Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ksur tat-Taqsima VIII tal-Kap. 378 — sanzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew imposti sanzjonijiet minħabba xi allegat ksur tat-Taqsima VIII tal-Kap. 378 minn Mejju 2011 s’issa, sena b’sena? X’kienu dawn is-sanzjonijiet u kemm minnhom ġew ikkontestati quddiem il-Qorti u x’kien l-eżitu f’kull każ?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fis-sena 2012 kienu nħarġu ħames (5) Ordnijiet ta’ Tħaris minħabba ksur skont prattiċi kummerċjali mhux ġusti fir-reklamar fis-settur tat-telekomunikazzjoni. Tnejn minn dawn appellaw lit-Tribunal tal-Appell għal-Kompetizzjoni u għal Konsumatur u dan l-appell għadu pendenti (sub judice). Fl-2015 ħarġet deċiżjoni ammistrattiva li biha ġew imposti multi amministrattivi ta’ €12,900 fir-rigward ta’ kumpanija stabbilita Malta minn ċittadin Żvediż bi ksur ta’ prattiċi kummerċjali mhux ġusti.

Ksur tat-Taqsima VII tal-Kap. 378 — sanzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew imposti sanzjonijiet minħabba xi allegat ksur tat-Taqsima VII tal-Kap. 378 minn Mejju 2011 s’issa, sena b’sena? X’kienu dawn is-sanzjonijiet u kemm minnhom ġew ikkontestati quddiem il-Qorti u x’kien l-eżitu f’kull każ?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fis-sena 2011 żewġ operaturi kienu għamlu użu minn termini mhux ġusti fil-kuntratti tas-servizz tat-televiżjoni. Wara diskussjonijiet irregolarizzaw ruħhom volontarjament. Għalhekk ma ġewx imposti multi amministrattivi. Fis-sena 2015 ġie investigat operatur tat-telekomunikazzjoni li kien uża termini mhux ġusti fil-kuntratti tas-servizzi rigward ħlasijiet fuq metodi ta’ pagamenti. L-operatur konċernat irregolarizza ruħu volontarjament.

L.S. 378.17 tal-Kap. 378 — sanzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew imposti sanzjonijiet minħabba xi allegat ksur tal-L.S. 378.17 magħmula taħt il-Kap. 378, minn Ġunju 2014 s’issa, sena b’sena? X’kienu dawn is-sanzjonijiet u kemm minnhom ġew ikkontestati quddiem il-Qorti u x’kien l-eżitu f’kull każ?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2015 ġiet imposta multa ta’ €20,000, lill-kumpanija stabbilita Malta minn cittadin Żvediż. Dan kien qed jikser l-obbligu li jagħti tagħrif lill-konsumaturi Żvediżi dwar bejgħ mill-bogħod. Fl-istess sena, kampanija fil-qasam tat-telekomunikazzjoni kienet qed timponi ħlas żejjed fuq metodi ta’ pagamenti. Permezz tad-diskussjonijiet il-kumpanija għażlet li tirregolariżża ruħha billi neħħew il-ħlas.

Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – miżuri leġiżlattivi

Question

Fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tat-3 ta’ Mejju 2016 fl-ismijiet Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et, tista’ l-Ministru tispjega jekk hux se jittieħdu xi miżuri leġiżlattivi biex id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) ikollu l-għodda kollha fil-liġi biex ikun jista’ jaġixxi f’każ ta’ allegat ksur ta’ liġi dwar il-kompetizzjoni u fejn meħtieġ jimponi jew jitlob l-impożizzjoni ta’ multi jew sanzjonijiet oħra? Jekk iva’ x’inhuma?

Response (DALLI, HELENA)

Jidher li Onor. Interpellant mhux infurmat li l-miżuri leġislattivi ġew mgħoddija lill-Oppożizzjoni, fl-1 ta’ Settembri 2016 għal-kunsiderazzjoni tagħha qabel dawn jitressqu għad-diskussjoni fil-parlament. Fil-fatt il-gvern qed jistenna il-ħsieb ta’ l-oppożizzjoni dwar dan.

Azjendi agrikoli f’Malta u Għawdex – tkabbir ta’ prodotti b’mod bijoloġiku

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm azjendi agrikoli li qed ikabbru l-prodotti tagħhom b'mod bijoloġiku ġew mogħtija ċertifikazzjoni f'Malta u f'Għawdex, separatament? Fejn jinsabu dawn l-azjendi u kemm hi l-art, f'kull każ li tinħadem b'dan il-mod?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li hawn tlettax-il azjenda li għandhom ċ-certifikati għal biedja organika maħruġa mill-MCCAA. Ħdax minhom huma f’Malta u tnejn huma f’Għawdex. It-tabella hawn taħt turi fejn jinsabu dawn l-azjendi u kemm hi l-art li tinħadem b'dan il-mod: Lokalita’ Erja agrikola totali (Ettari) Żebbiegħ 12.7 Manikata 9.0 Marsaxlokk 8.0 Marsa 3.7 Dingli 3.4 Siggiewi 2.6 Mġarr 2.2 Siġġiewi 2.1 Baħrija 1.9 Mellieħa 1.3 Marsascala 0.2 Nadur (Għawdex) 8.9 Qala (Għawdex) 6.6

MCCAA – ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' persuni li llum (meta tiġi mwieġba din id-domanda), qed jaħdmu mal-MCCAA? Kemm kien in-numru ta’ ħaddiema f'din l-istess aġenzija, fil-bidu tal-2013? Fiex huma impjegati l-ħaddiema ġodda li hemm ma’ din l-aġenzija? Meta hu mistenni li jiżdiedu iktar ħaddiema, u f'liema kategorija ta' impjegati?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li llum hemm mija u tnejn u erbgħin (142) impjegat mal-MCCAA. Fil-bidu tal-2013 kien hemm mija u tmienja u għoxrin (128) impjegat. Il-ħaddiema l-ġodda huma teknici, amministrattivi u professjonisti; Qegħdin fil-proċess biex nimpjegaw iktar ħaddiema mal-MCCAA f’ pożizzjonijiet amministrattivi u professjonali. Skont kif meħtieġ biex tissaħħah il-ħidma ta’ din l-Awtorita’ kif imwiegħed fil-program elettorali ta’ dan il-Gvern.

OHSA – skips fil-qasam tal-kostruzzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji, biex permezz tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) jiġi assigurat li l-bosta skips li jintużaw fil-qasam tal-kostruzzjoni, fil-fatt ikollhom id-dettalji tas-sidien tagħhom miktuba fuqhom, kif ukoll li jiġi assigurat li dawn l-istess skips, meta jkunu qed jitħallew barra, b'mod partikulari fit-toroq residenzjali, ikollhom ukoll dawl adegwat magħhom, u dan biex jiġu evitati inċidenti li jistgħu jirriżultaw minħabba nuqqas ta' dawl?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lilll-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lil Ministru kkoncernat.

MCCAA – prodotti li ma kenux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' passi li ttieħdu mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) għal dak li jirrigwarda prodotti li ma kenux konformi ma’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet li fil-fatt kienu indikati? Kemm u meta ġew irtirati prodotti mis-suq lokali mill-MCCAA, , matul l-aħħar 12-il xahar?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li matul dawn l-aħħar 12-il xahar, jiġifieri bejn Settembru 2015 u Settembru 2016, id-Direttorat tas-Sorveljanza tas-Suq fi ħdan id-Divizjoni tar-Regolamenti Tekniċi tal-MCCAA ħadet passi fuq 69 prodott differenti li instabu li ma kenux konformi mar-rekwiżiti tal-liġijiet applikabbli. Id-Direttorat tas-Sorveljanza tas-Suq ordna l-irtirar ta’ 54 prodott matul dan il-perjodu. Dawn l-azzjonijiet ittieħdu matul is-sena kollha b’mod regolari skont meta’ instabu dawn in-nuqqasijiet.

Prodotti mkabbra mingħajr pestiċidi u fungiċidi

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hawn bdiewa li huma ċertifikati li fil-fatt qed ikabbru prodotti agrikoli mingħajr l-użu tal-pestiċidi u fungiċidi? Fejn jinsabu l-artijiet li huma hekk ċertifikati u kemm huma kbar l-artijiet li qed jitkabbru fihom prodotti b'dan il-mod?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-MCCAA ma tiċċertifikax bdiewa li jkabbru prodotti agrikoli li ma jużawx pestiċidi u fungiċidi. MCCAA toffri ċertifikazzjoni għal biedja organika fejn wieħed mir-rekwiżit huwa li l-pestiċidi u fungiċidi mhumiex permessi.

MCCAA – investiment f’equipments għaċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) investietx f'equipment li permezz tiegħu jkunu jistgħu jiġu ttestjati prodotti agrikoli, u biex jiġu ċertifikati l-istess prodotti? Jekk iva, fiex sar l-investiment li qed issir referenza għalih?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn l-MCCAA u l-Malta Laboratory Network biex dawn it-testijiet, jekk vijabbli jibdew isiru Malta. Ittestjar ta' dawn il prodotti jsiru fl-laboratorji ta' ttestjar lokali u barranin.

International Labour Organisation

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra x’ġie diskuss fl-aħħar laqgħat tul din is-sena mal-International Labour Organisation, min attenda għalihom u xi proġetti jew programmi hemm preżentament għaddejjin mal-istess organizzazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt il-konferenza annwali tal-International Labour Organisation li saret f’Ġinevra f’Mejju u Ġunju 2016 ġew diskussi dawn it-temi fil-kumitati rispettivi tagħhom: · Xogħol diċenti fi “ global supply chains ”, · Reviżjoni ta’ Rakomandazzjoni dwar xogħol diċenti waqt it-tranżizzjoni minn sitwazzjoni ta’ gwerra għal dik ta’ paċi, · Evalwazzjoni tal-impatt tad-Dikjarazzjoni tal-ILO fuq Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Xierqa. Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili attendiet u indirizzat is-sessjoni plenarja tal-konferenza. Għal din il-konferenza attendew ukoll uffiċjali mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg, uffiċjali minn trade unions u mill-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem. Preżentement ma hemmx proġetti jew programmi għaddejjin mal-istess organizzazzjoni.

MCCAA – żieda fit-tariffi għat-trasport għat-tfal tal-iskola

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26159 tista’ l-Ministru tgħid ma’ kemm-il skola l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni għamel laqgħat magħhom u kemm b’kollox saru laqgħat ma’ dawn l-iskejjel? Tista’ tgħid ukoll kemm hemm partijiet li qed jiġu investigati u kemm-il laqgħa saret magħhom?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni talab għat-tagħrif u għal dokumentazzjoni lil disa’ skejjel. Fejn inħasset il-ħtieġa, l-iskejjel intalbu għal aktar kjarifika. Parti waħda qed tiġi investigata u saret laqgħa magħha kif ukoll intalbet tipprovdu tagħrif u dokumentazzjoni li l-Uffiċċju ħass li għandu jkollu.

MCCAA – Investigazzjoni fuq żieda ta’safe deposit boxes

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26160, tista’ l-Ministru tgħid ma’ liema liġijiet issa hemm konformità? Tista’ telenka dawk it-termini u kundizzjonijiet għas-servizz imsemmi li kienu jmorru kontra dawn il-liġijiet u kif dawn ġew riveduti a benefiċċju tal-konsumatur? Tista’ tgħid kif issa għandhom jidhru dawn it-termini u kundizzjonijiet għas-servizz imsemmi? Peress li l-ilment tal-konsumaturi kien ukoll dwar iż-żieda fit-tariffi għas-servizz imsemmi, tista’ l-Ministru tgħid ukoll jekk bħala riżultat tal-intervent tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-imsemmi bank reġġax lura t-tariffi għolja għal dawk li kienu qabel ma qam il-każ?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Bormla – Dar tal-Anzjani – każ ta’ persuna

Question

Tista’ l-Ministru tara jekk hemmx kollox skont kif suppost fil-ħlas li qed titħallas il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li taħdem bħala cleaner mal-privat fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla peress li qed titħallas €4.40 fis-siegħa filwaqt li ħaddiema oħra bħalha li jaħdmu fl-istess dar u impjegati eżatt bħalha, qed jitħallsu bis-€6.50 fis-siegħa?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg bħalissa qed jinvesitgaw il-każ imsemmi.

Pompa tal-petrol — roħs fil-prezzijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari W 373 tista’ l-Ministru tgħid jekk l-investigazzjoni dwar pompa tal-petrol lokali li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel f’Jannar tas-sena l-oħra, ġietx konkluża min-naħa tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-MCCAA? Tista’ tgħid x’kienu l-konklużjonijiet ta’ din l-investigazzjoni? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din id-deċiżjoni anke f’format mhux kunfidenzjali u x’kienet il-ħsara li sofra l-konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ħareġ stqarrija ta’ oġġezzjonijiet lill-partijiet investigati. Skont l-Att dwar il-Kompetizzjoni ingħata access għal-fajl tal-każ u wara l-partijiet ippresentaw is-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub u żviluppaw l-argumenti bil-fomm. L-Uffiċċju huwa fil-proċess li jiffinalizza d-deċiżjoni.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur — rapport

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta’ ħidma tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur li ġie maħtur fis-17 ta’ Ġunju 2013 għall-perjodu ta’ tliet snin?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MCCAA – żieda fit-tariffi għat-trasport għat-tfal tal-iskola

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26159, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-każ dwar iż-żieda fit-tariffi għat-trasport għat-tfal tal-iskola hux qed jiġi investigat ukoll mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA? Jekk dan mhux il-każ, tista’ tispjega għalfejn dan mhux qed isir?

Response (DALLI, HELENA)

Ninfurma lill-Onor. Interpellant lin-natura tal-kwistjoni tmur oltre l-kompetenzi tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, li effettivament ma jistax jinvestiga għaliex il-kontroll ta’ dawn it-tariffi mmur oltre l-kompetenzi ta’ dan l-Uffiċċju kif stabbiliti fil-liġi.

MCCAA – żieda fit-tariffi għat-trasport għat-tfal tal-iskola

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26159 tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur jew l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-MCCAA ħarġux interim measure, jew xi miżura oħra, sabiex ma jidħlux fis-seħħ iż-żieda fit-tariffi għat-trasport għat-tfal tal-iskola qabel ma jiġu konklużi l-investigazzjonijiet meħtieġa? Jekk din l-interim measure, jew miżura oħra, ma nħarġitx tista’ tispjega għalfejn dan ma sarx?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni jista’ joħroġ interim measure f’kaz li jkun hemm riskju li ssir ħsara serja u irreparabbli lill-kompetizzjoni u dan fuq sejba ta’ ksur prima facie tal-artikoli 5 u / jew 9 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni. Sa issa l-Uffiċċju ma sabx każ li prima facie hemm ksur ta’ dawn l-artikoli.

MCCAA – żieda fit-tariffi għat-trasport għat-tfal tal-iskola

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26159 u fl-isfond tal-fatt li possibbilment numru kbir ta’ ġenituri ser ikunu ffaċċjati b’tariffi għola għat-trasport għat-tfal tal-iskola tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, jew l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA għamlux analiżi dwar x’inhuma l-alternattivi għall-ġenituri biex ma jħallsux dawn it-tariffi għola meta tibda s-sena skolastika l-ġdida? Jekk iva x’inhuma l-konklużjonijiet li wasslu għalihom? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din l-analiżi? Jekk din l-analiżi ma saritx tista’ l-Ministru tgħid għalfejn ma saritx?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni qed jagħmel l-investigazzjoni dwar jekk iż-żieda minn wieħed mill-operaturi li jipprovdi t-transport għat-tfal tal-iskola tikkosstitwixxi xi ksur tal-Att dwar l-Kompetizzjoni. F’dan l-isfond qed jara fost affarijiet oħra, it-tariffi li qed jiġu offruti minn operaturi oħra fis-settur.

MCCAA – żieda fit-tariffi għat-trasport għat-tfal tal-iskola

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26159, tista’ l-Ministru tgħid meta l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni beda jinvestiga l-każ imsemmi?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni beda jinvestiga l-każ imsemmi fil-25 ta’ April 2016.