skart fil-Magħtab? X'tunnellaġġ ta' skart daħal f'dawn il-vjaġġi? Xi flus tħallsu minn dawk li daħħlu dan l-iskart?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ninsab infurmat li għal Jannar u Frar tħallset is-somma ta' Lm5,599.62. Peress li l-kontijiet ta' Marzu għadhom qed jintbagħtu mal-kontijiet tax-xahar ta' April, ma nistax nagħti ċifri għax-xahar ta' Marzu 2001.
Leg 9 PQ #25960 Sitting 544 2001-05-29 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Noise Pollution

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod id-dipartiment ta' l-ambjent qiegħed jara li tiġi kkontrollata għal livelli aċċettabli l-problema tan-noise pollution partikolarment f'areas residenzjali u li huma semi-industrijali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #26037 Sitting 544 2001-05-29 Oral · Final From: HELEN D'AMATO To: Ministeru għall-Ambjent

Parental Leave

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qegħdin fuq parental leave? Kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa? F'liema skala huma dawn l-impjegati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' impjegati fil-Ministeru għall-Ambjent u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qegħdin fuq Parental Leave huwa 13. Dawn huma kollha nisa. Minn dawn l-impjegati hemm 2 f'kull skala 11 u 13, 3 f'kull skala 14 u 15 u 1 f'kull skala 18 u 19. Barra minn dawn hemm waħda Casual Typist.
Leg 9 PQ #26045 Sitting 544 2001-05-29 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Ġnien Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid min-naħa tad-Dipartiment tal-Ambjent x'inhuma jew x'se jkun l-input fil-Ġnien Pubbliku / Masġar biswit is-Swar / Guidle Road f'Ħaż-Żabbar? X'inhu jżomm milli jsir dan il-proġett inħejji mill-Kunsill Lokali, Zabbar snin ilu, min-naħa tad-Dipartiment ta' l-Ambjent/Xogħolijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-kontribut tal-Ministeru għall-Ambjent ser ikun il-preparazzjoni mill-ġdid ta' l-offerta għall-kostruzzjoni tal-ħajt li jdawwar il-ġnien b'ċint baxx u ħadid, mat-tul ta' Girdle Road (issa msemmija Triq il-Kunsill ta' l-Ewropa;) kif ukoll diversi xogħlijiet ta' tindif, bini ta' ħitan tas-sejjieħ u bankijiet ġewwa l-masġar innifsu. Ix-xogħol fuq dan il-proġett waqa' lura minħabba diversi diffikultajiet mhux previsti li nqalgħu.
Leg 9 PQ #26085 Sitting 544 2001-05-29 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

King George V Playing Fields

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax titpoġġa l-pjanta tax-xogħlijiet fil-King George V Playing Fields, Floriana fuq il-Mejda tal-Kamra? F'hiex waslu x-xogħlijiet s'issa u humiex skond l-iskeda ppjanata? Kemm u f'liema grad huma l-ħaddiema li qed jaħdmu fuq dan is-sit?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti mtluba. Ix-xogħol miexi kif ippjanat. S'issa tlesta l-parti l-kbira tax-xogħol fil-pedamenti fil-parti tal-lemin tal-ġnien, inbeda x-xogħol fuq il-wiċċ tal-pitch tal-futbol, qed isir xogħol ta' żbir u trasplantar ta' siġar in kollaborazzjoni mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u nħarġet u qed tiġi proċessata s-sejħa għall-offerti għax-xogħol ta' pavimentar tal-ġnien. Skond l-iskeda tax-xogħol dan il-ġnien mistenni li jitlesta fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla. Il-ħaddiema bil-gradi tagħhom li qed jaħdmu fuq dan is-sit huma kif jidher hawn taħt: Rubble Wall Builder 1 Building Tradesman II 4 Building Tradesman I 2 General Hand 2 Mason 1 Heavy Plant Driver 1 Skilled Labourer 1 Supervisor 1 Carpenter 1 ------ TOTAL 14 ------
Leg 9 PQ #26106 Sitting 544 2001-05-29 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sar overtime matul dan l-aħħar tnax-il xahar mill-ħaddiema tad-distrett nru 6 tad-diviżjoni tax-xogħlijiet pubbliċi, kull xahar separatament? Kienu kienu l-ħaddiema li ingħataw l-overtime matul kull xahar? Kemm hyemm ħaddiema f'dan id-distreet? Kif jitqassam l-overtime fuq il-ħaddiema?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #26126 Sitting 544 2001-05-29 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Dingli — Triq Ċensu Spiteri

Question

Jista' l-Ministru jara li s-servizz tad-drenaġġ jiġi estiż fi Triq Ċensu Spiteri, Ħad-Dingli, kollha peress li minkejja li din it-triq hi f'nofs ir-raħal sal-lum għad hemm parti żgħira li m'għandiex dan is-servizz

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tlabt lid-Dipartiment konċernat biex jittieħdu passi biex dan is-servizz tad-drenaġġ fi Triq Ċensu Spiteri jiġi estiż fl-inqas żmien possibbli.
Leg 9 PQ #26127 Sitting 544 2001-05-29 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Żbroff

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn ġie rappurtat żbroff tad-drenaġġ matul dawn l-aħħar tnax-il xhar u x'kienet ir-raġuni għal dan l-iżbroff kull lokalita' separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar.
Leg 9 PQ #25446 Sitting 543 2001-05-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Mwiet ta' Ħut

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani x'ikawża l-imwiet ta' kwantita ta' speċi ta' ħut tal-fond u tal-ġieħ l-baħar fl-inħawi ta' Popeye Village, il-Mellieħa f'dawn l-aħħar tlett ġimgħat? Jirriżulta li xi fish farms fil-Mellieħa qed jiffaċjaw l-istess ċirkustanzi ta' mwiet? Jassigurani l-Ministru li mhux qed tkun iddampjata xi kimika jew skart mill-vapuri li qed ikunu fl-inħawi u li qed tikkawża il-qerda tal-ħajja f'qiegħ il-Baħar f'dawn l-inħawi tal-Mellieħa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' rapport imħejji mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent dwar l-impatt ambjentali ta' proġett tat-Tuna Penning fil-lokalita' tas-Sikka l-Bajda, b'referenza speċjali għal rapport li deher fl-Orizzont tat-23 ta' Marzu 2001. Dan ir-rapport jagħmel referenza għal ammont ta' ħut mejjet li ntlemaħ f'survey ta' qiegħ il-baħar li sar f'Ottubru 2000. Ir-rapport imħejji mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jikkonkludi li: In-natura tal-ħut mejjet li ntlemaħ f'qiegħ il-baħar fis-survey li sar f'Ottubru 2000, tindika li dan kien ġej minn ħut li normalment jintuża bħala għalf għat-tonn fil-proġett. Ma ġiex stabbilit kif u l-għala kwantita' hekk kbira ta' dan il-ħut spiċċat taħt il-gaġeġ. Dan il-ħut ma deherx fis-survey li sar f'Marzu 2001. Il-monitoraġġ li sar s'issa jindika li m'hemmx bażi għall-allegazzjoni li dan il-proġett qed iħalli diż astru ambjentali. Il-programm ta' monitoraġġ jeħtieġ ikompli u jissaħħaħ biex tiġi ndividwata xi ħsara long-term fuq l-ambjent tal-baħar riżultat ta' dan il-proġett.
Leg 9 PQ #25745 Sitting 543 2001-05-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Ikel/Xorb Skadut lill-Konsumaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex bhejjem mejta, ikel u xorb skadut marmi fil-Miżbla tal-Magħtab ma jerġax jinħareġ biex jinbiegħu lill-konsumaturi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li kull tip ta' skart u materjal mormi fil-miżbla tal-Magħtab jiġi mgħaffeġ bil-bulldozer, midfun u mgħotti bit-terrapien. Ma jidhirx li l-affarijiet bħal ma semma l-Onorevoli Interpellant qegħdin fil-fatt jiġru. Isir kontroll mill-ħaddiema tal-miżbla fuq persuni li jiġbru materjal għar-riċiklaġġ biex l-ebda skart organiku ma jitħalla joħroġ minn dan il-post.
Leg 9 PQ #25958 Sitting 543 2001-05-28 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Qormi — Triq Carmelo Camilleri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 23915 dwar Triq Carmelo Camilleri f'Ħal Qormi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19922 (Seduta 392).
Leg 9 PQ #25959 Sitting 543 2001-05-28 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Qormi — Dun Ġorġ Fenech

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru 23914 dwar Triq Dun Ġorġ Fenech, Qormi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19922 (Seduta 392).
Leg 9 PQ #25988 Sitting 543 2001-05-28 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Works Division

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ħaddiema fil-works division li ħadmu s-sahra mit-22 ta' Mejja 2000 fil-Balluta jistgħux jitħallsu l-kumplament tas-siegħat li kienu ħadmu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

M'għandix x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 24135 u 24265.
Leg 9 PQ #25990 Sitting 543 2001-05-28 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Lift

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jerġa jsir il-lift mil-barrakka ta' fuq sad-dwana fil-Belt - lift li kien tneħħa b'kapriċċ fi żmien l-amministrazzjoni Laburista fis-snin sebgħin?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Fil-futur immedjat m'hemmx ħsieb li jerġa' jsir dan il-'lift', pero' fil-proġett magħruf bħala 'Connections', mistenni li din il-possibbilta' terġa' tkun kunsidrata.
Leg 9 PQ #26100 Sitting 543 2001-05-28 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Park Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid taħt liema dipartiment jaqgħu l-ħaddiema fil-Park Nazzjonali f'Ta' Qali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ħaddiema fil-Park Nazzjonali f'Ta' Qali jaqgħu taħt it-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Leg 9 PQ #25364 Sitting 542 2001-05-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Kontijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm hemm kontijiet pendenti ma' kumpaniji privati u kuntratturi mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid separatament kemm jammontaw dawn il-kontijiet u x'jirrigwardjaw?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
Leg 9 PQ #25355 Sitting 541 2001-05-22 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Kontijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm hemm kontijiet pendenti mal-Maltacom plc mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw dawn il-kontijet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.