Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-programam ta' manutenzjoni għal din is-sena fid-diversi housing estates imxerdin ma' Malta u Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-programm ta' manutenzjoni f'bini tal-Gvern ma jsirx darba biss fil-bidu tas-sena iżda dan jiġi rrivedut fil-bidu ta' kull xahar. B'hekk minn xahar għall-ieħor jiġu eliminati xogħolijiet li jkunu tlestew fix-xahar preċedenti u jiġu inklużi xogħolijiet ġodda. Il-prijorita' tax-xogħlijiet tingħata skond in-natura ta' dan ix-xogħol. Per eżempju l-akbar prijorita' tingħata lil dawk ix-xogħlijiet ta' natura strutturali bħal tiswijiet ta' soqfa u dawk li jinkludu tikhil jew tiswija ta' katusi.
26.1.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' żgħażagħ li qed jirreġistraw u x'persentaġġ jirrappreżentaw ta' dawk li qed jirreġistraw? Liema hi l-eta' li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ tqis bħala persuni li jaqgħu fil-kategorija taż-żgħażagħ? Jekk l-ETC għandha informazzjoni dwar kif jikkompara n-numru ta' persuni żgħażagħ li qed jirreġistraw għax-xogħol mal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jippubblika din l-istatistika?
Jista' l-Ministru jagħti breakdown f'liema settur qed jirreġistraw dawn iż-żgħażagħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' żgħażagħ taħt il-25 sena li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' Ottubru 1998 kien ta' 2,181. Dawn jirrapreżentaw 29.9% ta' dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol.
L-etajiet li żżomm il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ huma skond Istituzzjonijiet Internazzjonali bħal Eurostat u ILO. L-eta assenjata għaż-żgħażagħ hija ta' dawk li huma taħt il-25 sena.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A fejn turi għal liema kategorija ta' xogħol dawn iż-żgħażagħ kienu qed jirreġistraw.
Il-persentaġġ ta' żgħażagħ li qed jirreġistraw għax-xogħol fl-Unjoni Ewropeja f'Ottubru 1998 kien kif ġej.
Belġju 21.6 Danimarka 6.3 Ġermanja 10.1
Greċja N/A Spanja 34.4 Franza 26.8
Irlanda 12.0 Italja 33.3 Lussemburgu 6.7
Olanda 6.2 Awstrija 6.3 Portugal 8.9
Finlandja 23.5 Svezja 14.5 Ingilterra N/A
26.1.99
Impjiegi — Ħaddiema li weġgħu fuq il-postijiet tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li weġġgħu fuq fuq ix-xogħol fl-aħħar għaxar snin sena b'sena u li sofrew minn xi diżabilita' permamenti? Kemm kienet id-diżabilita' ta' dawn il-persuni? Kemm ħareġ il-gvern f'għajnuna soċjali lil dawn il-persuni sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Iċ-ċifri tan-nies li weġgħu fuq ix-xogħol f'dawn l-aħħar għaxar snin u sofrew minn xi diżabilita' permanenti hu kif indikat f'din il-lista. Dawn il-persuni jirċievu somma flus f'każ ta' Diżabilita' Permanenti ta' anqas minn 20%, jew Pensjoni għad-Diżabilita' fejn il-persentaġġ ta' diżabilita' jkun bejn 20% u 89% jew Pensjoni għal Invalidita' fejn il-persentaġġ ikun aktar minn 89%. Dawn il-benefiċċji jitħallsu taħt l-iskema kontributorja u mhux bħala Għajnuna Soċjali.
26.1.99
Impjiegi — Ħaddiema li weġgħu fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm weġgħu persuni fuq ix-xogħol matul is-sena 1998? Kemm mietu, kemm weġġgħu ħafif u kemm gravi? Kemm nefaq il-gvern fuq għajnuna soċjali lil dawn il-persuni? Kemm intilfu working days minħabba dawn il-korrimenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari Numru 3801 fejn qed tingħata l-informazzjoni li fiha inkluż iċ-ċifri li ġew iffinaliżżati sal-lum. Ma' din l-informazzjoni wieħed jista' jżid li kien hemm 12-il inċident fatali fuq ix-xogħol fl-1998.
26.1.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-ETC mill-31 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru 1998? Jista' l-Ministru jgħid ukoll, jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għal imsemmi impjieg?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-perjodu bejn 31 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru 1998, mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, ma ġie mpjegat ħadd.
25.1.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mas-sedqa mill-31 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru 1998? Jista' l-Ministru jgħid ukoll, jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għal imsemmi impjieg?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-perjodu ndikat mill-Onor. Membru, ġew impjegati erba' ħaddiema ġodda mal-Aġenzija Sedqa.
Tnejn minn dawn ġew impjegati wara sejħiet għall-applikazzjonijiet li kienu ħarġu rispettivament fis-19 u l-31 ta' Mejju 1998. It-tnejn l-oħra ġew magħżula minn listi pprovduti mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ u kienu ilhom jirreġistraw mill-10 ta' Diċembru 1997 u s-7 t'Ottubru, 1998 rispettivament.
25.1.99
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji tista' tingħata rikonoxximent fuq proprjeta' tal-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed nippresumi li l-Onor. Membru qed jirreferi għal rikonoxximent ta' kirijiet ta' postijiet li huma proprjeta' tal-Gvern.
Jien infurmat li, f'dak il-każ, id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jevalwa u jiddeċiedi kull talba għal rikonoxximent fuq il-mertu tagħha.
25.1.99
Jista' l-Ministru jgħid għas-snin 1980-1998, x'kien n-numru ta' inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol, sena b'sena maqsumin f'każi ta' rġiel u nisa? Kemm kien il-kumpens mogħti f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
25.1.99
In vista ta' dak li qal l-Arċisqof fis-16 ta' Jannar 1998 li skond kif ġie rrapportat f'"The Times" i.e. "Archbishop Joseph Mercieca yesterday called on the state to financially compensate married mothers who contributed to the common wealth of society by staying at home to raise and give their full attention to their children", jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-Gvern preżenti f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-proposta li huwa rrapportat li għamel Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca fl-istqarrija indikata mill-Onor. Membru diġa' kienet ġiet esplorata fil-passat taħt Amministrazzjoni oħra. Waqt li l-benefiċċju propost ikun irid jiġi kkunsidrat fl-isfond tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' pajjiżna, jidher ukoll li f'pajjiżna llum hawn opinjonijiet differenti dwar kemm din il-proposta hija valida.
Infakkar lill-Onor. Membru li qabel l-Ellezzjonijiet Ġenerali ta' l-1996, il-Partit Laburista kien wiegħed l-hekk imsejjħa 'paga soċjali' li kellha 'tiżgura li l-familji jekk iridu jaħdmu "extra", jagħmlu dan għax jagħżlu huma'. L-Onor. Membru jaf li din il-wegħda ma twettqitx.
25.1.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm arretrati fin-National Insurance dovuti minn korporazzjonijiet u kumpanniji li fihom il-gvern għandu sehem? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm arretrati dovuti minn kumpanniji privati u minn individwi privati self-employed? Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jinġabru l-arretrati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sa Diċembru ta' l-1997, kien hemm arretrati ta' kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali fl-ammont ta' Lm45,000 dovuti minn korporazzjonijiet u kumpaniji li fihom il-gvern għandu sehem. Dan l-ammont hu dovut kollu minn kumpaniji li huma fl-istadju ta' likwidazzjoni.
Kien hemm ukoll ammont ta' madwar Lm6.0m dovuti minn kumpanija oħra. Fir-rigward ta' individwi privati li jaħdmu għal rashom, l-ammont dovut ma jistgħax jiġi stabbilit peress li l-kontribuzzjoni dovuta tiddependi minn dħul ta' l-individwu fis-sena. Għaldaqstant, jekk wieħed ma jkunx jaf kemm hu d-dħul, ma jistgħax jiġi kkalkolat l-ammont ta' kontribuzzjoni dovuta.
Fir-rigward tas-sena 1998, kif jaf l-Onor. Interpellant l-Abbozz ta' liġi li jemenda l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, u li issa qiegħed fi stadju ta' kumitat, jgħid li r-responsabbilita' ta' ġbir u l-infurzar għal ħlas ta' kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali, ser tgħaddi fuq id-Dipartiment tat-Taxxi Nterni b'effett mill-1 ta' Jannar 1998.
25.1.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal taħt is-16-il sena li nqabdu jaħdmu fl-1998? X'tip ta' postijiet ta' xogħol inqabdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' tfal taħt is-16-il sena li nqabdu jaħdmu fl-1998 kien ta' 33. It-tipi ta' postijiet ta' xogħol huma kif ġejjin:
BUILDING SITES 2
RESTAURANTS 4
SHOPS 7
STORE 1
CONFECTIONERIES 3
SUPERMARKETS 4
HOTELS 5
PUB 1
HAWKERS 2
PASTIZZERIA 2
QUARRIES 1
FACTORIES 1
25.1.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għall-impjieg matul Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru 1998 minn: (a) servizz pubbliku; (b) enti statutorji; (ċ) enti u kumpanniji li l-Gvern direttament jew indirettament, għandu mill-inqas nofs l-ishma tagħhom; u (d) is-settur privat? Jista' l-Ministru jindika d-dipartiment, enti jew kumpannija fil-każ ta': (a), (b) u (ċ) kif ukoll ix-xogħol mitlub f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
25.1.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru job placements mill-ETC matul Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru 1998? Kemm placements saru mill-Job Centre minn Ħal Far u minn Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' placements li saru mill-ETC matul ix-xhur ta' Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru 1998 kien ta' 97, 226, 208, 105 rispettivament. Dawn kienu maqsuma kif jidher hawn taħt:
1998 PARASTATALI PRIVAT
Ħ Ħal-Far Job Centre Għawdex Job Centre
(Malta) (Gozo)
Settembru 22 38 35 2 -
Ottubru 71 86 59 10 -
Novembru 9 71 116 12 -
Diċembru 2 43 52 6 2
25.1.99
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li marru jirreġistraw matul ix-xhur ta' Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru? Kemm minn dawn il-persuni qed jirreġistraw għall-ewwel darba? Kemm minnhom kellhom, impjiegi qabel ma marru jirreġistraw f'dawn ix-xhur? F'liema kategorija ta' mpjiegi (skilled, unskilled, professional eċċ) applikaw dawk li marru jirreġistraw f'dawn l-aħħar tliet xhur? Fl-istess żmien skond l-ETC kemm kienu l-persuni li sabu mpjieg ġdid?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni li marru jirreġistraw għax-xogħol matul ix-xhur ta' Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru 1998 kien ta' l,234, 1,353, 1,212, 1,071 rispettivament. Minn dawn hemm:
366 li rreġistraw għall-ewwel darba f'Settembru 1998
498 li rreġistraw għall-ewwel darba f'Ottubru 1998
292 li rreġistraw għall-ewwel darba f'Novembru 1998 u
255 li rreġistraw għall-ewwel darba f'Diċembru 1998
Minn dawn ta' hawn fuq kien hemm 241 f'Settembru, 326 f'Ottubru, 214 f'Novembru u 212 f'Diċembru li kellhom impjieg qabel ma marru jirreġistraw.
Qiegħed nehmez tabella li turi għal liema kategorija ta' mpjiegi applikaw dawk li marru jirreġistraw f'dawn l-aħħar tliet xhur.
Skond l-ETC in-numru ta' 'Engagements' li rċeviet kienu ta' 2,340 f'Settembru, 5,486 f'Ottubru, 4,871 f'Novembru u 1,891 f'Diċembru 1998. Dawn il-figuri jinkludu wkoll persuni ġodda.
25.1.99
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu regolarizzati bħala pensjoni dawk il-ħaddiema li llum huma pensjonanti wara li kienu marru minn maċ-Ċivil għall-korporazzjonijiet jew entitajiet parastatali?
Jista' l-Ministru jgħid li bħal dawn hemm madwar 160 pensjonant li qegħdin jistennew l-aġġustament meħtieġ u rikjest?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-informazzjoni mogħtija fil-Mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant, jidher li hu qiegħed jirreferi għal pensjoni tat-Teżor li titħallas taħt l-Ordinanza tal-Pensjonijiet. Għaldaqstant nitlob lil Onor Interpellant li jressaq il-Mistoqsija tiegħu lil Onor. Ministru tal-Finanzi.
25.1.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-għajnuna soċjali għal mara li romlot wara li żewġha miet qabel l-eta' tas-60 sena u li ma ħallasx il-benefiċċji soċjali maż-żmenijiet kollha b'mod regolari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-ħlas tal-Għajnuna Soċjali huwa suġġett għat-test tal-meżżi. Ir-rata dovuta tiddependi minn-numru ta' persuni li jkunu jiffurmaw il-familja.
Armla li m'għandhiex pensjoni kontributorja, u li tgħix waħedha, titħallas rata ta' Għajnuna Soċjali ta' Lm27.13 fil-ġimgħa li magħhom jiżdiedu Lm1.34 bħala Bonus Addizzjonali. Il-persuna tkun tista' tibbenefika wkoll minn 50 ċenteżmu fil-ġimgħa jekk tkun tħallas il-kera għal post fejn toqgħod, u tista' wkoll tikkwalifika għal skont fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Persuna fuq l-Għajnuna Soċjali normalment tkun intitolata biex tirċievi wkoll l-Allowance Supplimentari ta' Lm1.15 fil-ġimgħa.
25.1.99
Peress li kienet il-policy tal-gvern preċedenti, u peress li kien sar qbil bejn il-Floriana Senior Citizens, il-kunsilli lokali, kif ukoll il-Planning Authority li d-djar vojta fil-Furjana ma jingħatawx permess għal użu ta' uffiċini kummerċjali, jista' l-Ministru jgħid x'se tkun il-policy tal-gvern preżenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
25.1.99
Jaf il-Ministru li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ilha li applikat mad-dipartiment konċernat xi sena u nofs ilu biex titranġalha l-gallarija? Jaf li tali gallarija waslet biex taqa' fuq in-nies? X'possibbilta' hemm li tali xogħol isir fi żmien qasir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li x-xogħol indikat huwa approvat. Jidher li, minħabba problemi finanzjarji, x-xogħol ta' tiswija tal-gallarijiet fl-1998 kien waqa' lura. Ser isir sforz biex dan ix-xogħol jingħata prijorita' fl-1999.
25.1.99