Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birgu — Problema tad-drenaġġ f'residenza privata

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2762, jista' il-Ministru jgħid x'tama hemm li xi darba tiġi solvuta l-problema tad-drenaġġ tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ilha tbati minnha għal aktar minn tliet snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li wara spezzjoni fuq il-post li għaliha kien preżenti Inġinier tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u l-Ispettur Sanitarju tal-inħawi, kien konkluż illi l-problema ġejja minn ħsara f'sufun (intercepting chamber) privat fi Triq La Vallette li tiġi 'l fuq minn Triq Skolastika. L-Awtoritajiet Sanitarji issa se jieħdu passi biex din il-ħsara tissewwa mis-sid privat ta' dan is-sufun. Inżid ngħid illi rigward is-survey li kien sar mill-Korporazzjoni permezz tas-CCTV, dan ma kkonermax li hemm ħsara fil-mejn pubbliku kif ġie allegat.

Pembroke — Katusa tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jinformani meta se tissewwa l-katusa tad-drenaġġ f'St. Patricks ġewwa Pembroke? Jista' il-Ministru jinvestiga peress li l-WSC qed jgħidu li ssewwiet waqt li r-residenti qed jgħidu li għada ma ssewwietx?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li meta sar 'survey' tal-main tad-drenaġġ fit-triq imsemmija permezz tal-'closed circuit television' ma nstabx li kien hemm xi katusa mkissra. Instabet ħsara f'manhole u din ġiet irranġata.

Medigrain — Każijiet quddiem l-Ombudsman

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Medigrain kellhiex xi każijiet quddiem it-Tribunal Industrijali u/jew l-Ombudsman tul dawn l-aħħar erbgħa snin? Kif spiċċaw dawn il-każi? Kemm swew (bħala kumpens) dawn il-każi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Medigrain kellha żewġ każi: 1. Il-kaz ta' Joseph Chircop quddiem il-Kummissjoni tal-Inġustizzji li ġie bonarjament miftiehem bejn il-kumpanija u l-individwu. Dan tħallas LM1600 fis-sena 2000. 2. Il-kaz ta' Joseph Galea (ex Foreman) quddiem l-Ombudsman rigward il-pensjoni tal-irtirar. Dan il-kaz ma sewa ebda flus lill-kumpanija.

Medigrain — Weighing bridge

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-weighing bridge modern li kien hemm mas-silo tal-Medigrain? X'sar mis-sistemi ta' computers li kellha l-Medigrain? Jista' jgħid jekk jeżistix inventarju ta' l-għodod li kellha l-Medigrain? X'sar minnhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li kemm il-Weighbridge, kif ukoll il-computers qegħdin jinżammu ġewwa Kordin Grain Terminal. Jeżisti inventarju ta' l-għodod li kellha l-Medigrain u dawn ukoll qed jinżammu ġewwa KGT.

Medigrain — Xiri ta' vetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi mill-Medigrain mill-1 ta' Jannar 2000 sa Settembru 2003, sena b'sena? X'tip ta' vettura kienu? Kemm ġiet tiswa kull vettura? X'mod intuża biex inxtraw? X'sar minn kull karozza llum?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li fis-sena 2000 biss inxtraw vetturi: Opel Astra - LM8,680, Opel Combo - LM6,380, Rover 75 - LM16,086. Fis-snin l-oħra ma nxtraw l-ebda vetturi. Il-mod li ntuża biex inxtraw - Ġie studjat x'kien jaqbel jekk hux jiġu mixtrija jew 'leased' u wara li ittieħdet id-deċizjoni (mill-Bord) li jkunu mixtrija ġie magħruf x'hemm fis-suq u l-prezzijiet qabel ma ittieħdet id-deċizjoni finali. Ir-Rover 75 inbiegħ filwaqt li l-Opel Astra u l-Opel Combo għadhom għand il-kumpanija.

Medigrain — Deputy chairman

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-post ta' deputy chairman mal-Medigrain, sa mit-twaqqif tagħha fil-bidu tat-tmeninijiet, qatt ma kien jeżisti u nħoloq ftit ilu biss? X'kienet ir-raġuni wara din id-deċiżjoni? Min inħatar u x'salarju u benefiċċji oħra ingħata?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-post ta' deputy chairman mal-Medigrain inħoloq fl-1 ta' Awwissu 1999. Dan inħatar mill-MIMCOL. Inħatar is-Sur Anthony Agius bis-salarju ta' Lm 4000 bil-benefiċċju li jagħmel użu minn karozza tal-kumpanija.

Medigrain — Ħażna ta' qmuħ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet tammonta l-ħażna ta' ċerejali (qmuħ) fis-silos tal-Medigrain sena b'sena, minn Jannar 2000 sa Settembru 2003?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Medigrain impurtat ammont totali ta' qmuh kif indikat hawn taħt filwaqt li ħażnet il-maġġor parti tal-qmuh ġewwa Kordin Grain Terminal. Il-Medigrain kellha kuntratt sabiex taħżen 100,000 mt ġewwa s-silos ta' KGT u l-bilanċ jinħażen ġewwa s-silos tal-Medigrain. Il-Medigrain impurtat Total ta': 2000 166,882 mt 2001 157,768 mt 2002 150,078 mt 2003 137,386 mt Fis-sena 2000 il-Medigrain storjat kollox ġewwa Kordin Grain Terminal sabiex isir "General Maintenance" tas-silos. Fis-sena 2001 ġewwa l-Medigrain inħażżnu 47,130 mt Fis-sena 2002 ġewwa l-Medigrain inħażżnu 41,502 mt Fis-sena 2003 ġewwa l-Medigrain inħażżnu 50,096 mt

Air Malta — Handling

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li l-handling fl-Air Malta se jiġi meħud minn kumpannija oħra barra l-Air Malta u jekk huwa l-każ x'se jiġri mill-ħaddiema preżenti tar-rampa?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Air Malta m'għadhiex tgawdi aktar il-monopolju tal-Handling kif kienet qabel. Min-naħa l-oħra l-Air Malta tat garanzija li ma tagħmilx redundences kif hemm stipulat fil-ftehim milħuq bejn l-erba' Unions u l-Air Malta artiklu 2.3.

Sea Malta — privatizzazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi rapporti jew feasibility studies mill-Ministeru tiegħu jew xi entita' tiegħu dwar il-privatizzazzjoni tal-kumpannija Sea Malta? Jekk saru dawn ir-rapporti, jista' jgħid min kienet il-kumpannija li għamlithom? F'dawn ir-rapporti saret xi valuation of shares ta' l-istess kumpannija? X'kien ir-riżultat ta' din il-valutazzjoni? Fin-negattiv jew fil-pożittiv? Jekk saru dawn ir-rapporti, jista' jgħid x'kienu l-konklużjonijiet tagħhom dwar is-sale tas-Sea Malta mill-gvern?

Response (GATT, AUSTIN)

Waqt li nikkonferma illi saru kemm 'feasibility studies' kif ukoll 'share valuation' ma jidhirx li f'dan l-istadju delikat tal-proċess ta' privatiżżazzjoni għandi nagħti d-dettalji mitluba.

Sea Malta — Privatizzazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-kumpanniji li pparteċipaw fir-Request for Proposals għall-privatizzazzjoni tas-Sea Malta? Jista' jagħti d-dettalji ta' dawn is-sidien jew kumpanniji? Minn dawn il-kumpanniji, jista' jgħid kemm minnhom s'issa aċċessaw id-data rooms tal-kumpannija Sea Malta? Jista' jgħid kemm minn dawn il-kumpanniji li jipparteċipaw fir-request for proposals għamlu s-sottomissjonijiet tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-PQ 7360.

Sea Malta — Pjan ta' ristrutturar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi pjan ta' ristrutturar għal kumpannija Sea Malta f'każ li l-privatizzazzjoni tagħha ma tkunx vijabbli? Jista' jgħid jekk saritlux xi rakkomandazzjoni jew proposta ta' ristrutturar ta' din il-kumpannija? Jekk iva, jista' jgħid xi spiża teħtieġ biex din il-kumpannija tiġi ristrutturata?

Response (GATT, AUSTIN)

In vista tal-proċess ta' privatizazzjoni li għadu għaddej, jidhirli li hu prematur li nirrispondi din id-domanda fid-dettal għalkemm nista' ngħid li ġew kunsidrati diversi "restructuring scenarios".

Bormla — Qasam tad-djar ta' Verdala - provvista ta' elettriku

Question

Jista' il-Ministru jara li tissaħħaħ il-provvista ta' l-elettriku fil-housing estate ta' Verdala peress li l-maġġoranza tar-residenti qed iħabbtu wiċċhom ma' problemi meta jiġu biex jixgħelu ċerti appliances?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret jidher li r-rinfurzar meħtieġ fl-Area msemmija huwa estensiv. Minħabba f'hekk ix-xogħol neċessarju tqassam f'erba' fażijiet. L-aħħar fażi għandha sa l-aħħar ta' Settembru 2004.

Delimara — Breakwater

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6734 dwar breakwater f'Delimara li tkisser, possibbli l-korporazzjoni Enemalta tirranġa dan il-breakwater billi hemm riskju li bil-maltemp issir ħsara lil xi opri tas-sajd ta' sajjieda Xlukkajri? Billi fil-mistoqsija parlamentari tiegħi 6734 intqal li dan il-breakwater hu responsabbilta' tal-korporazzjoni Enemalta, possibbli jgħid jekk il-korporazzjoni Enemalta hux se tirranġa dan il-breakwater?

Response (GATT, AUSTIN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond il-liġi l-"breakwater" mhux responsabilta' tal-Enemalta.

Maltacom — Servizz ta' telephone mill-iskejjel

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-iskejjel jiġu mitluba jħallsu rati kummerċjali għat-telephone, anke dawk li jagħmlu użu mill-Easy Line?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li f'każijiet fejn jidħlu l-iskejjel u entijiet oħra, Maltacom plc timxi fuq il-lista maħruġa mid-Dipartiment tal-VAT (Subsidiary Legislation 123.24), li tindika dawk l-entijiet li huma Vat-exempt. Peress li l-iskejjel mhumiex inklużi f'din il-lista, Maltacom titlob li dawn iħallsu rati kummerċjali.

Maltacom — Sistema tal-Giraff

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet swiet is-sistema tal-Giraff li kienet ġiet mixtrija mill-Maltacom, dak iż-żmien TeleMalta, u li bdiet tintuża f'Ġunju 1995? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm xi tip ta' kuntratt jew xi ħaġa oħra għall-maintenance tas-sistema? Dan kemm kien jiswa? Kemm-il darba ġew mitluba l-kuntratturi Franċiżi sabiex dawn jagħmlu maintenance fuq is-sistema matul dawk is-snin li damet tintuża? Jista' jgħid ukoll min kien għamel in-negozjati f'isem il-Maltacom dak iż-żmien TeleMalta, sabiex inxtrat din is-sistema u x'kien jisimha l-kumpannija li forniet din is-sistema?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-PQ 1130.

Studenti universitarji — Summer work

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati studenti universitarji mill-Junior College jew MCAST bħala summer workers mal-ministeru jew aġenziji li jaqgħu taħtu dan is-sajf? Jista' jgħid kemm ġew ingaġġati?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6421.

Birkirkara — Dwal biswit it-terminus tal-karozzi tal-linja

Question

Jista' il-Ministru jara li d-dwal li hemm fl-istazzjon ta' Birkirkara kif ukoll dawk li hemm biswit it-terminus tal-karozzi tal-linja fl-istess post, jerġgħu jinxtegħlu? Jaf li din iz-zona ilha fi dlam ċappa għal ġimgħat sħaħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-manutenzjoni tal-bozoz imsemmija ma taqax taħt ir-responsabilita' ta' l-Enemalta.

Enemalta — Użu ta' barge għal fuel fl-impjant tal-Qajjenza

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk għal xi perijodu matul ix-xhur li għaddew il-korporazzjoni Enemalta kenitx qiegħda tuża xi barge sabiex twassal il-fuel fl-impjant li għandha l-Qajjenza? Jekk fl-affermattiv, ta' min kienet din il-barge u x'kienu l-kondizzjonijiet tal-kuntratt ta' l-użu tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minn naħa ta' l-Enemalta, qatt ma sar trasport ta' fuel lejn in-naħa tal-Qajjenza.